Siti tal-Fossili tal-Ominidi tal-Afrika t'Isfel

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Afrika t'Isfel

Is-Siti tal-Fossili tal-Ominidi tal-Afrika t'Isfel, magħrufa wkoll bħala n-Nieqa tal-Umanità,[1][2][3] huma għadd ta' siti paleoantropoloġiċi li jinsabu madwar 50 kilometru (31 mil) fil-Majjistral ta' Johannesburg, l-Afrika t'Isfel, fil-provinċja ta' Gauteng.[4] Dawn is-siti tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999, u jinkludu l-ikbar konċentrazzjoni ta' fdalijiet tal-antenati tal-bniedem modern fid-dinja.[5][6] Attwalment is-sit jokkupa 47,000 ettaru (180 mil kwadru) u fih sistema kumplessa ta' għerien tal-ġebla tal-ġir.[7]

Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi tan-Nieqa tal-Umanità f'Maropeng.

Skont il-Ġurnal tax-Xjenza tal-Afrika t'Isfel, Bolt's Farm huwa l-post fejn ġew skoperti l-iżjed primati bikrin.[8] F'Bolt's Farm kienu saru diversi estrazzjonijiet ta' speleotem (karbonat tal-kalċju mill-istalagmiti, mill-istalaktiti u mill-ħaġar tal-għerien taħt l-art) fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20.[9]

Fl-Għerien ta' Sterkfontein ġew skoperti l-fossili tal-Australopithecus africanus (imlaqqma tas-"Sinjura Ples") ta' 2.3 miljun sena ilu, li nstabu fl-1947 minn Robert Broom u John T. Robinson. Is-sejba għenet biex tlaħħam l-iskoperta tal-1924 tal-kranju żagħżugħ tal-Australopithecus africanus magħruf bħala l-"Wild ta' Taung", li ġie skopert minn Raymond Dart, f'Taung fil-Provinċja tal-Majjistra tal-Afrika t'Isfel, fejn għadhom qed isiru l-iskavi.

Fil-qrib, għalkemm mhux fis-sit, is-sistema tal-Għar tal-Istilla Tiela' fiha l-Kamra ta' Dinaledi (kamra tal-istilel), li fiha ġew skoperti ħmistax-il skeletru ffossilizzati ta' speċi estinta ta' ominidi, imsejħa temporanjament bħala l-Homo naledi.

Mill-Għerient ta' Sterkfontein biss instabu iktar minn terz tal-fossili tal-ominidi bikrin li qatt instabu qabel l-2010.[10] Il-Kamra ta' Dinaledi fiha iktar minn 1,500 fossila tal-Homo naledi, li hija l-iżjed skoperta estensiva ta' speċi unika ta' ominidi li qatt instabet fl-Afrika.[11]

L-isem ta' Nieqa tal-Umanità jirrifletti l-fatt li fis-sit instabu għadd kbir sostanzjali ta' fossili ta' ominidi, uħud minn fost l-eqdem li qatt instabu, li jmorru lura saħansitra għal 3.5 miljun sena ilu.

Kronoloġija tal-iskoperti

immodifika
 
L-Australopithecus africanus (rikostruzzjoni).

Din li ġejja hija kronoloġija ġenerali tal-evoluzzjoni tal-ominidi skont id-diversi perjodi, mill-iżjed reċenti sal-iżjed antik.

Perjodu Plejstoċen

immodifika

F'dan il-perjodu nsibu l-aħħar lill-Homo Sapiens, maqsuma fid-Denisovani, fin-Neanderthal, u fil-Homo heidelbergensis. Dan il-perjodu tal-evoluzzjoni tal-bniedem wassal għall-bniedem modern, għall-iżjed ħwejjeġ bikrin u għall-iżjed arti bikrija ta' fuq il-blat. Qabilhom dawn ta' hawn fuq kien hemm il-Homo erectus, il-Homo antecessor u l-Homo ergaster. Flimkien ma' dan tal-aħħar, instabu wkoll fdalijiet tal-Australopithecus sediba, li huma maħsuba li wasslu għall-ewwel użu tan-nar u t-tisjir. Qabilhom kien hemm il-Homo habilis u l-Homo rudolfensis li kienu l-ewwel li nxterdu 'l barra mill-Afrika.

