Vallée de Mai
Vallée de Mai (li litteralment tfisser "il-Wied ta' Mejju") huwa park naturali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-gżira ta' Praslin, is-Seychelles.[1][2] Jikkonsisti minn foresta tas-siġar tal-palm ippreservata tajjeb, bi speċijiet ewlenin tas-siġra endemika għall-gżira ta' Praslin magħrufa bħala coco de mer, kif ukoll ħames speċijiet endemiċi oħra ta' siġar tal-palm. Il-coco de mer (Lodoicea maldivica), siġra monokotiledon fil-familja tal-palm Arecaceae, għandha l-ikbar żerriegħa (żerriegħa ta' ġewża doppja) ta' kwalunkwe pjanta fid-dinja. Il-park huwa uniku wkoll għall-ħlejqiet selvaġġi li jgħixu fih, fosthom għasafar bħall-pappagall iswed rari tas-Seychelles, mammiferi, krustaċji, bebbux, u rettili.[3] Kien sar sforz determinat biex jiġu eliminati l-ispeċijiet eżotiċi ta' pjanti miż-żona iżda dan l-isforz ma kienx ta' suċċess u xorta waħda baqgħu jeżistu l-pjanti tal-kafè u tal-ananas, kif ukoll is-siġar tal-palm ornamentali. Din il-foresta, bl-ispeċijiet ta' pjanti u ta' annimali uniċi tagħha, hija relitt miż-żmien meta s-superkontinent ta' Gondwana nqasam f'partijiet iżgħar, u b'hekk il-gżejjer tas-Seychelles spiċċaw fil-pożizzjoni attwali bejn Madagascar u l-Indja.[4]
Ġeografija
immodifikaIl-park, li huwa wkoll riżerva naturali, jinsab fin-nofs tal-gżira ta' Praslin, li hija t-tieni l-ikbar gżira tas-Seychelles[5], bl-ogħla muntanja, Fond Azore, li hija għolja 373 metru (1,224 pied).[6] Praslin għandha erja ta' 37 kilometru kwadru. Tinsab fil-Grigal tal-gżira ta' Mahé, madwar 45 kilometru 'l bogħod.[7] Vallée de Mai jinsab fil-parti l-baxxa ta' wied ħdejn il-bidu ta' nixxiegħa. Ikopri erja ta' 19.5-il ettaru, huwa fi stat verġni, u jmur lura għall-preistorja.[8] Il-formazzjoni ġeoloġika tiegħu hija tal-granit bħall-kumplament tal-gżira. Jissejjaħ bħala "mikrokontinent" u l-evoluzzjoni tiegħu ma għandhiex oriġini vulkanika jew korallina bħal tal-gżejjer l-oħra fl-Oċean Indjan.[9]
Leġġenda
immodifikaIl-Ġeneral Brittaniku Charles George Gordon xerred leġġenda fis-seklu 19 wara li żar il-gżira fuq missjoni militari fl-1881. Abbażi ta' rieżami Kabbalistiku tal-Ktieb tal-Ġenesi, huwa qies lil Vallée de Mai bħala l-Ġnien tal-Eden.[10] Huwa stqarr ukoll li kellu prova kkorraborata għal din l-istqarrija. It-teorija tiegħu kienet li s-siġra tal-palm kienet is-siġra tal-għarfien li tirrappreżenta kemm it-tajjeb kif ukoll il-ħażin, u li s-siġra tal-breadfruit li ġiet introdotta fil-gżira, kienet is-siġra tal-ħajja. Huwa saħansitra qagħad joqgħod jimmarka l-pożizzjoni eżatta tal-Ġnien tal-Eden fil-gżira bħala l-wied tal-‘'Coco-de-mer". Minbarra l-ispeċi endemika tal-coco de mer (li huwa kkunsidra bħala l-frotta pprojbita minħabba li magħrufa għall-proprjetajiet afrodiżijaċi tagħha), f'Vallée de Mai hemm l-ispeċijiet endemiċi kollha tas-siġar tal-palm tas-Seychelles. L-osservazzjoni tiegħu kienet li l-għamla suġġestiva partikolari tal-frott tas-siġra tal-palm wasslet biex "tikkawża d-deni tal-antenati tagħna fil-Ġnien tal-Eden".[9] Din l-osservazzjoni ġiet ikkontestata minn kittieb ieħor, H. Watley Estridge, li wera lil Gordon li l-qoxra ħoxna 10 ċentimetri tal-frotta ma setgħetx tingidem minn Eva, u għal din l-istqarrija Gordon ma kellu l-ebda tweġiba plawżibbli. Il-pappagall iswed endemiku jbejjet kważi esklużivament fiz-zkuk weqfin mejtin ta' din is-siġra tal-palm.
