Kewkba ta' Betlehem

(Rindirizzat minn Stilla ta' Betlem)

Il-kewkba ta' Betlehem hu l-fenomenu astronomiku li, skont ir-rakkont tal-Evanġelju skont Mattew (Mt:2:1-2.12 u 2:16), mexxa 'l-Maġi biex isibu l-Ġesù ftit wara li twieled.

Il-"kometa ta' Halley" f-'L-Adorazzjoni tal-Maġi ta' Giotto fil-Cappella degli Scrovegni

L-istoriċità tar-rakkont hi s-suġġett ta' ħafna diskussjoni. L-istoriċi mhux Insara u xi biblisti Nsara jqisuh bħala detall ta' rakkont Midraxi[1] ta' karattru Haggadi[2][3]. Xi biblisti Nsara jaċċettaw il-veraċità storika tagħha. Oħrajn jidentifikaw l-istilla mal-konġunzjoni astronomika tlitija ta' Ġove, Saturnu u Marte li seħħet fil-kostellazzjoni tal-Ħut[4].

Id-dibattitu antik dwar in-natura tal-kewkba

immodifika
 
Stilla fl-Adorazzjoni mill-Maġi fil-lunetta tal-bieb tal-Abbazia di San Mercuriale ta' Forlì (Seklu 13)

Fl-antikità diġà kien hemm nuqqas ta' qbil bejn l-Insara billi anki l-fehmiet tal-filosfi dwar in-natura tal-korpi tas-sema kienu konfużi. Skont il-filosfu Lhudi Filun ta' Lixandra u qablu Platun u l-Stojċi, il-kwiekeb "huma ħlejjaq ħajjin, imma ta' ġeneru għal kollox spiritwali"[5]. L-identifikazzjoni tal-kwiekeb mal-anġli tidher f'ħafna testi bibliċi jew tal-letteratura Lhudija. Għalhekk diversi Missirijiet tal-Knisja, fosthom Ġwanni Kriżostmu, ma jaraw l-ebda kontradizzjoni fil-fatt li stilla, jiġifieri anġlu, niżlet fl-art biex tmexxi l-Maġi sal-istalla ta' Ġesù, skont ir-rakkont popolari u b'analoġija mat-tmexxija li kellu il-poplu ta' Iżrael matul l-Eżodu[6].

F'Oriġene ta' Lixandra insibu linja ta' ħsieb kompletament differenti, li ssostni li għandna nittrattawha bħala ġrajja naturali u mhux mirakuluża. San Ġlormu kkumbatta l-idea li l-istilel jistgħu jkunu anġli u fl-aħħar fil-553 il-Kunċilju ta' Kostantinopli II eskluda darba għal dejjem li l-pjaneti jew il-kwiekeb jista' jkollhom ruħ.

Il-parti l-kbira tal-eżetiċi l-antiki, mela, kienu jinterpretaw l-istilla bħala fenomenu ċelesti inanimat, naturali jew bħala sinjal, imma mingħajr ma identifikawh ma' pjaneta. Fl-ikonografija Nisranija antika, infatti, il-kewba qatt ma tiġi rappreżentata bid-denb. L-eżempju l-iżjed antik hu affresk fil-Katacombi ta' Prixxilla (Seklu 3-4).

Ir-rappreżentazzjoni komuni f'għamla ta' "stilla kometa" ġejja mill-fatt li Giotto, impressjonat mill-mogħdija tal-Kometa ta' Halley fl-1301, pinġieha bħala kometa b'denb twil fil-Cappella degli Scrovegni, Padova. Mill-bidu tas-seklu 15 bdiet tiġi rappreżentata hekk fil-pitturi tat-twelid ta' Ġesù u fil-presepju.

Id-denb jikkorrispondi wkoll max-xewqa li jiġi rappreżentat oġġett ċelesti li jindika direzzjoni, skont l-interpretazzjoni popolari tat-test evanġeliku.

Test tal-Evanġelju

immodifika
 
Il-Maġi jilmħu l-istilla, dettall minn 'L-Adorazzjoni tal-Maġi ta' Gentile da Fabriano (1423)

Dan it-test fl-evanġelju ta' Mattew[7]:

Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh." Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: 'U int, Betlehem, art ta' Ġuda, le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.' Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu." Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

(.....) Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, nkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f'Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subjien kollha ta' minn sentejn 'l isfel, skond iż-żmien li sar jaf mingħand il-maġi.

—Mattew 2.1-2.12 u 2.16

Kif nistgħu naraw, ir-rakkont bibliku ma jikkorrispondix eżattament mat-tradizzjoni popolari Nisranija, għalhekk ta' min jissottolinja xi dettalji:

