Park Nazzjonali tal-Lag tal-Malawi
Il-Park Nazzjonali tal-Lag tal-Malawi huwa park nazzjonali fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Lag tal-Malawi fil-Malawi, fix-Xlokk tal-Afrika. Huwa l-uniku park nazzjonali fil-Malawi li nħoloq bl-iskop li jiġu protetti l-ħabitats tal-ħut u tal-organiżmi akkwatiċi. Minkejja li dan huwa l-iskop prinċipali tiegħu, il-Park Nazzjonali tal-Lag tal-Malawi fih ukoll ammont mhux ħażin ta' art, inkluż l-art kontinentali, ix-xatt u diversi gżejjer żgħar tal-blat fil-Lag tal-Malawi.
Il-Park Nazzjonali tal-Lag tal-Malawi tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984 peress li huwa ta' "importanza globali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, b'mod partikolari minħabba d-diversità ta' ħut tiegħu".[1] Din id-diversità ta' ħut hija notevoli minħabba l-imbuna, tip ta' ħut lokali li huwa eżempju straordinarju tal-evoluzzjoni fis-seħħ. Karatteristiċi oħra tal-park jinkludu s-sbuħija naturali straordinarja tal-inħawi, bil-pajsaġġ tal-blat tal-park li jagħmel kuntrast mal-ilmijiet ċari tal-lag.
Deskrizzjoni
immodifikaIl-Lag tal-Malawi jinsab fil-Wied tal-Fondoq il-Kbir. Il-lag jinsab 500 metru (1,640 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u b'fond ta' 700 metru (2,300 pied) f'xi postijiet, huwa wieħed mill-iżjed lagi fondi fid-dinja.[2] Il-Park Nazzjonali tal-Lag tal-Malawi jikkonsisti f'madwar 95 km2 (37 mil kwadru) ta' art u ilma fin-naħa tan-Nofsinhar tal-lag. Il-park jinkludi l-biċċa l-kbira tal-Peniżola ta' Nankumbu, art kontinentali muntanjuża lejn it-Tramuntana tal-lag li tintemm fil-Kap ta' Maclear, l-inħawi tal-madwar tal-ilma (iż-żona akkwatika tal-park hija estiża għal 100 metru (330 pied) biss mix-xatt tal-lag u tkopri 0.02 % biss tal-erja totali tal-lag), l-Għoljiet ta' Mwenya, l-Għoljiet ta' Nkhudzi, l-Istmu ta' Nkhudzi, u 13-il gżira: Otter, Domwe, Thumbi tal-Punent, Mumbo, Zimbabwe, Thumbi tal-Lvant, Mpanda, Boadzulu, il-Blata ta' Chinyankhwazi, il-Blata ta' Chinyamwezi, Nankoma, Maleri, u Nakantenga. Il-peniżola titla' b'mod wieqaf mix-xatt sal-Quċċata ta' Nkhunguni b'għoli ta' 1,143 metru (3,750 pied) fil-Punent u sal-Quċċata ta' Dzimwe b'għoli ta' 963 metru (3,160 pied) fil-Lvant. Ix-xaqlibiet huma miksija b'foresti densi. Hemm ftit abitanti fil-parti muntanjuża tal-peniżola, iżda hemm diversi villaġġi tas-sajjieda fil-partijiet iktar watja tax-xatt, u l-ikbar wieħed fosthom huwa dak ta' Chembe, qrib il-Kap ta' Maclear. Dawn il-villaġġi jinsabu fi ħdan il-park iżda ma jagħmlux parti minnu.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Nazzjonali tal-Lag tal-Malawi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali" bis-saħħa tas-sbuħija naturali tal-lag fi ħdan il-Wied tal-Fondoq il-Kbir; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar" minħabba l-importanza tal-lag fid-dawl tar-radjazzjoni adattiva u l-adattament tal-ispeċijiet tal-ħut lokali li jammontaw għal iktar minn 350 speċi fil-park, kważi kollha kemm huma endemiċi; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni" fid-dawl tal-importanza globali tal-park għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, kemm għall-popolazzjonijiet ta' ħut tal-ilma ħelu tiegħu (x'aktarx xi 1,000 speċi) kif ukoll għall-varjetà ta' annimali oħra, inkluż għasafar, mammiferi u rettili.[1]
Fawna
immodifikaIl-Lag tal-Malawi fforma diversi miljuni ta' snin ilu, u l-livell tal-ilma varja ferm tul il-millenji.[4] Dan wassal biex għadd ta' niċeċ differenti jkunu disponibbli għaċ-ċiklidi (ħut magħruf lokalment bħala mbuna) u għal ħut ieħor li jgħix hemmhekk, li adatta għal ħabitats differenti u adottaw stili ta' għajxien differenti bħala parti minn radjazzjoni evoluzzjonarja simili għall-adattament tal-isponsuni li Charles Darwin osserva fil-Gżejjer Galápagos. Saru diversi stimi dwar kemm-il speċi ta' ċiklidi hemm fil-Lag tal-Malawi. Kważi l-ispeċijiet kollha huma endemiċi, u wħud jgħixu f'irqajja' żgħar: xi bajja, xi gżejra tal-blat jew ftit mijiet ta' metri tul il-kosta. Hemm bosta li x'aktarx mhumiex magħrufin u għadhom iridu jiġu skoperti u deskritti.[5]
Il-park fih ukoll mammiferi, fosthom il-babwini chacma, ix-xadini vervet, l-ippopotami, il-leopardi, id-duikers komuni, il-bushbucks, il-kudus il-kbar, u l-klipspringers. Barra minn hekk, hemm ukoll kukkudrilli, ajkla Afrikani wikkiela tal-ħut, u marguni ta' sidirhom abjad, għasafar ta' San Martin, buċerotidi, buqrajq, spanjuletti, qerd in-naħal b'denb ta' ħuttafa, u bosta speċijiet oħra ta' għasafar.[6]
Storja
immodifikaDr. David Livingstone kien l-ewwel Ewropew li ra l-Lag ta' Nyassa, kif kien imsejjaħ fl-1859, u sal-1875 il-Knisja Presbitera Skoċċiża kienet stabbilit missjoni fil-Kap ta' Maclear. Siġra kbira tal-baobab, li huwa maħsub li għandha iktar minn 800 sena, jingħad li kienet għall-qalb Livingstone bħala post fejn kien jipprietka u jitkellem ma' missjunarji oħra. L-oqbra ta' ħames missjunarji bikrin jinsabu fil-park ukoll.[7]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Lake Malawi National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-02.
- ^ Philip's (1994). Atlas of the World. Reed International. pp. 106-107. ISBN 0-540-05831-9.
- ^ Philip Briggs (2016). Malawi. Bradt Travel Guides. pp. 133–145. ISBN 978-1-78477-014-3.
- ^ Delvaux, D. (1995). "Age of Lake Malawi (Nyasa) and water level fluctuations". Mus R Afr Centr Tervuren (Belg) Dept Geol Min Rapp: 99–108.
- ^ Turner, G.F.; Seehausen, O.; Knight, M.E.; Allender, C.J.; Robinson, R.L. (2001). "How many species of cichlid fishes are there in African lakes?". Molecular Ecology. 10 (3): 793–806.
- ^ Riley, Laura; Riley, William (2005). Nature's Strongholds: The World's Great Wildlife Reserves. Princeton University Press. p. 656. ISBN 0-691-12219-9.
- ^ Williams, Lizzie (2005). Africa Overland. Struik. p. 135. ISBN 978-1-77007-187-2.