Santwarju ta' Itsukushima

santwarju tax-Xintù fil-Prefettura ta' Hiroshima, il-Ġappun

Is-Santwarju ta' Itsukushima (厳島神社 (嚴島神社), Itsukushima-jinja) huwa santwarju tax-Xintù fil-gżira ta' Itsukushima (magħrufa popolarment bħala Miyajima), u huwa magħruf l-iktar għat-torii tiegħu li jispikka fuq wiċċ l-ilma.[1] Jinsab fil-belt ta' Hatsukaichi fil-Prefettura ta' Hiroshima fil-Ġappun. Il-kumpless tas-santwarju huwa mniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[2], u l-gvern Ġappuniż iddeżinja diversi binjiet u monumenti bħala Teżori Nazzjonali.[3]

It-torii ewlenija tas-Santwarju ta' Itsukushima

Is-Santwarju ta' Itsukushima huwa wieħed mill-iktar attrazzjonijiet turistiċi popolari fil-Ġappun. Huwa famuż l-iktar għall-portal drammatiku tiegħu jew torii fil-periferija tas-santwarju[3], għall-qċaċet sagri tal-Muntanja Misen, għall-foresti estensivi, u għall-veduta tiegħu tal-oċean.[1][4] Il-kumpless tas-santwarju nnifsu huwa magħmul minn żewġ binjiet ewlenin: is-santwarju ta' Honsha u s-Sessha Marodo-jinja, kif ukoll 17-il binja u struttura differenti oħra.[4] Sitt binjiet jew monumenti tiegħu ġew iddeżinjati mill-Gvern Ġappuniż bħala Teżori Nazzjonali.[3]

Attwalment, qed jitwettaq proġett ta' rinnovazzjoni tal-portal jew tat-torii famuż li ilu għaddej minn Settembru 2020 u mistenni jintemm għall-ħabta tad-Diċembru 2022. B'hekk f'dan iż-żmien il-portal huwa miksi b'armar tar-rinnovazzjoni.[5]

Oriġini

immodifika
 
It-torii tas-Santwarju ta' Itsukushima

Is-Santwarju ta' Itsukushima kien is-santwarju ewlieni tax-Xintù (ichinomiya) tal-Provinċja ta' Aki.[6]

Jingħad li ġie stabbilit fil-593, x'aktarx minn Saeki Kuramoto matul il-perjodu ta' Suiko.[3] Madankollu, is-santwarju attwali ġie attribwit lil Taira no Kiyomori, sinjur tal-gwerra (daimyo) prominenti li kkontribwixxa bil-kbir għall-kostruzzjoni tas-santwarju fi żmienu bħala gvernatur tal-Provinċja ta' Aki fl-1168.[7] Patrun rinomat ieħor tas-santwarja kien is-sinjur tal-gwerra Mori Motonari, is-sinjur ta' Choshu, li kien responsabbli għar-rikostruzzjoni tal-honden (is-sala prinċipali) fl-1571. Madankollu, wieħed importanti li jinnota li bħala riżultat tad-dikjarazzjoni ta' gwerra kontra Sue Takafusa hemmhekk fl-1555[7], Motonari jingħad li tebba' l-artijiet sagri tal-gżira meta wettaq battalja fihom. Dan huwa marbut man-nozzjonijiet rigorużi ta' purezza sagra li jirrappreżentaw is-santwarji tax-Xintù.[3] B'xorti ħażina, l-unika struttura fis-Santwarju ta' Itsukushima li għadha teżisti mill-perjodu ta' Kamakura huwa l-Kyakuden jew is-"Santwarju tal-Alla Mistieden".[3][7]

Kiyomori

immodifika
 
Veduta mis-Santwarju ta' Itsukushima fil-marea għolja

Ma kinitx xi ħaġa mhux tas-soltu fis-seklu 16 li daimyo jibni santwarju jew iwettaq proġetti arkitettoniċi sabiex "jirriflettu s-setgħa u l-kobor tagħhom".[8] It-Taira huma magħrufa speċifikament għall-involviment tagħhom fil-kummerċ marittimu mad-dinastija Song, u għat-tentattiv tagħhom li jkollhom monopolju tal-kummerċ barrani tul il-Baħar Intern.[9]

Kiyomori kien fil-quċċata tal-poter tiegħu meta stabbilixxa d-dominju tat-Taira fuq il-gżira. Huwa "ordna l-kostruzzjoni tas-sala prinċipali tas-Santwarju ta' Itsukushima bħala turija ta' reverenza lill-alla li jħares in-navigazzjoni u biex iservi bħala bażi għall-attivitajiet marittimi...".[9] B'hekk Miyajima ma damitx ma saret is-santwarju tal-familja tat-Taira. X'aktarx, Kiyomori għażel il-post fejn inbena s-santwarju wkoll sabiex ikompli jistabbilixxi iktar lilu nnifsu fl-aristokrazija Heian bħala wieħed li ddevja min-normi soċjali tal-pellegrinaġġi tax-Xintù.[10] Huwa żejjen is-Santwarju ta' Itsukushima b'rikkezzi kbar, u kien jgħoxa juri l-post lill-ħbieb u lill-kollegi tiegħu, jew saħansitra lil personaġġi rjali.[11]