  • It-test ma jispeċifikax kemm għadda mit-twelid ta' Ġesù sakemm il-Maġi waslu Betlehem u lanqas jekk Ġesù u ommu u missieru kinux għadhom joqgħodu fl-istalla fejn sar it-twelid. Mill-evanġelju skont Luqa nafu li Ġużeppi, Marija u Ġesù baqgħu Betlehem mill-inqas għal 40 jum, jiġifieri sal-Preżentazzjoni fit-Tempju. Iż-żjara tal-Maġi u l-ħarba mgħaġġla lejn l-Eġittu bilfors saru wara din il-ġrajja, kontra t-tradizzjoni liturġika li tħalli biss tnax-il ġurnata bejn il-Milied u l-Epifanija. Xi awturi jaqblu ma' dan u pproponew l-armonizzazzjoni tal-ġrajjiet fl-Evanġelji[8];
  • It-test ma jgħidx li l-Maġi kienu rejiet, lanqas kemm kien hemm jew isimhom (ara l-artiklu Slaten Maġi għall-oriġni ta' dawn it-tradizzjonijiet);
  • It-terminu "Maġi" jindika li kienu jappartjenu għal xi kasta saċerdotali ta' atroloġi żoroastrijani, li ċ-ċentru l-iżjed importanti tagħhom kien il-Babilonja. Il-kelmiet en têi anatolêi (= "fit-tlugħ tagħha") jistgħu jiġu tradotti bħala "fil-Lvant", li nistgħu niħduha li tfisser li l-Maġi ġew mill-Lvant (Fil-Lvant ta' Ġerusalemm kien hemm il-Babilonja u iżjed 'l hemm il-Persja);
  • Alternattivament it-traduzzjoni ta' en têi anatolêi bħala "Fil-Lvant" setgħet tindika li l-istilla kienet tiddi fil-Lvant. Iżjed tard minn Ġerusalemm, l-istilla kienet tiddi min-nofsinhar;
  • Mattew, però, uża t-terminu "astér", li iżjed joqgħod għal stilla milli għal kometa;
  • It-test ma jgħidx li l-Maġi waslu Ġerusalemm isegwu l-kewkba, imma biss li d-dehra tagħha ħajrithom jistaqsu fil-qorti ta' Erodi dwar it-twelid tar-re tal-Lhud;
  • Erodi sar jaf fuq it-twelid ta' Ġesù mingħand il-Maġi. Dan jista' jindika li l-interpretazzjoni tal-ġrajiet astroloġiċi ma kinux ifissru xi ħaġa għall-astroloġi Ellenisti, bħal ma kienu għall-Kaldej.
  • Il-Maġi "mtlew b'ferħ kbir tassew" għaliex il-qagħda tal-istilla kienet tikkorrispondi mad-direzzjoni ta' Betlehem, mhux għax reġgħet dehret wara li għebet temporanjament. It-test ma jaffermax, imma ma jeskludix, li l-kewkba baqgħet tidher matul il-vjaġġ kollu (kif kien ikun jekk kienet xi kometa jew nova);
  • L-istilla kienet tiddi fin-nofsinhar ta' Ġerusalemm (din, infatti, hi d-direzzjoni ta' Betlehem);
  • Lanqas jgħid li l-kewkba waqfet fuq il-grotta (bħal fil-presepji), imma jgħid biss li kienet fl-inħawi ta' Betlehem;
  • L-indikazzjoni li l-kewkba kienet fuq il-post fejn kien hemm Ġesù jista' jkollha ħafna sinjifikati. Fit-testi kontemporanji it-terminu estáthe epáno jintuża għal kometi bid-denb 'il fuq[9]. Fl-aħħar, skont Mario Codebò, it-test Grieg hu ambigwu u jista jiġi tradott b'mod kompletament differenti minn dak tas-soltu (mibdi mit-traduzzjoni Latina ta' San Ġlormu). Pereżempju l-evanġelju ta' Mattew jista' jgħid sempliċement li sebaħ meta l-Maġi waslu Betlehem (l-istilla, allura, ma waqfitx imma għebet minħabba d-dawl tax-xemx)[10];
  • Il-qtil tat-trabi kollha ta' taħt tliet snin juri l-l-ġrajja jew sensiela ta' ġrajjiet sinjifikattivi bdiet sentejn qabel.

It-tifsira simbolika

immodifika
 
Kometa "turi" 'il Kristu f' L-Adorazzjoni tal-Maġi ta' Perugino

Il-preżenza tal-istilla fit-twelid ta' Ġesù hu simbolu messijaniku. Dan hu riferiment Bibliku għall-profezija ta' Balgħam fuq kewkba, li "għad titla' kewkba minn Ġakobb"[11] . Minkejja li l-istilla kienet identifikata mar-Re David, qabel it-twelid ta' Kristu xi Lhud diġà kienu identifikawha mal-Messija[12]. Fit-tieni seklu Oriġene u Irenew ta' Lione jirreferu għal din il- profezija eżattament f'relazzjoni mal-Kewkba ta' Betlehem[13]. L-identifikazzjoni messijanika hi iżjed u iżjed ċara fil-verżjoni tas-Septwaġinta (li s-soltu jużaw l-evanġelisti), li fiha x-"xettru", li jqum minn Iżrael, hi tradotta għal-Grieg bħala "bniedem"[14].

Bi qbil mal-profezija ta' Balgħam, it-tema tad-"dawl" titfaċċa f'ħafna profeziji oħra tradizzjonalment applikati għall-Messija, fosthom Is:60:1-6.[15]

Il-karattru "nazzjonalistiku" tal-profezija ta' Balgħam jista' jkun għaliex l-istilla ma tissemiex fl-evanġelju ta' Luqa, billi dan kienet dirett lejn il-"ġentili" u l-Lhud ellenizzati.

Interpretazzjoni midraxija

immodifika

Xi biblisti moderni għadhom isegwu s'issa l-ideat ta' Ġwanni Kriżostmu spjegati hawn fuq, u jintegranwahom mal-metodu storiku-kritiku tal-qari tat-testi bibliċi: L-istilla ta' Betlehem, allura, tista' tkun invenzjoni narrativa li tappartjeni għall-ġeneru letterarju Lhudi tal-midrax[16]. In-narratur sempliċement ried jafferma b'mod indirett li Ġesù kien il-Messija mħabbar fit-Testament il-Qadim u uża għal dan l-għan l-istess elementi simboliċi użati mill-profeti, x'aktarx mingħajr ma induna jew kellu l-intenzjoni li jdaħħal elementi sopranaturali, li sekli wara (imma mhux fi żmienu, kif ġie diskuss hawn fuq) ħafna qarrejja sabuhom mhux plawżibbli.

