Santwarji tal-Għasafar tal-Passa tul il-Kosta tal-Baħar Isfar u l-Golf ta' Bohai

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina

Is-Santwarji tal-Għasafar tal-Passa tul il-Kosta tal-Baħar Isfar u l-Golf ta' Bohai huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina u tniżżlu fil-lista fl-2019. Jinkludu sistema ta' pjanura mtajna intermareali li titqies bħala l-ikbar ta' din ix-xorta fid-dinja. Dawn l-artijiet imtajna tul il-Kosta tal-Baħar Isfar u l-Golf ta' Bohai, huma produttivi ferm u jservu bħala żoni għat-tkabbir ta' bosta speċijiet ta' ħut u ta' krustaċji. Iż-żoni intermareali tal-Baħar Isfar u tal-Golf ta' Bohai huma ta' importanza globali għaliex fihom jinġemgħu diversi speċijiet ta' għasafar tal-passa li jużaw ir-rotta tal-passa bejn il-Lvant tal-Asja u l-Awstralja. Diversi għasafar tal-passa, fosthom uħud mill-iżjed speċijiet ta' għasafar mhedda fid-dinja, jużaw il-kosta bħala post ta' mistrieħ fix-xitwa u matul il-passa tagħhom jew biex ibejtu hemmhekk.

Żewġ paletti fis-santwarji tal-għasafar tal-passa tul il-kosta tal-Baħar l-Isfar u l-Golf ta' Bohai.

Deskrizzjoni

immodifika

[[Datei:UNESCO_Coast_of_Yellow_Sea-Bohai_Gulf_of_China_Phase_I.svg|ħolqa=https://de.wikipedia.org/wiki/Datei:UNESCO_Coast_of_Yellow_Sea-Bohai_Gulf_of_China_Phase_I.svg%7Cdaqsminuri%7C250x250px%7CMappa tas-sit fil-Provinċja ta' Jiangsu: is-santwarji bil-kannella u ż-żoni ta' lqugħ bl-aħdar.]] Fis-Santwarji tal-Għasafar tal-Passa tul il-Kosta tal-Baħar Isfar u l-Golf ta' Bohai jgħixu 400 speċi ta' għasafar, l-iktar tal-passa, f'kwantità stmata li taqbeż il-50 miljun eżemplar. L-għasafar, meta jpassu, jgħaddu minn 22 pajjiż fiż-żewġ emisferi terrestri. Din iż-żona tospita bosta siti li jagħmlu parti mill-Konvenzjoni Ramsar. L-erja kollha tas-sit tkopri 188.643 ettaru, b'żewġ żoni ta' lqugħ ta' 80.056 ettaru bejn il-Baħar l-Isfar u l-Golf ta' Bohai. Iż-żewġ komponenti prinċipali tas-sit huma r-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Dafeng u r-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Yancheng.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Santwarji tal-Għasafar tal-Passa tul il-Kosta tal-Baħar Isfar u l-Golf ta' Bohai ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni". Fis-sit jgħixu 680 speċi ta' vertebrati, fosthom 415-il speċi ta' għasafar, 26 speċi ta' mammiferi, 9 speċijiet ta' anfibji, 14-il speċi ta' rettili, 216-il speċi ta' ħut u 165 speċi ta' benthos.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Migratory Bird Sanctuaries along the Coast of Yellow Sea-Bohai Gulf of China". UNESCO.