Jingħad ukoll li Kiyomori għamel rikostruzzjoni tas-santwarju skont ħolma li kellu ta' patri anzjan li wegħdu d-dominju fuq il-Ġappun jekk jibni santwarju fuq il-gżira ta' Miyajima, u jagħti ġieħ lill-kami tagħha li jinsabu fis-santwarju għas-suċċess li kiseb f'ħajtu.[3][7] Permezz tar-rinnovazzjonijiet iffinanzjati mit-Taira, is-Santwarju ta' Itsukushima "kiber f'kumpless reliġjuż importanti".[10]

Importanza reliġjuża

immodifika
 
It-torii tas-Santwarju ta' Itsukushima fil-marea baxxa

Is-Santwarju ta' Itsukushima huwa ddedikat lit-tliet ibniet ta' Susano-o no Mikoto: Ichikishimahime no mikoto, Tagorihime no mikoto, u Tagitsuhime no mikoto. Magħrufa wkoll bħala s-sanjoshin jew it-"tliet allat femminili", dawn l-allat tax-Xintù huma l-allat tal-ibħra u tal-maltempati. Kiyomori kien jemmen li l-allat femminili kienu "manifestazzjonijiet ta' Kannon", għaldaqstant il-gżira kienet meqjusa bħala l-post li jospita l-bodhisattva.[10] Bil-Ġappuniż, "Itsukushima" tfisser "gżira ddedikata lill-allat". Fil-fatt, il-gżira stess titqies ukoll bħala alla, u għalhekk is-santwarju nbena fil-periferija tal-gżira. L-ogħla quċċata tal-gżira hija l-Muntanja Misen li tlaħħaq madwar 1,755 pied. It-turisti jistgħu jimxuha sal-quċċata jew jitilgħu b'cablecar.[3]

Fost it-teżori tas-santwarju hemm il-Heike Nōkyō, jew “Sutri ddedikati lill-familja tat-Taira”. Dawn jikkonsisti fi 32 skroll, li fuqhom ġew ikkopjati s-sutri tal-Lotus, tal-Amida, u tal-Qalb minn Kiyomori, mis-subien tiegħu, u minn membri oħra tal-familja, li lkoll ikkompletaw il-kitba ta' skroll wieħed u ddekorawh bil-fidda, bid-deheb u bil-madreperla".[3]

Oriġinarjament is-Santwarju ta' Itsukushima kien santwarju pur tax-Xintù "fejn it-tniġġis mit-twelid jew mill-mewt ma kienx permess. Peress li l-gżira stess kienet meqjusa sagra, iċ-ċittadini komuni ma kinux jitħallew jirfsu fuq l-art tul il-biċċa l-kbira tal-istorja tagħha sabiex il-purezza tagħha tinżamm. Iż-żamma tal-purezza tas-santwarju tant hija importanti li mill-1878, l-ebda twelid jew mewt mhuwa permess qribu.[12] Sa llum il-ġurnata, in-nisa tqal suppost jitilqu mill-gżira kif joqrob jum il-ħlas, u l-istess japplika għal dawk li jkollhom mard terminali jew dawk li jkunu anzjani ħafna u li jistgħu jmutu minn mument għall-ieħor. Id-dfin fuq il-gżira huwa pprojbit. Sabiex il-pellegrini jaslu għas-santwarju, is-santwarju nbena qisu moll fuq l-ilma, sabiex jidher qisu qiegħed f'wiċċ l-ilma, isseparat mill-art. Il-portal aħmar tad-daħla jew torii inbena fuq l-ilma għall-istess raġuni. Iċ-ċittadini komuni kellhom jidderieġu d-dgħajjes tagħhom minn ġol-portal qabel ma joqorbu lejn is-santwarju.[13]

Arkitettura

immodifika
 
Il-haiden tas-Santwarju ta' Itsukushima

Il-Ġappun għamel ħiltu kollha matul l-istorja biex jippreserva l-arkitettura tas-santwarju tas-seklu 12. Is-santwarju ġie ddisinjat u nbena skont l-istil Shinden-zukuri, u ġie mgħammar bi strutturi qishom moll mal-bajja ta' Matsushima sabiex tinħoloq l-illużjoni li qiegħed fuq wiċċ l-ilma, isseparat mill-gżira, li persuna devota setgħet tasal għalih "bħallikieku kien palazz fuq il-baħar".[7] Din l-idea tar-rabta bejn l-arkitettura u n-natura tirrifletti xejra popolari matul is-seklu 16 kif ukoll matul il-perjodu Heian fejn l-istrutturi Ġappuniżi donnhom kienu "isegwu l-ambjent ta' madwarhom", u spiss is-siġar, l-ilma u forom oħra ta' sbuħija naturali kienu jitħallew ikunu parti mid-dekorazzjoni tad-djar u tal-binjiet. Dan wassal għal relazzjoni ferm iktar intima bejn l-arkitettura u n-natura.[8]