Tentattivi għall-identifikazzjoni astronomika

immodifika
 
Is-sema ta' Ġerusalemm fit-2 ta' Novembru 7 QK

L-indikazzjonijiet astronomiċi użati fl-ispjegazzjoni tan-narrazzjoni tal-Evanġelju ta' Mattew huma ta' żewġ tipi: ġrajjiet astronomiċi eċċezzjonali ta' effett viżibbli kbir bħala l-mogħdija ta' kometa jew il-formazzjoni ta' xi supernova inkella xi konġunzjonijiet planetarji ta' sinjifikat astroloġiku speċjali.

Dawn tal-aħħar jispjegaw aħjar kif il-Maġi setgħu jifhmu li kellhom imorru Ġerusalemm, billi l-orjentament ta' kull stilla jew ġrajja astronomika b'rispett il-punti kardinali tinbidel kontinwament minħabba t-tidwir tad-dinja; l-istilla polari biss tibqa' fissa. Allura ġrajja astronomika naturali ma setgħetx tindika d-direzzjoni mill-Babilonja sa Ġerusalemm u infatti għad-distanza qasira ħafna bejn Ġerusalemm u Betlehem (8 km) biss Mattew jgħid li l-istilla "imxiet quddiem" il-Maġi, li juri li kienet fid-direzzjoni ta' nofsinhar bejn wieħed u ieħor matul l-aħħar parti tal-vjaġġ.

Iż-żewġ tipi ta' ġrajjiet jistgħu jiġu kkombinati flimkien, il-konġunzjoni planetarja tiġi assenjata ir-rwol "informattiv" u supernova jew kometa ir-rwol "direzzjonali". Din l-ipoteżi ġiet proposta għall-ewwel darba minn Kepler[17] u wara adottata minn diversi awturi, anki reċenti[18].

Billi l-mewt ta' Erodi ma kinetx iżjed tard minn 4 QK, il-parti l-kbira tal-istudjużi eżaminaw il-perjodu 8-4 QK; xi xogħlijiet, però, sabu ġrajjiet astronomiċi interessanti anki fil-perjodu ta' wara 3-1 QK, is-sentejn immedjatament qabel id-data tradizzjonali tat-twelid ta' Ġesù.

Grajjiet astronomiċi spettakolari

immodifika

L-ipoteżi ta' ġrajja eċċezzjonali taqbel mad-deskrizzjoni li nsibu fil-Protoevanġelju ta' Ġakmu, kitba apokrifa tat-tieni seklu, li skontha "l-kewkba kienet tiddi tant bil-qawwa li l-istilel l-oħra ma baqgħux jidhru”. Dan is-sors, però, mhux ta' min joqgħod fuqu biżżejjed biex dan id-dettall inqisuh sod[17]. Barra minn hekk xi ġrajja eċċezzjonali kien jinduna biha kulħadd u Erodi ma kienx ikollu bżonn jitlob lill-Maġi id-data preċiża tal-bidu tal-ġrajja. Il-ġrajja eċċezzjonali, jekk veru ġrat, kienet preċeduta minn ġrajjiet astronomiċi oħra li t-tifsira tagħhom kienu jifhmuha l-astroloġi biss.

L-ipoteżi li l-istilla ta' Betlehem kienet kometa, jew xi ħaġa simili, ġejja minn Oriġene ta' Lixandra, li ma bbażax ruħu fuq it-tradizzjonijiet preċedenti, imma propona li kien hemm "stilla" ġdida, jiġifieri ġrajja eċċezzjonali, x'aktar bl-iskop li ma jmurx kontra d-drawwa tal-Insara li ma jipprattikawx l-astroloġija[19]. Oriġene ikkwota t-trattat mitluf "Dwar il-kometi", miktub mill-preċettur ta' Neruni, Kajremon, li skontu d-dehra tal-kometi jew kwiekeb ġodda kien sinjal li twieled bniedem importanti u allura kien plawżibbli li l-Maġi bdew il-vjaġġ tagħhom meta dehret xi kometa jew stilla ġdida.

Hemm min ippropona li l-istilla setgħet kienet il-kometa ta' Halley, li dehret fit-12 QK[20], imma din ma taqbilx mal-opinjoni tal-parti l-kbira tal-istoriċi moderni li jaħsbu Ġesù twieled bejn is-7 Qk u l-4 QK. Ma nafux bil-mogħdija ta' kometi oħra fil-perjodu ta' interess, barra waħda fil-5 QK deskritta mill-astronomi Ċiniżi bħala kometa, imma llum spiss reinterpretata bħala supernova. L-identifikazzjoni tal-Kewkba bħala din il-kometa jaqbel magħha pereżempju Colin Humphreys[21], li jużaha biex jagħti madwar l-Għid tal-5 QK bħala d-data ta' meta twieled Kristu.

Kif għedna hawn fuq, l-identifikazzjoni tal-"Kewkba" bħala kometa saret opinjoni komuni fis-seklu 16, wara l-pittura ta' Giotto.