Perjodu Plijoċen

immodifika

F'dan il-perjodu kien hemm l-Australopithecus garhi u l-Australopithecus inġenerali li kienu l-iktar sinjal bikri tal-ġeneru Homo. L-Australopithecus africanus, l-Australopithecus afarensis, u l-Australopithecus anamensis, fejn bdew jintużaw l-iżjed għodod tal-ġebel bikrin. Qabilhom kien hemm l-iżjed sinjali bikrin tal-Ardipithecus u tal-Orrorin, jiġifieri l-Ardipithecus kadabba, l-Orrorin praegens u l-Orrorin tugenensis.

Perjodu Mijoċen

immodifika

F'dan il-perjodu kien hemm l-ewwel ominidi li kienu jimxu fuq żewġ saqajn, jiġifieri s-Sahelanthropus, il-Graecopithecus u l-Oreopithecus. L-hekk imsejħa evoluzzjoni li wasslet għal distinzjoni bejn iċ-chimpanzee u l-bniedem seħħet fil-Chororapithecus, fis-Sivapithecus u fl-Ouranopithecus. Fl-Ouranopithecus turkae seħħet l-hekk imsejħa evoluzzjoni li wasslet għal distinzjoni bejn il-gorilla u l-bniedem. Qabilhom l-Ouranopithecus macedoniensis, is-Samburupithecus u n-Nakalipithecus kienu l-primati bikrin ta' qabel l-ewwel distinzjonijiet.

Skoperti

immodifika
 
Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi f'Maropeng.

Fl-1935 Robert Broom sab l-ewwel fossili ta' ominidi f'Sterkfontein u beda jaħdem f'dan is-sit. Fl-1938, tifel żgħir tal-iskola, Gert Terrblanche, lil Raymond Dart ġablu frammenti ta' kranju minn qrib Kromdraai li iktar 'il quddiem ġew identifikati bħala frammenti tal-Paranthropus robustus. Fl-1938 ukoll, sinna waħda ta' ominidu nstabet fis-sit ta' Cooper bejn Kromdraai u Sterkfontein. Fl-1948, l-Ispedizzjoni ta' Camp-Peabody mill-Istati Uniti ħadmet fil-Bolt's Farm u f'Gladysvale sabiex issib il-fossili ta' ominidi iżda ma rnexxilhiex. Iktar 'il quddiem fl-1948, Robert Broom identifika l-ewwel fdalijiet ta' ominidi mill-Għar ta' Swartkrans. Fl-1954, C.K. Brain beda jaħdem f'siti fin-Nieqa, inkluż l-Għar ta' Cooper. Imbagħad beda tletin sena ħidma fl-Għar ta' Swartkrans, li sarraf fl-irkupru tat-tieni l-ikbar kampjun ta' fdalijiet ta' ominidi min-Nieqa. L-eqdem użu kkontrollat tan-nar mill-Homo erectus ġie skopert ukoll f'Swartkrans u ġie datat għal iktar minn miljun sena ilu.

 
Il-faċċata taċ-Ċentru għall-Viżitaturi f'Maropeng.

