Ġeneru (tassonomija)

(Rindirizzat minn Ġeneru)

Fin-Nomenklatura Binominali użata mad-Dinja kollha, l-isem ta' organiżmu huwa magħmul minn 2 partijiet: l-isem ġeneriku (dejjem kapitalizzat) u l-isem speċifiku (magħruf bħala "epithet"). Eżempju huwa Homo sapiens, l-isem xjentifiku tal-ispeċi Umana li tagħmel parti mill-Ġeneru Homo.

Il-burduri bejn il-Ġeneri kienu storikament suġġettivi, iżda bl-avvent tal-Filoġenetika, sar ferm aktar komuni li l-livelli tassonimiċi kollha 'l fuq mil-livell speċifiku jridu jkunu ristretti għal gruppi li juru biċ-ċar li huma monofiletiċi, dan ifisser li d-dixxendenti ta' Takson anċestrali jridu jiġu miġbura flimkien fi grupp wieħed, anke jekk uħud minnhom ma jkunux jaqsmu l-karatteristiċi viżibli kollha mal-bqija. Dan kollu fil-kodiċi taż-Żooloġija jew tal-Botanika qatt ma kien rekwiżit u b'hekk din hija diskussjoni taħraq għaddejja l-ħin kollu fil-qasam tas-sistematika; jekk wieħed għandux jibbaża fuq il-Kladistika jew fuq il-Fenetika. Fil-present, il-biċċa l-kbira tal-klassifikazjonijiet ibbażati fuq il-Fenetika qegħdin jiġu bil-mod il-mod mibdula bi klassifikazjonijiet ibbażati fuq il-Kladistika (eż. Reptilia u Amphibia ma għadhomx użati).

Ħafna Ġeneri jistgħu jiġi maqsuma f'Sottoġeneri (singular Sottogeneru).

Ġeneru f'Renju jista' jiġi użat bħala isem ta' Ġeneru jew Takson ieħor f'Renju ieħor, għalkemm l-International Code of Zoological Nomenclature u l-International Code of Botanical Nomenclature jagħtu l-parir biex dan ma jsirx. Hemm 'il fuq minn 5000 minn dawn l-ismijiet użati f'aktar minn Renju wieħed. Eżempji huma Anura li huwa isem ta' Ordni taż-Żrinġijiet imma huwa wkoll isem ta' Ġeneru ta' pjanti u Aotus li huwa isem ta' Ġeneru tal-pjanta tal-piżelli u ta' Xadina tal-lejl.

Ovvjament fl-istess Renju isem ġeneriku partikolari jista' jintuża għal Ġeneru wieħed. Dan jispjega għaliex il-Ġeneru tal-platipu huwa Ornithorhynchus — għall-ewwel George Shaw fl-1799 kien semmieħ Platypus, iżda kien diġa' użat għal insett minn Johann Friedrich Wilhelm Herbst fl-1793 u peress li l-platipu u l-insetti jagħmlu parti mill-istess Renju l-Animalia, l-isem Platypus ma setax jintuża għat-tnejn li huma u b'hekk Johann Friedrich Blumenbach fis-sena 1800, għall-platipu, ippublika l-isem xjentifiku Ornithorhynchus bħala sostitut.

Il-Ġeneru bħala Takson fil-ġerarkija obbligatorja qiegħed eżatt taħt il-Familja u livell aktar 'l fuq mill-ispeċi.

Il-Ġeneru bħala Takson fil-ġerarkija f'tassonomija kumplessa huwa Takson bejn l-Infratribu u s-Sottoġeneru (jew Sezzjoni fil-botanika).


Klassifikazzjoni Tassonomika Obbligatorja

Dominju - Renju - Fajlum (żooloġija) jew Diviżjoni (botanika) - Klassi - Ordni - Familja - Ġeneru - Speċi