Mill-banda l-oħra, xi studji sabu traċċi ta' splużjoni ta' supernovi:

  • Fl-1977 grupp ta' riċerkaturi Ingliżi (Clark, Parkinson u Stephenson[22]) sabu li xi annali astronomiċi Ċiniżi f'Marzu tal-5 QK irreġistraw id-dehra ta' oġġett brillanti, x'aktarx nova, li baqa' jidher għal xi 70 jum bejn il-kostellazzjoni ta' Aquila u ta' Capricornus. Dan l-oġġett kważi żgur sabuh ukoll l-astronomi Koreani, però ir-reġstrazzjonijiet tagħhom fihom xi impreċiżjonijet, dovuti x'aktard għal żbalji fit-traskrizzjoni[23][24]. Jekk il-Maġi telqu mill-Mesopotamja meta dehret, setgħu jaslu fil-Ġudea f'April/Mejju: f'daq il-perjodu mas-sbiħ kienet tidher minn Ġerusalemm fid-direzzjoni ta' nofsinhar, jiġifieri lejn Betlehem, bi qbil perfett tar-rakkont tal-evanġelju.
  • Ipoteżi reċenti ssuġġerit li l-istilla ta' Betlehem kienet supernova jew ipernova, li t-traċċi tagħha instabu fil-qrib ta' tal-Galassija ta' Andromeda. Id-datazzjoni ta' din il-ġrajja mhux possibbli bħalissa, imma tista' issir possibbli bil-progress fit-teknoloġija. Frank Tipler, però, osserva li supernova f'Andromeda kieku tispjega b'mod letterali aspett misterjuż tal-evanġelju ta' Mattew: il-waqfa tal-kewkba eżatt fuq Betlehem[25]. Il-"waqfa" tindika li l-istilla laħqet iż-żenit, mument li fih ma tibqax tagħti indikazzjoni direzzjonali.

Konġunzjonijiet planetarji

immodifika

Xi studjużi issuġġerew li l-istilla ta' Betlehem ma kinitx stilla jew kometa, imma dija ġejja mill-pjaneta Ġove f'konġunzjoni ma' pjaneti oħra li jiddu inqas. Johan Kepler (De anno natali Christi, 1614) kien l-ewwel li ġibed l-attenzjoni għall-fatt li fis-7 QK kien hemm konġunzjoni trippla ta' Ġove ma' Saturnu u Marte fil-Kostellazzjoni tal-Ħut[4]. Il-fenomenu ġibed ukoll l-attenzjoni tal-astronomi Kaldej, li kienu pprevedewh mis-sena ta' qabel[26]. It-tavletta bit-tbassir tal-fenomenu, iddatata it-8 QK, instabu xi erba' kopji tagħha f'siti diversi (fatt rari ħafna); dan juri l-interess tal-astroloġi antiki fil-fenomenu.
Konġunzjoni Ġove-Saturnu fl-istess kostellazzjoni, jekk neskludu il-preċessjoni tal-ekwinozji, skont Kepler tiġri kull xi 800 mitt sena solari.
Ġenerikament, il-pjaneti Ġove u Saturnu, li jiddu ħafna fis-sema, jallinjaw ruħhom max-Xemx kull 19-il sena u 314 jum, u dawn il-konġunzjonijiet huma qsar ħafna u jidhru biss għal xi ftit sigħat mas-sebħ jew ma' nżul ix-xemx, jew anki ma jidhru xejn, meta, pereżempju il-pjaneta tagħna tkun fin-naħa opposta. Però, billi l-perjodu tad-tidwir tad-dinja hu ħafna iqsar minn dak tal-pjaneti l-oħra, l-Art jirnexxilha tallinja ruħha kwalitativament max-Xemx, Ġove u Saturnu qabel ma jitbiegħdu sinjifikament minn xulxin. Għalhekk jiġri li l-allinjament ġeoċentriku taż-żewġ pjaneti għandu l-istess perjodu medju bħall-allinjament eljoċentriku tagħhom, imma b'mod iżjed irregolari (jiġifieri tantiċipa u tippostiċipa b'xi xhur) minħabba it-tidwir tad-dinja. Meta l-Art tkun eżattament allinjata maż-żewġ pjaneti meta jkunu allinjati max-Xemx, ngħidu li l-konġunzjoni saret b'allinjament tat-tip eljoċentriku; f'dan il-każ, ikun hemm żewġ konġunzjonijiet oħra, xi mitt jum qabel u wara dak il-jum u dawn huma kkawżati minn allinjament wieħed tat-tip ġeoċentriku (jiġifieri li jġri biss mal-pjaneta Art). Dan it-tip ta' konġunzjonijiet jissejħu trippli jew tlitija, għaliex jiġru tliet darbiet f'perjodu ristrett taż-żmien (6-7 xhur). Dawn huma effett dovut għall-fatt li l-veloċità angolari tal-Art hi akbar, u għalhekk Ġove u Saturnu, jidhru jimxu lura fil-perjodu bejn l-ewwel u t-tielet konġunzjoni. L-effett jidher l-iżjed għall-pjaneta li hi l-eqreb lejna jiġifieri Ġove; din tidher timxi lura b'iżjed għaġla u ma ddumx ma tiltaqa' it-trajettorja ta' Saturnu. Meta ma tibqax timxi lura il-veloċità apparenti taċċelera fid-direzzjoni normali u fl-aħħar isseħħ it-tielet konġunzjoni.

L-astronomi, matul is-sekli, ikkonfermaw l-eżistenza ta' waħda minn dawn il-konġunzjonijiet trippli proprju bejn is-6 u s-7 Qk, jew matul is-sena 7 QK biss. Pereżempju skont Kepler, din il-konġunzjoni trippla seħħet fid-dati tal-kalendarju Gregorjan tad-29 ta' Mejju, id-29 ta' Awwissu ul-5 ta' Diċembru tas-sena 7 QK, imma l-kalkoli ta' awturi oħra imexxuha bi ftit jiem, qabel jew wara[27].

