Santwarju tal-Balieni ta' El Vizcaino
Is-Santwarju tal-Balieni ta' El Vizcaino jew ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' El Vizcaíno, maħluq fl-1988,[1] jinsab fil-Muniċipalità ta' Mulegé fit-Tramuntana ta' Baja California Sur, fiċ-ċentru tal-Peniżola ta' Baja California bejn l-Oċean Paċifiku u l-Golf ta' California. B'erja ta' iktar minn 24,930 km2 (9,630 mil kwadru)),[2] is-santwarju huwa l-ikbar refuġju tal-organiżmi selvaġġi fil-Messiku u jikkonfina mat-tarf tat-Tramuntana taż-Żona Protetta tal-Flora u tal-Fawna ta' Valle de los Cirios.
Storja
immodifikaIl-popli nattivi insedjaw dan ir-reġjun iktar minn ħdax-il elf sena ilu. Jaf kienu nomadi li ġew bl-art mit-Tramuntana tal-kontinent Amerikan, jew jaf kienu popli orjentati lejn il-baħar li użaw id-dgħajjes biex isegwu l-kosta kollha. Ftit qabel il-perjodu storiku, is-suċċessuri tagħhom kienu l-membri tal-poplu Cochimi, bdiewa li sfruttaw ir-riżorsi naturali tal-kosta, il-pjanuri iktar 'il ġewwa, u s-Sierra de San Francisco. Il-vjaġġaturi li jimxu f'dan ir-reġjun muntanjuż għadhom jistgħu jaraw l-arti fl-għerien tan-nattivi. L-esploraturi Spanjoli waslu fl-inħawi fis-seklu 16. Juan Rodríguez Cabrillo kien l-ewwel esploratur li nnaviga l-kosta, filwaqt li Sebastián Vizcaíno esplora iktar 'il ġewwa, f'dik li issa hija r-riżerva ta' bijosfera fl-1596 f'isem Gaspar de Zúñiga, il-Viċirè ta' Spanja l-Ġdida.[3]
Fawna
immodifikaL-annimali li adattaw għal dawn il-kundizzjonijiet estremi tal-inħawi jinkludu varjetà ta' annimali notturni bħall-coyotes, ir-rodituri, u l-liebri; oħrajn adattaw billi jiksbu l-ilma mill-pjanti sukkulenti. Fost il-mammiferi hemm l-antilokapridi ta' Baja California (sottospeċi endemiku tal-antilokapridi); l-aħħar popolazzjonijiet ta' din is-sottospeċi jistgħu jinsabu f'dan ir-reġjun. Is-Santwarju tal-Balieni ta' El Vizcaíno huwa wkoll il-ħabitat tan-nagħaġ selvaġġ tad-deżert, iċ-ċriev tad-deżert, u għexieren ta' għasafar residenti u tal-passa. Fost l-ispeċijiet ta' importanza speċjali hemm l-arpi, il-marguni, ir-russetti, u l-gawwin —u erba' speċijiet ta' fkieren tal-baħar. Mal-kosta u fil-gżejriet jgħixu u jpassu bosta mammiferi tal-baħar, fosthom il-foki iljunfanti tat-Tramuntana, l-iljun tal-baħar ta' California, id-dniefel, u l-balieni griżi.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Santwarju tal-Balieni ta' El Vizcaino ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[4]
Veduta mill-ispazju
immodifika
Referenzi
immodifika- ^ "Parks Watch". www.parkswatch.org. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Ficha ANP". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2024-02-28.
- ^ Jiménez González, Victor Manuel (July 2015). Baja California Sur - Los Cabos - Cabo San Lucas - Loreto - La Paz: Guía de viaje del Estado de Baja California Sur.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Whale Sanctuary of El Vizcaino". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.