Pont ta' Vizcaya

pont trasportatur fil-Grigal ta' Spanja

Il-Pont ta' Vizcaya (bil-Bask: Bizkaiko Zubia, bl-Ispanjol: Puente de Vizcaya) huwa pont trasportatur li jikkollega l-irħula ta' Portugalete u Las Arenas (parti minn Getxo) fil-provinċja ta' Biskajja ta' Spanja, min-naħa għall-oħra tal-bokka tax-xmara Nervion.

Il-Pont ta' Vizcaya

In-nies tal-post (u saħansitra fis-sit web uffiċjali) spiss isejħulu Puente Colgante (litteralment "pont imdendel", li tirreferi għal "pont sospiż" bl-Ispanjol), għalkemm l-istruttura tiegħu hija kemxejn differenti minn pont sospiż.[1]

Il-Pont ta' Vizcaya nbena biex jikkollega ż-żewġ xtut fil-bokka tax-xmara Nervion. Huwa l-eqdem pont trasportatur fid-dinja u nbena fl-1893, skont id-disinn ta' Alberto Palacio, wieħed mid-dixxipli ta' Gustave Eiffel. L-inġinier Ferdinand Joseph Arnodin kien fit-tmun tal-kostruzzjoni, u l-finanzjatur prinċipali tal-proġett kien Santos Lopez de Letona. Kien is-soluzzjoni mogħtija mill-inġinier għall-problema ta' nuqqas ta' kollegament bejn l-irħula ta' Portugalete u Getxo mingħajr ma jiġi mfixkel it-traffiku marittimu tal-Port ta' Bilbao u mingħajr ma jkun hemm għalfejn tinbena struttura enormi b'rampi twal. Palacio ried jiddisinja pont li seta' jittrasporta lill-passiġġieri u l-merkanzija, u li kien iħalli l-vapuri jgħaddu bla xkiel. Il-pont trasportatur ta' Palacio kien adegwat u seta' jinbena għal prezz raġonevoli.[2]

Is-servizz ġie interrott darba biss, għal erba' snin, matul il-Gwerra Ċivili Spanjola, meta s-sezzjoni ta' fuq ġiet sploduta. Mid-dar tiegħu f'Portugalete, Palacio ra l-kapulavur tiegħu parzjalment meqrud ftit qabel ma miet hu stess.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta minn fuq il-Pont ta' Vizcaya

Fit-13 ta' Lulju 2006, il-Pont ta' Vizcaya ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Fi Spanja, il-pont trasportatur huwa l-uniku monument fil-kategorija tal-wirt industrijali. L-UNESCO tqis li l-pont iħaddan fih b'mod perfett is-sbuħija u l-funzjonalità. Kien l-ewwel pont li biex inbena ntużaw kemm it-teknoloġija tal-ħadid kif ukoll kejbils tal-azzar ġodda, li wittew it-triq għal mod ġdid kif jinbnew il-pontijiet li iktar 'il quddiem ġie imitat fid-dinja kollha.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem" u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[3]

Tħaddim

immodifika
 
Il-gondola tal-pont trasportatur

Il-pont, li għadu jintuża sa llum, huwa twil 164 metru, u l-gondola tiegħu tista' tittrasporta sa sitt karozzi u diversi tużżani ta' passiġġieri f'minuta u nofs.

Il-pont jitħaddem kull tmien minuti binhar u darba fis-siegħa billejl, is-sena kollha, b'tariffi differenti għas-servizzi binhar u billejl, u huwa integrat fis-sistema tal-kard Barik. Huwa stmat li kull sena erba' miljun passiġġier u nofs miljun vettura jużaw il-pont.[4]

Ġew installati żewġ liftijiet ġodda għall-viżitaturi fi ħdan il-pilastri tal-pont li huma għoljin 50 metru. Dawn jippermettu li wieħed jimxi minn fuq il-pjattaforma tal-pont, u wieħed jista' wkoll igawdi veduta mill-isbaħ tal-port u tal-bajja ta' Abra.[2]

Arkitettura

immodifika

L-istruttura hija magħmula minn erba' torrijiet għoljin 61 metru li huma l-pilastri weqfin fuq ix-xtut tax-xmara. It-torrijiet jinżammu minn kejbils tal-ħadid marbuta mat-travu trasversali u huma paralleli max-xmara, kif ukoll minn kejbils li jsegwu l-linja tal-pont sa ġol-għolja ta' warajh (fuq in-naħa ta' Portugalete) u ġol-art (fuq in-naħa ta' Las Arenas). It-travu trasversali ta' fuq mimdud orizzontalment, iserraħ bejn iż-żewġ torrijiet fuq 70 kejbil ta' sospensjoni. Dawn jgħinu wkoll biex jirfdu ammont kbir ta' piż fil-mensuli biex il-piż jiġi bbilanċjat. Il-gondola hija twila 25 metru u tittrasporta l-vetturi mdendla ma' qafas li jimxi permezz ta' 36 rota. B'hekk il-gondola tiċċaqlaq tul it-travu trasversali orizzontali min-naħa għall-oħra.[2]

Kostruzzjoni

immodifika

L-istruttura hija għolja 45 metru u twila 160 metru. Fid-disinn finali ġie deċiż li jintużaw żewġ riffieda orizzontali biex jirfdu aħjar il-binarji li fuqhom jiċċaqilqu r-roti, u dawn min-naħa l-oħra huma mirfuda minn erba' pilastri weqfin fuq erba' torrijiet li jinsabu fuq iż-żewġ xtut tax-xmara. Il-pont trasportatur huwa magħmul mill-ħadid. Il-biċċa l-kbira tal-ħadid ġie estratt mill-minjieri ta' Vizcaya, li dak iż-żmien kien għen biex jagħti spinta lix-xogħol tal-minjieri u lill-industrija tat-trasport marittimu. Għalhekk, il-Pont ta' Vizcaya jirrappreżenta wkoll it-tkabbir u t-trijonf ta' era ġdida.[5]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Puente Colgante". web.archive.org. 2007-02-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-02-11. Miġbur 2022-02-19.
  2. ^ a b ċ "Portugalete Transporter Bridge (Portugalete/Getxo, 1893)". Structurae (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Vizcaya Bridge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  4. ^ Vasco, Eusko Jaurlaritza-Gobierno. "The Official Tourism Website of the Basque Country". The Official Tourism Website of The Basque Country | Tourism Euskadi (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  5. ^ Martínez, Joaquín Cárcamo (2012-01-01). "Puente Vizcaya / Vizcaya zubia. Portugalete (Bizkaia)". En: Euskadiko Industria Ondarea - Patrimonio Industrial en el País Vasco, EKOB 6.