Ġove u Saturnu daħlu fil-kostellazzjoni tal-Ħut mal-ekwinozju tar-rebbiegħa, u kienu jidhru fil-Lvant ftit wara s-sebħ, u baqgħu hemm għal xi sena u qorbu lejn xulxin tliet darbiet. Qabel ma ħarġu ingħaqdet magħhom Marte wkoll. Fi Frara tas-6 QK kienu hemm simultanjament il-konġunzjonijiet ta' Ġove mal-Qamar u ta' Marte ma' Saturnu, it-tnejn fil-kostellazzjoni tal-Ħut. Ftit wara Ġove daħlet fil-kostellazzjoni tal-Muntun, fejn skont l-astronomu Michael Molnar kellha żewġ konġunzjonijiet mal-qamar, tant qrib li kien hemm okkultamnent, jiġifieri setgħet tinħeba (ġrajja li tista' tiġi kkalkulata fuq il-kompjuters ta' daż-żmien, imma mhux prevedibbli fil-qedem). Skont Molnar l-okkultament tas-17 ta' April u l-waqfien ta' Ġove fid-19 ta' Diċembru tas-6 QK kienu partikularment sinjifikattivi[28].

Kien x'kien fis-snin 7-6 QK kien hemm sensiela ta' ġrajjiet astrali li damet madwar tmintax-il xhar li kellha interpretazzjonijiet varji mill-istudjużi bl-użu ta' testi Ebrajċi, Ellenistiċi u Babiloniżi. Is-sensiela kellha bħala ċentru il-pjaneta Ġove, l-iżjed li tiddi wara Venere u li fil-mitologija antika kienet l-alla maskili li ħallaq il-bnedmin (Marduk għall-Babiloniżi]], Żews għall-Griegi).

Imma kif setgħu dawn il-konġunzjonijiet planetarji jħajru l-Maġi jmorru għand Erodi? Jidher li l-ġrajja kienet meqjusa eċċezzjonali u li kellha tifsira astroloġika sinjifikanti. Fis-seklu 8 WK, l-astrologu Persjan Maxagħalla ibn Atari, diġà kien isostni bl-użu ta' dati u teoriji astroloġiċi ta' nisel Iranjan u Babiloniż, li kull bidla reliġjuża jew politika bejn it-twelid ta' Kristu u ta' Muħammed, kienet marbuta mal-konġunzjoni bejn Ġove u Saturnu[29]. F'Rosenberg[30] insibu interpretazzjonu iżjed dettaljata, ibbażata fuq aħbarijiet forniti minn Iżakk Abrabanel, kittieb medjevali Lhudi. Il-pjaneta Saturnu setgħet kienet il-Missier Etern, Ġove l-iben u l-kostellazzjoni tal-Ħut setgħet kellha rabta mal-poplu ta' Iżrael. Anki skont l-assirjologu Simo Parpola il-ġrajja tas-7 QK kellha importanza kbira għall-astroloġi Kaldej u ħabbret "it-tmiem tal-ordni l-qadim tad-dinja u t-twelid ta' re ġdid mibgħut minn Alla"[31]. Fl-aħħar Ettore Bianchi, Mario Codebò u Giuseppe Veneziano issottolinjaw li proprju f'din l-epoka tat-twelid ta' Kristu kien hemm il-mgħodija mill-Era tal-Muntun għall-Era tal-Ħut, li matul l-ekwinozji tagħha ix-Xemx daħlet fil-kostellazzjoni tal-Ħut u tal-Verġni u kienet ġejja lura l-Età tad-Deheb. Kwalinkwe ġrajja astrali fil-kostellazzjoni tal-Ħut bilfors kellha riżonanza qawwija fost l-astroloġi ta' kull kultura tkun liema tkun, kif turi wkoll il-kitba fl-Eclogæ IV ta' Virġilju, dwar jil-ġrajja tas-Saturnia Regna[32]. Skont l-astroloġija Iranjana u Indjana l-età tad-deheb tiġi kull tnax-il elf sena.

Xi eżempji illustrattivi

immodifika

Id-dati astronomiċi msemmija hawn fuq huma numerużi u l-inċertezzi tad-datazzjoni tat-twelid ta' Ġesù hi tant wisgħa, li m'hemmx diffikultà li nsibu bosta posibilitajiet li jaqblu. Il-possibilitajiet jiżdiedu wkoll bl-għadd tal-ġrajjiet Bibliċi: L-ewwel sinjal astroloġiku seta' jikkorrispondi mhux mat-twelid imma mal-konċepiment ta' Ġesù jew jista' jkun ukoll mal-aħbar li ngħata Żakkarija, li tat bidu għas-sensiela ta' ġrajjiet. Għalhekk kemm hi sinjifikanti kull koinċidenza hu limitat.

