Wikipedija:She Can

L-esibizzjoni "She Can...” tippreżenta l-esperjenza ta’ 26 mara Maltija li taw u għadhom jagħtu kontribut fis-setturi tas-saħħa, tas-sostenibbiltà, tat-teknoloġija diġitali, tas-soluzzjonijiet intelliġenti, u tas-setturi marittimi. [1]

F’din l-esibizzjoni ġew iċċelebrati nisa li kienu aġenti tal-bidla għax kellhom iseffqu wiċċhom ma’ sterjotipi tal-ġeneru u rwoli tradizzjonali. Dawn in-nisa kollha qed iwittu t-triq għal rappreżentanza akbar ta’ nisa fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, u l-Matematika (STEM).[2]

"She Can…" inħolqot sabiex tikkommemora ’l Malta bħala l-ewwel Kapitali Dinjija għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza, maħluqa mill-Fiduċjarju Internazzjonali tax-Xjenza tal-Akkademja Rjali (RASIT).

Din l-esibizzjoni kienet ikkurata u organizzata minn Dr. Lourdes Farrugia, Kap tad-Dipartiment tal-Fiżika fil-Fakultà tax-Xjenza, u mis-Sa Danielle Martine Farrugia, Eżekuttiv Anzjana fl-Involviment fix-Xjenza fl-Uffiċċju tal-Marketing, Komunikazzjoni u Alumni, fl-Università ta’ Malta.[3]

Din l-esibizzjoni qed tintwera fl-iskejjel sekondarji ta’ Malta matul l-2024, bit-tnedija fl-iskola Our Lady Immaculate fil-Ħamrun nhar il-15 ta’ Jannar tal-istess sena. Fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, il-​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​Ministeru għall-Edukazzjoni, L-Isport,​ Iż-Żgħażagħ, Ir-Riċerka u L-Innovazzjoni taħt it-titlu ta’ Malta bħala l-ewwel Kapitali Dinjija għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza, mogħtija lilha mill-Fiduċjarju Internazzjonali tax-Xjenza tal-Akkademja Rjali (RASIT).[4]

Parteċipanti

immodifika

Teknoloġiji Diġitali

immodifika

Dr Vanessa Camilleri
Riċerkatriċi u Akkademika

Vanessa studjat il-bijoloġija u l-kimika l-iskola, imbagħad kompliet tistudja t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). F’xogħolha tuża l-kunċett tal-logħob u sistemi kreattivi ta’ kompjuterizzar li jgħinuna nifhmu aħjar id-dinja ta’ madwarna. Taspira li tnissel kurżità f’min jismagħha, u tuża metodi innovattivi biex tagħni l-esperjenza tat-tagħlim tal-istudenti tagħha bis-saħħa tal-edukazzjoni.

Dr Gabriella Azzopardi
Inġiniera tas-Software, Konsulenta Teknika ma’ CERN

Gabriella dejjem kienet tħobb dak kollu li hu relatat mal-informatika u s-soluzzjoni tal-problemi bis-saħħa tal-matematika. Studjat ICT fl-Università ta’ Malta, imbagħad kompliet l-istudji tagħha f’CERN, fejn ħadmet fuq l-akbar u l-aktar koliżjonatur tal-partiċelli li jiġġenera enerġija fid-dinja. Hi taħdem f’kumpanija tas-software Svizzera billi tgħin fit-transizzjoni għal sistemi cloud-based, timmaniġġja dejta fuq skala kbira u tixpruna l-immaġinazzjoni.

Dr Claudia Borg
Akkademika, Riċerkatriċi, Lingwista Kompjutazzjonali

Claudia bdiet tistudja l-Informazzjoni tat-Tekonoloġija (IT) fl-età ta’ 26 sena. Kienet waħda mill-pijunieri li bnew l-ewwel sistema ta’ rikonoxximent tad-diskors awtomatiku bil-Malti. Lettriċi l-Università ta’ Malta u tispeċċjalizza fl-applikazzjoni ta’ tekniki tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fl-ipproċessar kompjutazzjonali tal-lingwa.

Ms Stephanie Farrugia
Konsulenta tal-Intelliġenza fin-Negozju

Stephanie studjat il-matematika u l-fiżika u applikat dan l-għarfien fix-xogħol tagħha f’diversi industriji. Hi kellha rwoli mlaħħqa f’kumpaniji internazzjonali u mexxiet timijiet differenti bħala Kap tal-Intelliġenza fin-Negozju, Operazzjonijiet, u Xjenza tad-Dejta. Illum il-ġurnata hi għandha l-kumpanija tagħha, u tgħin organizzazzjonijiet jagħmlu deċiżjonijiet intelliġenti permezz tal-analiżi tad-dejta.