Storja
immodifikaIl-park kien foresta verġni mhux mimsusa sas-snin 30 tas-seklu 19. Sar Riżerva Naturali skont ir-Regolament S. I. 27/1696 tal-Ħarsien tal-Għasafar Selvaġġi nhar it-18 ta' April 1966. Dan ġie segwit minn bidla fl-istatus għal Park Nazzjonali għall-konservazzjoni u għall-preservazzjoni aħjar skont il-Kapitlu 159 tal-Att S. I. Nru 57 tal-1979 dwar il-Parks Nazzjonali u l-Konservazzjoni tan-Natura, l-Ordni (Deżinjazzjoni) tal-1979 dwar il-Park Nazzjonali ta' Praslin, u d-Digriet tal-1978 dwar il-Ġestjoni tal-Coco de Mer. Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 u huwa l-iżgħar sit naturali fil-lista.[11]
Flora
immodifikaIl-park huwa l-ħabitat tal-coco-de-mer endemika, li titqies bħala "l-ispeċi ewlenija ta' importanza globali". Din tikber sa għoli ta' bejn 25 u 34 metru. Għandha għamla ta' mrewħa b'weraq twil bejn seba' u għaxar metri u wiesa' 4.5 metri, bi friegħi twal erba' metri. Is-siġra tipproduċi l-ikbar ġewża doppja bl-ikbar żerriegħa fid-dinja fost l-ispeċijiet ta' pjanti fid-dinja; il-piż tal-ikbar frotta kien 42 kilogramma. Din is-siġra hija magħmula minn għeruq soda u weqfin u l-parti ta' fuq tagħha magħmula mill-weraq. L-għeruq u z-zokk ma tantx huma wisq differenti minn xulxin bħala dehra u jipproduċu frott b'għamla tonda u ovali. Hemm ħames speċijiet endemiċi oħra tas-siġar tal-palm: Deckenia nobilis, Phoenicophorium borsigianum, Verschaffeltia splendida, Nephrosperma vanhoutteanum u Roscheria melanochaetes. Dawn is-sitt speċijiet ta' siġar tal-palm mhux biss huma uniċi għal din ir-riżerva iżda anke fis-Seychelles, u ma jinsabu mkien iktar fl-Oċean Indjan fl-istat antik ta' evoluzzjoni. Il-foresta hija miżgħuda bis-siġar tal-palm tat-tip Pandanus u b'siġar bil-weraq wiesa'. Ġew irrapportati wkoll okkorrenzi ta' Chrysobalanus icaco. Is-sbuħija estetika ta' din il-foresta naturali tas-siġar tal-palm hija spettaklu ta' friegħi tal-palm ħodor, ħomor u kannella. Din l-ispeċi ta' palm ġiet megħjuna b'interventi ta' tħawwil bil-ħsieb uniku li tinżamm u li tissaħħaħ l-ekosistema eżistenti. Hemm madwar 4,000 siġra tal-palm fil-park (ġieli jingħad li hemm 5,000 meta jitqiesu l-ispeċijiet maskili u femminili flimkien). Żewġ siġriet endemiċi oħra fil-park huma d-Dillena furruginea u n-Northea hornei magħrufa wkoll bħala l-Kapisen. Is-siġar ta' Takamaka jinsabu fid-daħla tal-park u meta jarmu l-fjuri, il-kolibri tas-Seychelles (Cinnyris dussumieri) jieklu n-nektar tal-fjuri.[9]
Fawna
immodifikaL-avifawna prominenti, bi speċijiet endemiċi u globali, li jużaw is-siġar tal-palm bħala l-ħabitat tagħhom, huma: il-pappagall iswed tas-Seychelles (Coracopsis barklyi; imsejjaħ "għasfur enigmatiku" li jitrejjaq bil-frott tas-siġar tal-palm u li jiġi mill-familja tal-pappagalli vasa ta' Madagascar), il-ħamiema blu tas-Seychelles (Alectroenas pulcherrimus); il-bulbul tas-Seychelles (Hypsipetes crassirostris); il-kolibri tas-Seychelles (Nectarinia dussumieri); ir-rundun tal-gżejjer Mascarene); u l-Ispanjulett tas-Seychelles (Falco araea).