Ejja nagħmlu riassunt ta' xi possibilitajiet:

  • David Hughes u iżjed reċentement Simo Parpola jipproponu żmien għall-ġrajjiet kollha tar-rebbiegħa tas-7 QK; it-twelid ta' Ġesù iqegħduh mal-konġunzjoni ekwinozjali (6 ta' Ottubru), waqt li l-wasla tal-Maġi iqegħduha fl-aħħar konġunzjoni fl-ewwel jiem ta' Diċembru. Is-sbuħija ta' din il-proposta hi li meta waslu Ġerusalemm setgħu jivverifikaw dak li raw f'pajjiżhom kif intqal f'Mt:2:10. Billi l-ewwel konġunzjoni seħħet sitt xhur biss qabel, ma nistgħux nispjegaw għaliex Erodi ried joqtol it-trabi kollha ta' Betlehem ta' taħt sentejn
  • Michael Molnar jenfasizza biss il-ġrajjiet tas-6 QK u r-rwol ta' Ġove u jqiegħed iż-żjara tal-Maġi f'Diċembru ta' dik is-sena;
  • Għal diversi awturi, fosthom reċentement Colin Humphreys, il-ġrajjiet tas-7 u s-6 QK iservu biss bħala "allert astrologiku", waqt li t-twelid ta' Kristu seħħ meta dehret il-kometa/supernova ta' Marzu tal-5 Qk, jew ftit wara. Billi l-"kometa" kienet osservata mill-astronomi Ċiniżi għal 70 jum, il-Maġi kellhom żmien kemm riedu bix josservaw l-ewwel dehra u jiddeċiedu li jitilqu għal Ġerusalemm matul ix-xahrejn ta' wara. Din is-soluzzjoni tispjega l-imġiba ta' Erodi, bl-iżvantaġġ li ddaħħal żewġ ġrajjiet, waqt li l-evanġelju jsemmi wiaħda biss.[33].
  1. ^ Il-Midrax (Lhudi מדרש; plural Midraxim) hu wieħed mill-metodi ebrajċi ta' interpretazzjoni u kummenti tal-Kitba Mqaddsa. In-nom Midrax ġej mill-kelma Lhudija darax (דרש) li, kemm fit-Tanakh kif ukoll fit-Torah orali, ifisser irriċerka, fela, eżamina, studja.
  2. ^ Haggada (bil-Lhudiהגדה) hi għamla ta' narrazzjoni użata fit-Talmud u f'xi partijiet tal-liturġija Lhudija u l-Midrax.
  3. ^ Bibbia di Gerusalemme, EDB, Bolonja 2004, p.2087, nota 2.1
  4. ^ a b Joseph Ratzinger, L'infanzia di Gesù, Rizzoli 2012, p.115s
  5. ^ De Plantatione. L-istess kunċett f': De Somniis 1.135 u De Opificio Mundi 73.
  6. ^ ([Eż:14:19] U mbagħad l-anġlu ta' Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta' Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta' sħab minn quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined tal-Eġizzjani u t-tined ta' Iżrael.
    [Eż:23:20] “Arani, se nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-triq u jwasslek fil-post li jien ħejjejtlek.
    [Eż:32:24] U jien għedtilhom: 'Min għandu xi deheb, jinżgħu u jagħtihuli.' Mbagħad jien tfajtu fin-nar u ħareġ dan l-għoġol.”; [Eż:33:2] Jien nibgħat l-anġlu tiegħi quddiemek u nkeċċi minn quddiemek il-Kangħanin u l-Amurrin, il-Ħittin u l-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin.
  7. ^ Mit-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika Maltija
  8. ^ Steven L. Cox, Kendell H. Easley, Harmony of the Gospels, 2007
  9. ^ Cfr. Colin Humphreys: "The curious terminology in Matthew 2:9 that the star 'stood over' Bethlehem will now be considered. Phrases such as 'stood over' and 'hung over' appear to be uniquely applied in ancient literature to describe a comet, and I can find no record of such phrases being used to describe any other astronomical object. The historians Dio Cassius and Josephus were broadly contemporary with the author of Matthew's gospel. Dio Cassius (Roman History, 54, 29) describing the comet of 12 BC (Halley's comet) which appeared before the death of Marcus Agrippa writes 'the star called comet stood for several days over the city [Rome]'. Josephus (Jewish War 6,5,3) states 'a star, resembling a sword, stood over the city Jerusalem]', probably referring to the comet of AD 64 mentioned by Tacitus (Annals, 15,47), comets frequently being described as 'swords' in ancient literature because of their upward tails (in a direction away from the sun). Marcellinus describing a comet of AD 390 writes'a sign appeared in the sky hanging like a column and blazing for 30 days'."
  10. ^ "... ed ecco la stella, che avevano visto al sorgere, li precedeva; l'aurora, sopraggiunta, venne a sorgere sopra il luogo ove era il bambino...", fi Ettore Bianchi, Mario Codebò, Giuseppe Veneziano, Dalla “Stella di Betlemme” alla creazione del mondo, p. 5.
  11. ^ [Num:24:17] Qiegħed naraha, imma mhux għalissa; nħares lejha, imma mhux fil-qrib. Għad titla' kewkba minn Ġakobb ... u jqum xettru minn Iżrael; u jkisser ngħas Mowab, u jeqred l-ulied kollha ta' Set.
  12. ^ Ma ninsewx l-influwenza tal-profezija messijanika ta' "dawl kbir" f'Isaija:
    [Is:9:1] Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f'art id-dlam dawl idda fuqhom. [Is:9:2] Int kattart il-ġens, kabbart l-hena; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi qsim il-priża. [Is:9:3] Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta' fuq spallejh, u l-bastun tal-argużin, int kissirthom bħal f'jum Midjan. [Is:9:4] Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa, kull mantell mgħargħar fid-demm jispiċċa għall-ħruq, biex jieklu n-nar. [Is:9:5] Għax tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: "Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem." [Is:9:6] Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qjies fuq it-tron ta' David u s-saltna tiegħu. Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-ħaqq u s-sewwa, minn issa u għal dejjem. Il-ħeġġa tal-Mulej tal-eżerċti tagħmel dan.
