Porta Nigra

daħla Rumana tal-belt ta' Trier, il-Ġermanja

Il-Porta Nigra (li bil-Latin tfisser letteralment "bieb iswed" jew "daħla sewda") hija daħla Rumana fil-belt ta' Trier, il-Ġermanja. Illum il-ġurnata hija l-ikbar daħla Rumana fit-Tramuntana tal-Alpi. Hi waħda mid-disa' komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu Monumenti Rumani, il-Katidral ta' San Pietru u l-Knisja tal-Madonna fi Trier.[1]

Porta Nigra

L-isem Porta Nigra oriġina fil-Medju Evu minħabba l-kulur skur tal-ġebla tagħha; l-isem Ruman oriġinali ma ġiex ippreservat. In-nies tal-post ġieli jirreferu għad-daħla sempliċementi bħala Porta.

Żmien ir-Rumani

immodifika
 
Mudell tal-Porta Nigra fi żmien ir-Rumani (għall-ħabta tal-400 W.K.)

Il-Porta Nigra nbniet bil-blat ramli griż wara l-170 W.K.[2][3] Id-daħla oriġinali kienet tikkonsisti minn żewġ torrijiet ta' erba' sulari pprojettati b'għamla kważi semiċirkolari fuq in-naħa ta' barra. Spazju dejjaq kien jissepara ż-żewġ fetħiet tad-daħla fuq iż-żewġ naħat. Madankollu, għal raġunijiet mhux magħrufa, il-kostruzzjoni tad-daħla baqgħet qatt ma tlestiet. Pereżempju, il-ġebliet tan-naħa ta' barra (tat-Tramuntana) tad-daħla qatt ma ġew irfinuti, u l-ġebliet ħerġin 'il barra tad-daħla kienu jagħmluha impossibbli li jiġu installati xatbiet tal-aċċess li setgħu jittellgħu u jitniżżlu. Minkejja dan, id-daħla ntużat bħala daħla tal-belt għal sekli sħaħ sal-aħħar ta' żmien ir-Rumani fi Trier.

Fi żmien ir-Rumani, il-Porta Nigra kienet parti minn sistema ta' erba' daħliet tal-belt, li kienu jinsabu fuq kull naħa tal-belt Rumana li kienet bejn wieħed u ieħor rettangolari. Kienet tħares id-daħla tat-Tramuntana tal-belt Rumana, filwaqt li l-Porta Alba (Daħla Bajda) inbniet fil-Lvant, il-Porta Media (Daħla Medja) inbniet fin-Nofsinhar, u l-Porta Inclyta (Daħla Famuża) inbniet fil-Punent, ħdejn il-pont Ruman min-naħa għall-oħra tax-xmara Moselle. Id-daħliet kienu jinsabu fit-truf taż-żewġ toroq prinċipali tal-belt Rumana ta' Trier, waħda li kienet fuq assi Tramuntana-Nofsinhar u l-oħra fuq assi Lvant-Punent. Minn dawn l-erba' daħliet, l-unika waħda li baqgħet teżisti hija l-Porta Nigra.[1]

Medju Evu

immodifika
 
In-naħa ta' wara tal-Porta Nigra

Fil-Medju Evu bikri, id-daħliet Rumani tal-belt ma baqgħux jintużaw iktar għall-funzjoni oriġinali tagħhom u minnhom ittieħdu xi ġebliet li reġgħu ntużaw għal binjiet oħra. Barra minn hekk, anke l-biċċiet tal-ħadid u taċ-ċomb tkissru mill-ħitan tal-Porta Nigra biex jerġgħu jintużaw f'binjiet oħra. Traċċi ta' din il-qerda għadhom viżibbli b'mod ċar fuq in-naħa tat-Tramuntana tad-daħla.[1]

Wara l-1028, il-patri Grieg Xmun għex bħala eremita fil-fdalijiet tal-Porta Nigra. Wara mewtu fl-1035 u wara li sar qaddis, il-monasteru ta' Simeonstift inbena ħdejn il-Porta Nigra biex jingħata ġieħ.

 
L-apsida tal-Porta Nigra

Sabiex tiġi salvata minn iktar qerda, il-Porta Nigra ġiet ittrasformata f'żewġ knejjes sovraimposti b'konfigurazzjoni identika. Il-knisja ta' fuq kienet aċċessibbli għall-patrijiet u l-knisja t'isfel kienet miftuħa għall-pubbliku ġenerali.