L-iktar karatteristika rikonoxxibbli u famuża tas-Santwarju ta' Itsukushima hija l-portal jew it-torii l-aħmar għoli ħamsin pied, li nbena bl-injam tal-ganfra li huwa reżistenti għat-taħsir.[3] It-tqegħid ta' travu addizzjonali quddiem u wara kull pilastru prinċipali jidentifika t-torii bħala portal li jirrifletti l-istil tax-Xintù Ryōbu (Xintù doppju), skola Medjevali tal-Buddiżmu Ġappuniż esoteriku assoċjata mas-Setta ta' Shingon. It-torii jidher qisu qiegħed fuq wiċċ l-ilma meta l-marea tkun għolja biss. Meta l-marea tkun baxxa, wieħed jista' jasal ħdejn il-portal biss bil-mixi mill-gżira. Billejl, il-portal jiġi mixgħul b'dawl qawwi mix-xatt li jdawwal it-torii. Għalkemm il-portal ilu jeżisti fl-istess post mill-1168, it-torii attwali tmur lura biss għall-1875.[3]

 
Il-pagoda b'ħames saffi tas-Santwarju ta' Itsukushima

L-arkitettura tax-Xintù għandha ħafna partijiet distinti, u l-biċċa l-kbira minnhom jinkludu l-honden (is-sala prinċipali) tas-santwarju u l-haiden (l-oratorju prinċipali) twila mhux tas-soltu, kif ukoll il-heiden (is-sala tal-offerti) twila ndaqs. Il-honden "hija struttura bi tmien kompartimenti fuq naħa u b'erba' kompartimenti fuq oħra, b'saqaf kirizuma msaqqaf fil-wiċċ bil-qoxra taċ-ċipress".[3] Il-ħitan tal-istruttura huma mżejna bi stukko abjad; dawn inbnew permezz ta' proċess li kien jirrikjedi 15-il passata ta' stukko abjad flimkien ma' xogħol tal-injam bl-aħmar.[3]

Mill-ġnub tal-haraiden tas-santwarju prinċipali joħroġ palk tan-no li jmur lura għall-1590.[1] L-ispettakli tat-teatru no ilhom żmien jintużaw biex jagħtu ġieħ lill-allat permezz tar-reċtar ritwali ta' avvenimenti ewlenin tal-ġrajjiet tax-Xintù.

Fil-5 ta' Settembru 2004, is-santwarju ġarrab ħsarat estensivi mit-tifun Songda. Parti mill-istrutturi qishom mollijiet u mis-saqaf inqerdu, u s-santwarju ngħalaq temporanjament sabiex isiru t-tiswijiet.[14]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Santwarju ta' Itsukushima ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

 
Is-Santwarju ta' Itsukushima fil-marea baxxa

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Nussbaum, Louis-Frédéric (2005). "Itsukushima-jinja" in Japan Encyclopedia, p. 407.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Itsukushima Shinto Shrine". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-05.
  3. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ i ie Cali, Joseph; Dougill, John; Ciotti, Geoff (2013). Shinto Shrines: A Guide to the Sacred Sites of Japan's Ancient Religion. University of Hawai'i Press. ISBN 9780824837136.
  4. ^ a b Ramsar. "Ramsar and World Heritage Conventions: Converging towards success - Case study: Itsukushima Shinto Shrine, Japan" (PDF).
  5. ^ "Major renovations and constructions". www.japan-guide.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-05.
  6. ^ "Nationwide List of Ichinomiya, p. 3" (PDF). web.archive.org. 2013-05-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-17. Miġbur 2021-09-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ a b ċ d e Sadler, A.L. (2009). A Short History of Japanese Architecture.
  8. ^ a b Calza, Gian Carlo (2002). Japan Style. Phaidon. p. 190. ISBN 978-1100744452.
  9. ^ a b Shively, Donald H. (1999). The Cambridge History of Japan, Volume 2: Heian Japan. Cambridge University Press. p. 635.
  10. ^ a b ċ Blair, Heather (2013). "Rites and Rule: Kiyomori at Itsukushima and Fukuhara". Harvard Journal of Asiatic Studies. 73 (1): 1–42. ISSN 0073-0548.
  11. ^ Sansom, George (1958). A History of Japan to 1334. Stanford University Press. p. 276. ISBN 978-0804705233.
  12. ^ "ITSUKUSHIMA". web.archive.org. 2012-06-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-06-09. Miġbur 2021-09-06.
  13. ^ Turner, Victor W. (1969). The Ritual Process: Structure and Anti-structure. Chicago: Aldine Pub. ISBN 9780202010434.
  14. ^ "Japan lashed by Typhoon Songda" (bl-Ingliż). 2004-09-08. Miġbur 2021-09-06.