  13. ^ cfr. rispettivament Contra Celsum, I, 58-59 u Adversus haereses, III, 9,2
  14. ^ Patrizio Rota Scalabrini, Matteo e il vangelo dell'infanzia di Gesù. L'origine del Figlio di Dio, f' Vangeli canonici e vangeli segreti: origine e compimento della storia di Gesù. Il Messianismo, Bergamo 2007, p.42
  15. ^ [Is:60:1] Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej! [Is:60:2] Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek. [Is:60:3] Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija ta' sbiħek. [Is:60:4] Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: lkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn. [Is:60:5] Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqa' l-kotra tal-ġid tal-ibħra, u l-għana tal-ġnus jiġi għandek. [Is:60:6] Mrieħel ta' iġmla għad jgħattuk, l-iġmla żgħar ta' Midjan u Għefa; lkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
  16. ^ Bibbia di Gerusalemme, EDB, Bologna 2004, p.2087, nota 2.1 u għall-trattament fit-tul C. Allison, Jr., What Was the Star that Guided the Magi?
  17. ^ a b Cfr. Stella di Betlemme, f' Dizionario Interdisciplinare di Scienza e Fede
  18. ^ Pereżempju cfr. J. Finegan,, Handbook of Biblical Chronology, Princeton 1964; H.W. Montefiore, "Novum Testamentum" IV (1960), pp. 139-160; D. Hughes, "Nature", 264 (1976), pp.513-517 (Hughes, aktar tard ċaħad din it-teżi); C. Humphreys, The Star of Bethlehem.
  19. ^ Contra Celsum, I, 58-59 ikkwotat fi Stella di Betlemme, f' Dizionario Interdisciplinare di Scienza e Fede
  20. ^ Dawn xi awturi li huma ta' din l-opinjoni: Kokkinos, 1989; Vardaman, 1989; A. Reznikov, 1986.
  21. ^ Humphreys, 1995.
  22. ^ Clark, Parkinson, Stephenson, 1977.
  23. ^ Humphreys, 1991; Humphreys, 1995.
  24. ^ Mark Kidger, Chinese and Babylonian Observations [1]
  25. ^ Tipler 2005.
  26. ^ Tavletta BM35429 fil-British Museum.
  27. ^ Pereżempju, skont Giuseppe De Cesaris, il-ġrajja ċentrali seħħet fl-ewwel ta' Ottubru. Mill-banda l-oħra Simo Parpola jgħid li t-tliet ġrajjiet seħħu fis-27 ta' Mejju, is-6 ta' Ottubru u l-1 ta' Diċembru. Ashgrove, Triple Conjunction of Jupiter and Saturn [2]
  28. ^ Molnar 1999.
  29. ^ E.S. Kennedy and D. Pingree, The Astrological History of Masha'allah, Harvard University Press, Cambridge, Mass. 1971.
  30. ^ Isaac Abrabanel, Le fonti della salvezza, 1497; cfr. Rosenberg, 1972.
  31. ^ No Babylonian interpretation of this particular conjunction is extant—surely because of the great rarity of the event—but we know that interpretations of planetary conjunctions were based on an analysis of the astrological significance of the planets and the accompanying circumstances, particularly the zodiacal sign in which the conjunction took place. The fact that Mars, the star of Nergal, the god of war, joined the conjunction in its final phase signified that the new king was to come from the West, specifically, from Syria-Palestine, for Mars was the star of Amurru or the West (Syria-Palestine) in the Babylonian system. The prediction of such a king would have held wide interest in 7 B.C.E., when a power vacuum of sorts prevailed in the Near East. The Seleucid empire created by the successors of Alexander the Great had collapsed in 64 B.C.E., and its remnants, which included Judea, had been annexed to Rome as a province named Syria. The power of Rome had not yet been consolidated in the area, however. Even after Augustus changed Rome into an autocratic monarchy in 27 B.C.E., his authority was questioned in the East, for the Roman emperor, unlike the Seleucid kings and their predecessors, did not derive his authority from God. For this reason, many people considered Roman rule illegitimate and hoped that a local Near Eastern king appointed by God would drive the Romans out of the country and create a better world. These messianic expectations are recorded by Josephus and reflected in the Dead Sea Scrolls. The conjunction of 7 B.C.E. would have been interpreted as a portent of the birth of precisely this kind of king. The political vistas opened by it would not have escaped the attention of any Babylonian astrologer; Parpola 2001 Bringing the Ancient World to Life - Biblical Archaeology Society
  32. ^ Bianchi, Codebò, Veneziano, 2007
  33. ^ Il-fatt li l-evanġelju ma jsemmix ġrajjiet astroloġiċi jagħmel sens meta niftakru kemm l-ewwel Insara kienu kontra l-prattika tal-seħer.