Dr Deandra Cutajar
Xjenzata tad-Dejta

L-imħabba ta’ Deandra lejn il-matematika u l-fiżika eventwalment wasslitha biex tistudja l-astrofiżika. Ħadmet f’diversi industriji u mexxiet kumpaniji waqt il-proċess transitorju lejn kultura ggqiwidata dejjem aktar mid-dejta. Għenithom ukoll jesploraw kif l-IA tista’ potenzjalment tintuża fin-negozji tagħhom. Il-karriera tagħha ħaditha minn Malta sa Londra u New Zealand.

Saħħa u Benessri

immodifika

Dr Jeanesse Scerri
Xjenzata Bijomedika

Jeanesse studjat ix-xjenza u bdiet il-karriera tagħha bħala xjenzata f’laboratorju mediku fl-Isptar Mater Dei. Kompliet tistudja biex laħqet bħala kap ta’ tim fil-Laboratorju tal-Patoloġija Molekulari u l-Ġenetika, u kkordinat is-servizz Malti tal-ittestjar ġenetiku. Tibqa’ mpenjata għat-tkabbir u l-iżvilupp ta’ dan il-laboratorju u għall-progress kontinwu tal-profili ġenetiċi, kemm għall-mediċina personalizzata, kif ukoll għall-kundizzjonijiet ereditarji.

Prof. Janet Mifsud
Akkademika, Riċerkatriċi

Hi u tikber, Janet kienet taffaxina ruħha bl-istilel. Janet kellha bosta rwoli ta’ tmexxija fuq diversi bordijiet internazzjonali, u bħalissa hija membru tal-Bord tas-Servizzi Rijabilitattivi mid-Droga ta’ Caritas Malta. Stinkat sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li jbatu bl-epilessija u tweġġħet ukoll bit-titlu ta’ Ambaxxatriċi Internazzjonali għall-Epilessija.

Prof. Charmaine Gauci
Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Promotura tas-Saħħa Pubblika, Professura Assoċjata

Charmaine minn dejjem kienet tħobb ix-xjenza u studjat il-bijoloġija, il-kimika u l-fiżika bl-aspirazzjoni li tilħaq tabiba. Iddistingwixxiet ruħha fit-tmexxija tar-rispons tas-saħħa pubblika waqt il-pandemija tal-Covid-19. Fl-irwol tagħha ta’ Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine hija responsabbli biex tissalvagwardja u ttejjeb is-saħħa ġenerali tal-pubbliku.

Prof. Gillian Martin
Soċjologa Medika

Gillian kienet proprju infermiera qabel ma ddeċidiet li tistudja s-soċjoloġija bħalha studenta matura. L-interessi ewlenin tagħha huma s-soċjoloġija medika u l-impatt soċjali tar-riċerka ġenomika u l-biobanking. Hija l-kap tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija fi ħdan il-Fakultà tal-Arti, u membru assoċjat fiċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u tal-Biobanking fl-Università ta’ Malta.

Prof. Jean Calleja Agius
Ostetrika, Ġinekologa

Jean tinteressa ruħha f’diversi suġġetti, fosthom il-lingwi, l-arti u x-xjenza. L-interess tagħha fis-saħħa tal-mara nibet meta ommha għamlet operazzjoni serja u Jean indunat li kien hawn nuqqas kbir ta’ ġinekologi nisa. Tmexxi grupp ta’ riċerkaturi internazzjonali li l-għan tagħhom hu li javvanzaw l-għarfien relatat mat-tqala, l-infertilità, il-menopawsa u l-kanċer.

Ms Raina Rodrigues (nee Zarb Adami)
Kirurga kosmetika mas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa fl-Ingilterra (NHS) u mal-England and Aesthetic Virtue f’Malta u r-Renju Unit

Raina studjat il-mediċina u bdiet tinteressa ruħha fuq kif tinħoloq il-ġilda artifiċjali waqt safra fin-Nepal. Hija kirurga tal-kosmetika bbażata fir-Renju Unit u tispeċjalizza fil-kanċer tal-ġilda u r-rikostruzzjoni tal-wiċċ. Tmexxi l-kumpanija tagħħa stess, u hija wkoll omm.

Marin u Marittimu

immodifika

Captain Laura Falzon
Kaptan, Lettriċi, Baħħara

Il-Kaptan Laura dejjem kellha ħafna dubji dwar x’karrieri jeżistu, sakemm irrealizzat li l-baħar jista’ jagħtik waħda! Ta’ sbatax-il sena baħħret fiż-żewġ emisferi tal-Oċean Atlantiku, u fl-2017 saret l-ewwel mara Maltija li saret kaptan tal-baħar. Bit-tagħlim tagħha, Laura tiggwida persuni oħra fil-ħolma nawtika tagħhom.

Ms Pauline Micallef
Kontabilista, Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ MaritimeMT

Pauline hija kontabilista li mexxiet proġetti jiswew miljuni ta’ dollari. Bl-għaraq ta’ ġbina laħqet manager ta’ 22 sena, u llum hija l-Kap Eżekuttiv ta’ MaritimeMT. Tuża l-għarfien tagħha hija u tmexxi ċ-ċentru ta’ taħriġ li minnu qed joħorġu professjonisti marittimi tal-ġejjieni.

Ms Audrey Zammit
Uffiċjal Xjentifiku, Promotura tal-Litteriżmiu Oċeaniku, Ambaxxatriċi tax-Xjenzi Miftuħa

Audrey dejjem żammet quddiem għajnejha l-immaġni ta’ xjenzati mill-iprem li ispirawha fil-karriera. Studjat il-kimika, u wara pawsa mill-karriera biex tiffoka fuq il-familja, kisbet grad fl-ICT. Bħala xjenzata fil-Grupp Malti ta’ Riċerka Oċeanografika, tħabrek sabiex tħares l-ibħra tagħna u tippromwovi l-litteriżmu oċeaniku

Sostenibbiltà

immodifika

Dr Jeanette Mireille Muñoz Abela
Perit u Inġinier Strutturali

Jeanette dejjem ħabbet l-arti u l-matematika u waħħdet dawn iż-żewġ dixxiplini meta saret perit. Jeanette tħobb tikkrea spazji li jippromwovu l-kuntentizza u l-benessri. Temmen li l-veru ġmiel tal-arkitettura jinsab fl-eleganza tas-soluzzjonijiet li taf toffri l-inġinerija. Bħala akkademika u kofundatriċi tal-kumpanija tagħha, Jeanette tiffoka fuq l-amalgamazzjoni tal-arkitettura u l-inġinerija sabiex dejjem ittejjeb l-esperjenza tal-klijent.

Ms Sonya Sammut
Ambaxxatriċi, Visiting Lecturer, Esperta fl-Agrikoltura

Sonya hija omm u xjenzata b’kurżità dejjiema dwar kif jaħdem l-univers. Hija mexxejja kompetenti, u taħdem bħala xjentista tal-politika, konsulenta fin-negozju, u għalliema. Hi l-Ambaxxatriċi għall-Ikel Organiku u Sostenibbli, u tmexxi l-Pjan t'Azzjoni Nazzjonali għall-Ikel Organiku u l-Politika Nazzjonali dwar l-Ikel.

Dr Rachael Marie Scicluna
Antropologa Urbana, Mexxejja Strateġika, Promotura tal-Ġustizzja Soċjali

Rachael Marie dejjem ħabbet ix-xjenza u l-arti. Irrealizzat li l-antropoloġija tgħaqqadhom flimkien billi tgħinna nifhmu l-imġiba ta’ bnedmin minn kulturi differenti. Taħdem fuq politiki u rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq riċerka u relatati mal-housing, id-djar, familji alternattivi, u l-ippjanar soċjali fi ħdan postijiet urbani Ewropej u komunitajiet diversi. Permezz ta’ politiki kulturalment sensittivi u disinn feminista, toffri kwalità ta' ħajja aħjar u ma tħalli ’l ħadd lura.

Ms Nadine Mercieca
Team Manager

Il-passjoni ta' Nadine għax-xjenza ġiet minn missierha, inġinier li spiraha u sostna l-entużjażmu tagħha biex issegwi karriera fix-xjenzi ambjentali. Għal dawn l-aħħar 20 sena, ħadmet fil-moniteraġġ ambjentali u s-servizzi regolatorji ta' moniteraġġ tal-kwalità tal-arja. Team manager fl-Awtorità għall-Ambjent u r- Riżorsi (ERA) u responsabbli għall-politika dwar il-kwalità tal-arja u l-istorbju ambjentali.

Ms Anna Spiteri
Sidt ta' Kumpanija, Attivista Ambjentali

L-interess ta’ Anna fil-blat, il-ġebel, u l-mapep wassalha biex tistudja l-ġeografija u t-telerilevament. Ippreżentat u rebħet b’għoxrin proġett ta' riċerka ambjentali f’ambitu Ewropew u wettqet riċerka f'diversi pajjiżi barra minn xtutna. Tippromwovi l-konservazzjoni tan-natura, u tqis il-kampanja, il-ħamrija u s-siġar bħala sagri. Bħalissa qiegħda tistudja għal dottorat fl-ekoloġija u l-ispiritwalità.