In-navati tal-knisja nħolqu bl-estensjoni tal-ewwel u tat-tieni sulari fuq il-bitħa interna. Apsida nbniet mat-torri tal-Lvant. Sulari addizzjonali u spira ġew miżjuda mat-torri tal-Punent. Is-sular ta' fuq tat-torri tal-Lvant tneħħa, u nbena sular ġdid b'luċernarju fuq in-navata, it-torri tal-Lvant u l-apsida. It-twieqi tat-torri tal-Punent tkabbru u saru daħliet li għadhom viżibbli sa llum ill-ġurnata.

Il-pjan terran b'daħliet kbar indifen f'terrazza, u nbena taraġ kbir fuq in-naħa tan-Nofsinhar (in-naħa tal-belt) li jwassal tal-knisja t'isfel. Taraġ żgħir kien iwassal sal-knisja ta' fuq.

Daħla addizzjonali (id-Daħla ferm iżgħar ta' Xmun) inbniet maġenb in-naħa tal-Lvant tal-Porta Nigra u ntużat bħala daħla tal-belt fil-Medju Evu.[3]

Era moderna

immodifika
 
Il-Porta Nigra (dak iż-żmien magħrufa wkoll bħala l-Porta Martis) fl-1670

Fl-1802, Napuljun Bonaparte xolja l-knisja fil-Porta Nigra u l-monasteru maġenbha, flimkien mal-maġġoranza l-kbira tal-bosta knejjes u monasteri ta' Trier. Wara ż-żjara tiegħu fi Trier fl-1804, Napuljun ordna li l-Porta Nigra terġa' tiġi kkonvertita għall-għamla Rumana tagħha. Is-sular tal-luċernarju u t-torri tal-knisja tneħħew, u l-bitħa interna reġgħet ġiet stabbilita. Madankollu, l-apsida ġiet ippreservata f'forma maqtugħa, u t-torri tal-Lvant ma reġax inbena sal-għoli oriġinali tiegħu. It-terrazza madwar il-pjan terran tneħħiet ukoll.

Skont leġġenda lokali, jingħad li Napuljun oriġinarjament ried iżarma l-knisja għalkollox, iżda n-nies tal-post ikkonvinċewh li l-knisja effettivament kienet sala tal-festi tal-Galliċi qabel ma kienet ġiet ikkonvertita f'knisja. Verżjoni oħra tal-ġrajja tgħid li qalulu dwar l-oriġini Rumana tagħha, u pperswadewh jerġa' jikkonvertiha għall-għamla oriġinali tagħha.

Fl-1986, il-Porta Nigra ġiet iddeżinjata bħala wieħed minn disa' komponenti ta' Sit ta' Wirt Dinji fil-Ġermanja flimkien ma' monumenti Rumani oħra fi Trier.[1]

Porta Nigra llum

immodifika
 
Il-bitħa interna tal-Porta Nigra

Id-dehra moderna tal-Porta Nigra tmur lura kważi kif inhi għar-rikostruzzjoni ordnata minn Napuljun. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Porta Nigra, hemm fdalijiet ta' kolonni Rumani li jibqgħu sejrin f'qisha linja fl-aħħar 100 metru tat-triq li twassal sad-daħla. Ippożizzjonati fejn kienu fi żmien ir-Rumani, dawn jagħtu ftit l-impressjoni tad-dehra tat-triq Rumana oriġinali li kienet kollha kolonni. Barra minn hekk, id-daħla għandha gwarniċ tas-saqaf u parapett fuq nett.

Illum il-ġurnata, l-aċċess għad-daħla huwa magħluq għall-karozzi, iżda tinsab maġenb waħda mit-toroq ewlenin ta' Trier. Minbarra t-tniġġis ġenerali, id-dħaħen tal-egżost tal-karozzi ilhom jagħmlu ħsara lill-ġebel tal-Porta Nigra għal deċennji. Madankollu, b'mod ġenerali, il-Porta Nigra għadha f'kundizzjoni notevoli.

Il-Porta Nigra, inkluż is-sulari ta' fuq tagħha, hija miftuħa għall-viżitaturi. Fis-sajf, jiġu offruti wkoll żjarat iggwidati minn attur li jilbes taparsi ċenturjun Ruman bl-armatura.

New Trier Township f'Cook County, Illinois, l-Istati Uniti, hija msemmija għal Trier fil-Ġermanja, u fl-emblema tan-New Trier Township High School tidher il-Porta Nigra.[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Roman Monuments, Cathedral of St Peter and Church of Our Lady in Trier". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-18.
  2. ^ Allihn, Karen; Trier. "Römisches Stadttor in Trier: So alt ist die Porta Nigra wirklich" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-03-18.
  3. ^ a b Welle (www.dw.com), Deutsche. "Largest Roman city gate north of the Alps finally dated | DW | 12.01.2018". DW.COM (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-18.
  4. ^ "THE MAKING OF `ONE GREAT SCHOOL'". Chicago Tribune (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-18.