Biblijografija

immodifika
  • Giovanni Keplero, De vero anno, quo aeternus Dei filius humanum naturam in utero benedictae Virginis Mariae assumsit, Frankfurt 1614 (rist. in Kepler. Gesammelte Werke, München 1953, vol. V, pp. 5–125);
  • U. Holzmeister, La stella dei Magi, “Civiltà Cattolica” XCIII (1942), pp. 9–22;
  • R.W. Sinnott, Thoughts on the Star of Bethlehem, "Sky & Telescope" XXXVI (1968), pp. 384–386;
  • R.A. Rosenberg, The star of the Messiah reconsidered, "Biblica" LIII (1972), pp. 105–109;
  • D. Hughes, The Star of Bethlehem, “Nature” CCLXIV (1976), pp. 513–517;
  • D. Clark, J. Parkinson, F. Stephenson, An Astronomomical Re-appraisal of the Star of Bethlehem. A Nova in 5 B.C., "Quarterly Journal of the Royal Astronomical Society" XVIII (1977), pp. 443–449;
  • K. Ferrari d'Occhieppo, The Star of Bethlehem, "Quarterly Journal of the Royal Astronomical Society" XIX (1978), pp. 517–520;
  • C. Cullen, Can we Find the Star of Bethlehem in Far Eastern records?, "Quarterly Journal of the Royal Astronomical Society" XX (1979), pp. 153–159;
  • D. Hughes, The Star of Bethlehem. An Astronomer's Confirmation, New York 1979;
  • J. Mosley, Common errors in “Star of Bethlehem” planetarium shows, "The Planetarian" X (1981), n. 3;
  • E. Martin, The Star that Astonished the World, Portland 1982;
  • M. Crudele, Betlemme, Stella di, "Dizionario Interdisciplinare di Scienza e Fede", a cura di Giuseppe Tanzella-Nitti e Alberto Strumia, Città Nuova e Urbaniana University Press, 2002
  • A. Reznikov, La comète de Halley: une démystification de la légende de Noël?, "Recherches d'astronomie historique", XVIII (1986), pp. 65–80;
  • C. Lamberti, La stella dei Magi: realtà o fantasia?, "L’Astronomia", LXXXIII (dicembre 1988);
  • L. Zusi, La stella dei Magi: fede e astrologia, "L’Astronomia", LXXXIII (dicembre 1988);
  • Jerry Vardaman, Jesus’ Life: A New Chronology, in Chronos, Kairos, Christos: Nativity and Chronological Studies Presented to Jack Finegan eds J. Vardaman and E.M. Yamauchi, Winona Lake 1989, pp. 55–82;
  • Nikos Kokkinos, Crucifixion in A.D. 36: The Keystone for Dating the Birth of Jesus, in Chronos, Kairos, Christos: Nativity and Chronological Studies Presented to Jack Finegan eds J. Vardaman and E.M. Yamauchi, Winona Lake 1989, pp. 133–163;
  • Colin J. Humphreys, The Star of Bethlehem: A Comet in 5 BC and the Date of the Birth of Christ, "Quarterly Journal of the Royal Astronomical Society", XXXII (1991), pp. 389–407;
  • Dale C. Allison jr., What Was the Star that Guided the Magi?, "Bible Review", December 1993 (= cap. III di The First Christmas. The Story of Jesus' Birth in History and Tradition Bringing the Ancient World to Life - Biblical Archaeology Society;
  • Colin J. Humphreys, The Star of Bethlehem, "Science and Christian Belief" V (October 1995), pp. 83–101 'The Star of Bethlehem';
  • F. Quéré, I magi alla luce della stella, “Il mondo della Bibbia” VII (1996), n. 35, pp. 12–15;
  • P. Léna, Un fenomeno celeste?, “Il mondo della Bibbia” VII (1996), n. 35,, pp. 16–17;
  • M. Centini, La vera storia dei Re Magi, Piemme, Casale Monferrato (1997);
  • Michael Kidger, The Star of Bethlehem, Princeton 1999;
  • Michael R. Molnar, The Star of Bethlehem: The Legacy of the Magi, London 1999. ISBN 0-8135-2701-5 The Star of Bethlehem: The Legacy of the Magi (ed. it. La stella di Betlemme, Armenia, Milano 2000);
  • G. Teres, The Bible and Astronomy. The Magi and the Star in the Gospel, Budapest 2000;
  • Robert C. Newman, "The Star of Bethlehem: A Natural-Supernatural Hybrid?", Interdisciplinary Biblical Research Institute, 2001. A visual presentation is given here.
  • G. De Cesaris, Congiunzioni Giove-Saturno e Storia Giudaico-Cristiana, Keybooks, Guidonia Montecelio 2001;
  • Simo Parpola, The Magi and the Star. Babylonian Astronomy Dates Jesus' Birth, Bible Review, December 2001, pp. 16–23 e pp. 52–54 (= cap. II di The First Christmas. The Story of Jesus' Birth in History and Tradition Bringing the Ancient World to Life - Biblical Archaeology Society;
  • Ettore Bianchi - Mario Codebò - Giuseppe Veneziano, Ipotesi astronomica sulla stella di Betlemme e sulle aspettative escatologiche coeve nel mondo mediterraneo, in Atti del V Convegno Nazionale S.I.A. di Archeoastronomia, Astronomia antica e culturale e Astronomia storica, Milano 23-24/09/2005;
  • Ettore Bianchi - Mario Codebò, Considerazioni astronomiche sulle aspettative messianiche giudaico-cristiane, in Atti dell’VIII Seminario A.L.S.S.A. di Archeoastronomia, Genova 2005;
  • Frank J. Tipler, The Star of Bethlehem: A Type-Ia/Ic Supernova in the Andromeda Galaxy, "The Observatory", CXXV (2005), pp. 168–174 [3];
  • M.T. Bregant - R. Lena, La stella che guidò i Magi, "L’Astronomia" 269, dicembre (2005);
  • Ettore Bianchi - Mario Codebò - Giuseppe Veneziano, Dalla stella di Betlemme alla creazione del mondo, in Atti del IX Seminario A.L.S.S.A, Genova 2007 Dalla “Stella di Betlemme” alla creazione del mondo.

Artikli li għandhom x'jaqsmu

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika