Vinċenz de Paul
San Vinċenz de Paul (Landes, 24 ta' April 1581 – 27 ta' Settembru 1660) kien qassis Kattoliku iddedikat għas-servizz tal-foqra.
Vinċenz de Paul | |
---|---|
Twelid |
24 ta' April 1581 Pouy ħdejn Dax, Franza |
Mewt |
27 ta’ Settembru 1660 Pariġi, Franza |
Beatifikazzjoni | 21 ta’ Awwissu 1729, Ruma minn Papa Benedettu XIII |
Kanonizzazzjoni | 16 ta’ Ġunju 1737, Ruma minn Klement XII |
L-ikbar santwarju | Il-Kappella ta' San Vinċenz de Paul, Rue de Sèvres, Pariġi |
Festa | 27 ta' Settembru |
Vinċenz de Paul twieled f'Pouy, qrib il-muntanji Pirinej, f'Landes, il-Gaskonja fi Franza, f'familja ta' seba' aħwa. Il-ġenituri tiegħu kellhom razzett żgħir li minnu kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Meta l-missier ra li ibnu Vinċenż kellu xeħta għall-istudju, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f'kulleġġ immexxi mill-Franġiskani. Meta Vinċenz kien qed jistudja, laqa' talba ta' wieħed sinjur mid-distrett biex ikun l-għalliem privat ta' uliedu. Hekk ma baqax iktar ta' piż finanzjarju fuq il-familja.
Saċerdot
immodifikaFl-1596 Vinċenz daħal l-Università ta' Toulouse biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Fl-1600, meta kellu biss 19-il sena, sar saċerdot u baqa' jistudja sal-1605, meta miet missieru u l-familja tiegħu ġiet daharha mal-ħajt. Vinċenz fetaħ skola privata imma mingħajr wisq suċċess u ntela' b'ħafna djun. F'Lulju telaq għal vjaġġ fuq il-baħar minn Marsilja għal Narbona, probabilment biex jaħrab mid-debituri tiegħu. Waqt dan il-vjaġġ, pirati Torok qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u ħaduh ilsir f'Tunes. Hemm dam madwar sentejn u qeda tliet sidien bħala lsir, l-aħħar wieħed kien patri apostata, kien ċaħad il-fidi Nisranija u sar Mislem, għall-flus. Bl-eżempju tal-ħajja tajba tiegħu Vinċenz ħajru jerġa jsir Nisrani, u flimkien miegħu ħarab minn Tunes fuq dgħajsa. Wara li għamel sena Ruma huwa rritorna Franza fl-1607.
Mar Pariġi u hemm iltaqa' ma' Monsinjur Pierre de Berulle li wara nħatar Kardinal, u fuq il-parir tiegħu sar Kappillan ta' Clinchy, raħal żgħir qrib il-belt, fl-1611. Fl-istess waqt kien ukoll kappillan tar-Reġina Margerita ta' Valois, u għalliem privat ta' wlied il-Konti de Gondi li kien Ġeneral tax-xwieni kollha ta' Franza. De Berulle kien influwenza pożittiva fuq Vinċenz u ffurmah fi spiritwalità profonda.
Mal-foqra u l-ilsiera
immodifikaMilqut mill-ħajja ta' talb ta' uħud mill-parruċċani tiegħu, fl-1617 Vinċenz ta lilu nnifsu għat-tagħlim u beda jipprietka l-missjonijiet. Darba meta kien f'raħal, sama' l-aħħar qrara ta' wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta' Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Minn dak in-nhar intefa' b'ruħu u b'ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni. Fl-1619 inħatar uffiċjalment bħala Kappillan tal-ilsiera tax-xwieni.
Twaqqif ta' Kongregazzjonijiet
immodifikaFl-1625 waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Missjoni li l-membri tagħha saru magħrufa bħala l-"Lazzaristi" minħabba li l-kunvent li kien qed iservi saru bħala d-Dar Ċentrali kien iġib l-isem ta' San Lazzru, Saint Lazare, f'Pariġi.
Bil-għajnuna ta' Santa Louise de Marillac waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità li l-"kappella tagħhom kienet il-knisja parrokkjali u l-kunvent tagħhom kien fis-swali tal-morda fl-isptarijiet u fit-toroq mal-fqar".
Bil-għajnuna tal-membri ta' dawn il-kongregazzjonijiet huwa waqqaf orfanatrofji għas-subien u għall-bniet, sptarijiet, djar għall-kura tal-mard tal-moħħ, u rnexxielu jifdi iktar minn 1,200 ilsir f'Tunes u fl-Alġier.
Kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn jersaq. Kien sensittiv ħafna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Iżda kif jgħid hu stess kellu jissielet bis-sħiħ biex jirbaħ it-temperament supperv, żorr u aħrax li kellu.
Mewt
immodifikaSan Vinċenz de Paul miet fis-27 ta' Settembru 1660. Papa Benedittu XIII iddikjarah Beatu fl-1729. Tmien snin wara, Papa Klement XII ikkanonizzah. Fl-1885, Papa Ljun XIII għamlu Patrun tal-Istituzzjonijiet tal-Karità tal-Knisja. Qalbu għadha intatta, u qiegħda f'relikarju fil-kappella tad-dar ġenerali tas-Sorijiet tal-Karità f'Pariġi.
San Vinċenz huwa wkoll il-qaddis patrun tal-Madagascar, tat-tfal abbandunati, tal-iltima, tal-infermieri, tal-iskjavi, u tal-ħabsin.
Fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan, tinsab statwa ġganteska tiegħu tirrappreżenta lil “missier il-foqra”, xogħol l-iskultur Pietro Bracci, u ilha hemm sa mill-1754.
Il-Knisja Kattolika tagħmel it-tifkira tiegħu nhar is-27 ta' Settembru.
San Ġorġ Preca
immodifikaSan Ġorġ Preca kien familjari ħafna mal-kitbiet spiritwali ta' San Vinċenz de Paul.
Istituzzjonijiet li jġibu ismu
immodifika- Is-Soċjetà ta' San Vinċenż de Paul, Société de Saint Vincent de Paul hija organizzazzjoni tal-karità iddedikata għall-foqra, imwaqqfa mill-beatu Federiku Ozanam (1813-1853) fl-1833. Illum din is-soċjetà tinsab f'132 pajjiż.
- DePaul University tieħu isimha minn San Vinċenz de Paul. Din tinsab f'Chicago, Illinois, l-Istati Uniti. Twaqqfet mill-Kongregazzjoni tal-Missjoni (ta' San Vinċenz) fl-1898. Fiha jattendu 25,100 student biex DePaul University hija l-akbar università Kattolika fl-Amerika.