Prof. Marie Briguglio
Ekonomista, Akkademika u Attivista

Marie kellha 16-il sena meta bdiet tinteressa ruħha fit-tfittxija għal soluzzjonijiet xjentifiċi u ekonomiċi għall-problemi dinjija. Qabel ma qalbet għall-akkademiku b’interess speċjali fuq l-imġiba ekonomika, il-koperazzjoni ambjentali, u l-ekonomija tal-benessri, Marie ħadmet fl-ippjanar. Nediet diversi proġetti ta' riċerka kollaborattiva mal-fassala tal-politika biex toħloq impatt reali fid-dinja. Hija wkoll kittieba multimedjali.

Soluzzjonijiet Intelliġenti

immodifika

Prof. Rebecca Dalli Gonzi
Kap ta’ Dipartiment, Arkitett

Rebecca dejjem kellha interess fil-matematika u l-fiżika. Okkupat pożizzjonijiet kemm fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku f'Malta u fl-Iskozja. Ħolqot il-mudell DALI, strument li jassessja r-riskju organizzattiv, li jgħin lin-negozji jiksbu l-għanijiet tagħhom mingħajr wisq problemi. Tmexxi programmi tar-radju dwar nisa fil-karrieri u dwar is-sostenibbiltà.

Dr Alexandra Bonnici
Kap ta’ Dipartiment, Inġiniera

Alexandra dejjem kellha interess fix-xjenza, l-arti, u l-mużika. Kisbet ukoll grad fl-Inġinerija mill-Università ta' Malta. Tippromwovi attivament l-inġinerija mal-istudenti u waqqfet il-Klabbs tat-Teknoloġija tal-Inġinerija fil-Fakultà. Ir-riċerka tagħha tikkonċerna l-applikazzjoni tal-viżjoni kompjuterizzata u l-Intelliġenza Artifiċjali fil-mużika u fl-arti sabiex tipprovdi għodod għat-tagħlim assistit.

Inġ. Helga Pizzuto
Inġiniera, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)

Helga studjat il-matematika u l-fiżika u eventwalment saret inġiniera elettrika. Kienet l-ewwel mara eletta President tal-Kamra tal-Inġiniera u tal-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali, u okkupat diversi pożizzjonijiet bħala direttriċi. Ħadmet fuq diversi proġetti nazzjonali u hija meqjusa bħala aġent tal-bidla fis-settur pubbliku.

Dr Fiona Sammut
Lettriċi Anzjana, Viċi Dekan, Kap ta’ Dipartiment

Fiona dejjem kellha passjoni għall-matematika u ġabet gradi fil-matematika u l-istatistika kemm mill-Università ta' Malta kif ukoll minn dik ta' Warwick. Matul il-karriera tagħha fl-akkademja ħadmet ma' riċerkaturi oħra, u qed tkompli taqsam il-passjoni tagħha għax-xjenza mal-istudenti u l-kollegi. L-interessi tar-riċerka tagħha tawha l-opportunità taħdem f'oqsma bħax-xjenza tas-saħħa, il-psikoloġija u l-immudellar tal-klima.

Ms Paula Grech Bonnici
Direttriċi, Edukatriċi

Paula ggradwat fil-bijoloġija u l-kimika. Iggwidat l-ewwel laboratorju f’Malta li rċieva akkreditazzjoni prestiġġjuża, u għandha iktar minn 25 sena ta’ esperjenza fit-tmexxija tal-laboratorji. Permezz tal-esperjenza tagħha fis-settur tal-ilma, serviet fuq diversi bordijiet u issa tokkupa l-kariga ta’ direttriċi tal-Istitut tax-Xjenza Applikata fl-MCAST.

Dr Iman Farhat
Riċerkatriċi, Żviluppatriċi tal-Applikazzjonijiet Mediċi

L-imħabba ta’ Iman għall-matematika u x-xjenza wasslitha biex tistudja u eventwalment tiggradwa f’dawn is-suġġetti. Waqt l-istudji dottorali tagħha, speċjalizzat fl-iżvilupp ta’ strumentazzjoni avvanzata għat-tiftix ta’ fenomeni smewwija permezz tal-frekwenzi radjografiċi. Xogħolha huwa eżempju ta’ kif ittejjeb ħajjet is-soċjetà bis-saħħa tal-iżviluppi xjentifiċi fl-agrikoltura u l-applikazzjonijiet mediċi.

Referenzi

immodifika
  1. ^ https://www.um.edu.mt/marketingcommunications/steam/she-can/
  2. ^ https://www.um.edu.mt/newspoint/news/2024/01/STEM-she-can-exhibition
  3. ^ https://tvmnews.mt/en/news/she-can-exhibition-in-parliament-celebrates-womens-scientific-capabilities/
  4. ^ https://www.um.edu.mt/newspoint/news/2024/01/she-can-exhibition-handaq