Fl-1966 Phillip Tobias beda l-iskavi tiegħu f'Sterkfontein li għadhom għaddejin u huma l-ikbar skavi kontinwi għall-fossili fid-dinja. Fl-1991, Lee Berger tal-Università ta' Witwatersrand skopra l-ewwel eżemplari ta' ominidi mis-sit ta' Gladysvale, u b'hekk sar l-ewwel sit ġdid fejn instabu ominidi bikrin fl-Afrika t'Isfel fi 48 sena. Fl-1994, Andre Keyser skopra fossili ta' ominidi fis-sit ta' Drimolen. Fl-1997, Kevin Kuykendall u Colin Menter tal-Università ta' Witwatersrand sabu żewġ sinniet fossilizzati ta' ominidi fis-sit ta' Gondolin. Fl-1997 ukoll, instab l-iskeletru kważi sħiħ tal-Australopithecus tal-hekk imsejjaħ "Little Foot", li jmur lura għal madwar 3.3 miljun sena ilu (għalkemm datazzjoni iktar reċenti tissuġġerixxi li jmur lura għal 2.5 miljun sena ilu), u li ġie skopert minn Ron Clarke. Fl-2001, Steve Churchill ta' Duke University u Lee Berger sabu fdalijiet tal-bniedem modern bikri fil-Lag ta' Plovers. Fl-2001 ukoll, ġew skoperti l-ewwel fossili u għodod tal-ġebel tal-ominidi bikrin fis-sit ta' Coopers. Fl-2008, Lee Berger skopra l-fdalijiet parzjali ta' żewġ ominidi (Australopithecus sediba) fis-Sit tal-Fossili ta' Malapa li għexu bejn 1.78 u 1.95 miljun sena ilu.

F'Ottubru 2013, Berger ikkummissjona lill-ġeologu Pedro Boshoff biex jinvestiga s-sistemi tal-għerien fin-Nieqa tal-Umanità bl-iskop li jiġu skoperti iktar siti tal-fossili tal-ominidi. L-ispeleologi Rick Hunter u Steven Tucker skoprew fossili ta' ominidi f'żona li ma kinitx ġiet esplorata qabel tas-Sistema tal-Għerien tal-Istilla Tiela' u ta' Westminster li ġiet assenjata bid-deżinjazzjoni tas-sit UW-101. F'Novembru 2013, Berger mexxa spedizzjoni konġunta tal-Università ta' Witwatersrand u tan-National Geographic Society fis-Sistema tal-Għerien tal-Istilla Tiela' qrib Swartkrans. Fi tliet ġimgħat biss ta' skavi, it-tim internazzjonali ta' sitt nisa xjenzati speleoloġiċi avvanzati (K. Lindsay Eaves, Marina Elliott, Elen Feuerriegel, Alia Gurtov, Hannah Morris u Becca Peixotto), li ntgħażlu għall-ħiliet paleoantropoloġiċi u speleoloġiċi, kif ukoll għad-daqs żgħir tagħhom, irkupraw iktar minn 1,200 eżemplar ta' speċijiet ta' ominidi ffossilizzati mhux identifikati attwalment. Is-sit għadu fil-proċess tad-datazzjoni. F'Settembru 2015, Berger, b'kollaborazzjoni man-National Geographic, ħabbar l-iskoperta ta' speċi ġdida ta' ominidi, imsejjaħ il-Homo naledi, minn UW-101. B'mod notevoli, apparti li xeħet dawl fuq l-oriġini u d-diversità tal-ġeneru tagħna, il-Homo naledi milli jidher iddepożita apposta l-katavri f'kompartiment remot fl-għerien, imġiba li qabel kienet maħsuba li kienet limitata għall-bnedmin. Fl-aħħar jiem tal-ispedizzjoni tal-Għerien tal-Istilla Tiela', l-ispeleologi Rick Hunter u Steven Tucker skoprew materjal addizzjonali ta' fossili ta' ominidi f'parti oħra tas-sistema tal-għerien. L-iskavi preliminari f'dan is-sit, iddeżinjat UW-102, bdew u wasslu għal materjal ta' fossili ta' ominidi sħaħ.[12][13]

 
L-Australopithecus sediba.