Annimali oħra li jgħixu fil-park huma l-kamaleonte tigra (Archaius tigris); ix-xaħmet l-art tas-Seychelles (Trachylepis seychellensis); ix-xaħmet l-art ta' Wright (Mabuya wrightii); ix-xaħmet l-art ta' Brauer (Scelotes braueri); ix-xaħmet l-art ta' Gardiner (Pamelaescincus gardineri); il-wiżgħa lewn il-bronż tas-Seychelles (Ailuronyx seychellensis); l-apodi; iż-żrinġijiet tas-siġar, il-wiżgħa ż-żgħira ta' binhar tas-Seychelles (Phelsuma astriata); u l-wiżgħa ġganta ta' binhar tas-Seychelles (Phelsuma sundbergi). Fost l-ispeċijiet ta' rettili jgħixu fil-park hemm l-ispeċijiet ta' sriep Boaedon geometricus, Lycognathophis seychellensis u Ramphotyphlops braminus. Ġew irrapportati wkoll sitt speċijiet ta' anodi, li huma grupp ta' anfibji qishom dud li jgħixu fis-saffi tal-ħamrija tal-park bl-iżjed indewwa. Iż-żrinġijiet tas-siġar tas-Seychelles (Tachycnemis seychellensis) spiss jitfaċċaw fuq il-weraq tas-siġar. Barra minn hekk, fil-park ġew introdotti wkoll għadd ta' tenrecs (speċi ta' qanfud) mill-Madagascar.
Fost il-molluski li jgħixu fil-park hemm il-bebbuxu ta' Praslin (Pachnodus paslinus) li għandu qoxra nnukklata u ppuntata, u l-bebbuxu l-kbir Stylodonta studeriana. Dawn spiss jinstabu jieklu fuq il-coco de mer; il-bebbuxu maskili jitrejjaq fuq il-fjuri tal-parti maskili tal-coco de mer.
Il-panchax dehbija endemika (Pachypanchax playfairi) hija l-unika ħuta endemika tal-ilma ħelu fis-Seychelles. Fil-park jgħixu wkoll diversi krustaċji tal-ilma ħelu u invertebrati oħra.[9]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Riżerva Naturali ta' Vallée de Mai ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Vallée de Mai Nature Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-09.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-09.
- ^ "Coco-de-mer - Encyclopedia of Life". eol.org. Miġbur 2021-09-09.
- ^ Coe, Malcolm James (1998). A Fragile Eden: Portraits of the Endemic Flowering Plants of the Granitic Seychelles. Princeton University Press. p. 24. ISBN 978-0-691-04817-8.
- ^ Mair, Lyn; Beckley, Lynnath (2012). Seychelles. Bradt Travel Guides. p. 3. ISBN 978-1-84162-406-8.
- ^ Mair, Lyn; Beckley, Lynnath (2012). Seychelles. Bradt Travel Guides. p. 117. ISBN 978-1-84162-406-8.
- ^ Mair, Lyn; Beckley, Lynnath (2012). Seychelles. Bradt Travel Guides. p. 126. ISBN 978-1-84162-406-8.
- ^ Evans, Jeremy; Heikell, Rod (16 April 2007). Sailing. Penguin. p. 296. ISBN 978-0-7566-4217-4.
- ^ a b ċ d UNESCO. "World Heritage Nomination:IUCN Technical Review" (PDF).
- ^ Kaplan, Jonathan (1 December 2007). Contact Wounds: A War Surgeon's Education. Grove Press. p. 98. ISBN 978-1-55584-659-6.
- ^ Riley, Laura; Riley, William (2005). Nature's Strongholds: The World's Great Wildlife Reserves. Princeton University Press. p. 510. ISBN 978-0-691-12219-9.