Il-fdalijiet ta' ominidi li ffossilizzaw maż-żmien fin-Nieqa tal-Umanità nstabu f'għerien dolomitiċi, u spiss instabu f'taħlita ta' ġebla tal-ġir u sedimenti oħra magħrufa bħala breccia. L-ominidi jaf għexu madwar l-Afrika kollha, iżda l-fdalijiet tagħhom instabu f'siti fejn il-kundizzjonijiet kienu jippermettu li jiffurmaw u jiġu ppreservati l-fossili tagħhom.[14]

Ċentru għall-viżitaturi

immodifika

Fis-7 ta' Diċembru 2005, il-President tal-Afrika t'Isfel Thabo Mbeki fetaħ Ċentru ġdid għall-Viżitaturi f'Maropeng.[15] Skont is-sit web taċ-ċentru, fi ħdan iċ-ċentru l-viżitaturi jistgħu jaraw il-fossili u l-għodod tal-ġebel, kif ukoll jitgħallmu dwar it-twelid tal-umanità. Barra minn hekk, iċ-Ċentru għall-Viżitaturi joffri mawra u wirja fl-Għerien ta' Sterkfontein. Struttura tal-azzar ħafifa u li trasferibbli, magħrufa bħala l-Ħanfusa, tpoġġiet fuq is-sit ta' Malapa, biex kull min iħallas għal biljett ikun jista' jara l-iskavi, meta jkunu għaddejin fis-sit. Fl-2009 l-iskavi twaqqfu għal xi żmien meta tneħħew il-fdalijiet ta' erba' individwi tal-Australopithecus sediba.[16]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Siti tal-Fossili tal-Ominidi tal-Afrika t'Isfel ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999 u ġew estiżi fl-2015.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Fleminger, David (2008). The Cradle of Humankind. 30° South Publishers. pp. 7–10. ISBN 978-0-9584891-3-3.
  2. ^ "Cradle of Humankind – David Fleminger". web.archive.org. 2020-02-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-02-03. Miġbur 2024-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Magazine, Smithsonian; Wayman, Erin. "The Human Evolution World Tour". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  4. ^ "Cradle of Humankind". Britannica Kids (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  5. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Fossil Hominid Sites of South Africa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  6. ^ "Fossils in the Cradle of Humankind site reignite debate over origins of humans". NBC News (bl-Ingliż). 2022-06-29. Miġbur 2024-01-18.
  7. ^ "About Maropeng a' Afrika and the Cradle of Humankind – Maropeng – Official Visitor Centre | Cradle of Humankind | Maropeng Hotel". web.archive.org. 2013-04-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-23. Miġbur 2024-01-18.
  8. ^ "Research Briefs". South African Journal of Science. 109 (5/6): 1–2. 2013.
  9. ^ Edwards, Tara R.; Armstrong, Brian J.; Birkett-Rees, Jessie; Blackwood, Alexander F.; Herries, Andy I.R.; Penzo-Kajewski, Paul; Pickering, Robyn; Adams, Justin W. (14 January 2019). "Combining legacy data with new drone and DGPS mapping to identify the provenance of Plio-Pleistocene fossils from Bolt's Farm, Cradle of Humankind (South Africa)". PeerJ. 7: e6202.
  10. ^ Smith, David; correspondent, Africa (2010-01-15). "Visit to the Cradle of Humankind" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  11. ^ Wong, Kate. "Mysterious New Human Species Emerges from Heap of Fossils". Scientific American (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  12. ^ "Rising Star Expedition – News Watch". web.archive.org. 2013-11-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-11-07. Miġbur 2024-01-18.
  13. ^ "Scientists bag more than 1 000 fossils at Cradle 'treasure trove'" (bl-Ingliż). 2013-11-26. Miġbur 2024-01-18.
  14. ^ Esterhuysen, Amanda (6 December 2019). "If we are all African, then I am nothing: Hominin evolution and the politics of identity in South Africa". In Porr, Martin; Matthews, Jacqueline M. (eds.). Interrogating Human Origins: Decolonisation and the Deep Human Past. Abingdon, Oxon: Routledge. pp. 279–292.
  15. ^ "Mbeki opens Maropeng centre: Sci-Tech: News: News24". web.archive.org. 2007-09-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-30. Miġbur 2024-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ Cherry, Michael (2015). "Human evolution: The cradle of humankind revisited". Nature. 523 (7558): 33.