Park Nazzjonali ta' Nahanni

park nazzjonali fil-Kanada

Il-Park Nazzjonali ta' Nahanni, magħruf ukoll bħala r-Riżerva tal-Park Nazzjonali ta' Nahanni, fir-Reġjun ta' Dehcho tat-Territorji tal-Majjistral, il-Kanada, madwar 500 kilometru (311-il mil) fil-Punent ta' Yellowknife, jipproteġi parti mir-Reġjun Naturali tal-Muntanji Mackenzie. L-attrazzjoni ċentrali tal-park hija x-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni (Naha Dehé). Madwar din ix-xmara hemm erba' kanjons notevoli li jlaħħqu fond ta' 1,000 metru (3,300 pied), magħrufa bħala l-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet u r-Raba' Kanjon.[1] L-isem "Nahanni" ġej mil-lingwa tal-poplu indiġenu Dene tal-inħawi: Nahʔa Dehé, li tfisser "xmara tal-art tal-poplu Nahʔa".[2] Il-park kien fost l-ewwel erba' siti ta' wirt naturali fid-dinja li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978 minħabba x-xmajjar, il-kanjons u l-kaskati pittoreski tiegħu.[3][4]

Il-Kaskati ta' Virginia fil-Park Nazzjonali ta' Nahanni.
 
Tumbata tat-tufa fil-Park Nazzjonali ta' Nahanni.

Hemm diversi formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti fil-park li damu miljuni ta' snin biex iffurmaw u biex tawh diversità unika li ma teżisti fl-ebda park nazzjonali ieħor fil-Kanada. Is-sedimenti li tħallew minn baħar intern tal-qedem 500-200 miljun sena ilu maż-żmien ġew ikkumpressati f'saffi tal-blat. Dawn is-saffi ġew stabbiliti f'fond ta' madwar 6 kilometri (3.7 mili) u huma mimlijin fossili u fdalijiet ta' dak il-baħar intern antik tal-qedem. Qalb iċ-ċaqliq tal-blat kontinentali, il-plakek tal-Amerka ta' Fuq u tal-Paċifiku ħabtu ma' xulxin, u l-qawwa ta' dan l-avveniment imbotta s-saffi tal-blat 'il fuq. L-irdumijiet tal-blat tgħawġu u nkisru, u ħallew warajhom il-ktajjen muntanjużi li naraw illum il-ġurnata. Din l-istess azzjoni kkawżat ukoll attività vulkanika, u wasslet biex il-magma jasal fil-blat sedimentarju iżda weħlet hemm. Filwaqt li ma hemm l-ebda vulkan fil-park, torrijiet ta' blat imsaħħan imsejħa batoliti ignej intbagħtu 'l fuq, u magħhom imbottaw is-sedimenti iktar 'il fuq. Is-saff tal-quċċata tal-blat sedimentarju eventwalment ittiekel, u dan irriżulta fit-torrijiet tal-granit li jiffurmaw il-Katina Muntanjuża Ppuntata.[5]

Matul l-aħħar 2 miljun sena, il-glaċieri ksew il-biċċa l-kbira tal-Amerka ta' Fuq, u ħolqu ħafna mill-formazzjonijiet ġeoloġiċi li naraw illum il-ġurnata. Filwaqt li eri glaċjali preċendenti affettwaw l-inħawi tal-park, l-iżjed waħda reċenti, l-era glaċjali ta' Wisconsin (85,000-10,000 sena ilu), affettwat il-partijiet l-iktar fil-Punent u fil-Lvant tal-park. Din wassal biex bosta karatteristiċi ġeoloġiċi fil-park kellhom iktar żmien biex jiżviluppaw mill-biċċa l-kbira tal-Amerka ta' Fuq.[6]

Il-karatteristika ċentrali tal-park hija x-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni li tnixxi tul il-park kollu; tibda qrib Moose Ponds u tispiċċa meta tiltaqa' max-xmara Liard qrib Nahanni Butte. Ix-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni hija eżempju rari ta' xmara anteċedenti. Il-muntanji spuntaw bil-mod il-mod, u x-xmara kienet qawwija biżżejjed, biex tul l-istorja tagħha żammet l-istess tnixxija, u b'hekk bejn wieħed u ieħor għadha tgħaddi mill-istess rotta kif kienet tagħmel qabel ma spuntaw il-muntanji. Ma' kull darba li sserrep, tnaqqax il-kanjons li jserrpu magħha. Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jżuru biss il-partijiet mill-Kaskati ta' Virginia (Nailicho) 'l isfel.

Hemm erba' kanjons prinċipali tul ix-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni li l-esploraturi ddistingwew bejniethom b'numri huma u jivvjaġġaw 'il fuq tul ix-xmara. Ir-raba' kanjon, magħruf ukoll bħala l-Kanjon Impitter jew il-Kanjon tal-Ħames Mili minħabba tulu, jibda bil-Kaskata ta' Virginia, u nħoloq bl-azzjoni tal-kaskati li kielu l-ġebla tal-ġir ta' madwar ix-xmara, u baqa' sejjer iktar 'il fuq. It-tielet kanjon jinsab qalb il-Katina Muntanjuża tal-Funeral u huwa twil madwar 40 kilometru (25 mil). Peress li l-ħitan tiegħu huma magħmula minn strati ta' shale, ġebel ramli u ġebla tal-ġir, dan il-kanjon għandu xaqlibiet twal minflok weqfin u ċatti bħall-kanjons iktar 'l isfel. Big Bend huwa l-punt fejn ix-xmara tagħmel dawra ta' 45 grad u jimmarka t-tmiem tat-Tielet Kanjon u l-bidu tat-Tieni Kanjon. Huwa twil 15-il kilometru (9.3 mili) u jinsab qalb il-Katina Muntanjuża ta' Bla Ras. L-aħħar kanjon jitqies li huwa l-isbaħ. L-Ewwel Kanjon jibda wara l-Wied l-Irġiel Mejtin u għandu l-iżjed ħitan għoljin u vertikali, maqtugħin fil-ġebla tal-ġir reżistenti. Jintemm qrib il-Fawwariet Termali ta' Kraus, u b'hekk huwa twil madwar 30 kilometru (19-il mil). Wara dan il-kanjon, ix-xmara tbatti u tofroq f'kanali differenti, tgħaddi lil hinn mill-konfini tal-park, u terġa' tingħaqad qrib il-villaġġ ta' Nahanni Butte. Ftit wara l-villaġġ, ix-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni tingħaqad max-xmara Liard.[7]

Fost il-muntanji notevoli fil-park hemm il-Muntanja Nirvana (61°52′29″N 127°40′49″W), uffiċjalment quċċata bla isem, li b'għoli ta' 2,773 metru (9,098 pied) hija l-ogħla muntanja fit-Territorji tal-Majjistral. Kemxejn iktar lejn it-Tramuntana hemm il-Muntanja ta' Sir James MacBrien (62°07′23″N 127°40′47″W), it-tieni l-ogħla quċċata tat-Territorji tal-Majjistral, b'għoli ta' 2,759 metru (9,052 pied), u t-Torri tal-Fjura tal-Lotus (2,570 metru (8,430 pied), 62°06′51.6″N 127°41′50.4″W), li t-tnejn li huma jiffurmaw parti mis-Cirque tal-Qċaċet Impenetrabbli (62°06′06″N 127°40′15″W).

Kaskati ta' Virginia

immodifika
 
Il-Kaskati ta' Virginia u l-Blata ta' Mason.

Fil-Kaskati ta' Virginia jew Nailicho f'Dene (61°36′26″N 125°44′12″W), ix-xmara tinżel għoli ta' 90 metru (295 pied) f'kaskata qawwija. F'nofs il-kaskati hemm formazzjoni drammatika ta' blat reżistenti msejħa l-Blata ta' Mason (f'ġieħ Bill Mason, l-awtur, ir-reġista u l-qaddief tal-kenuri Kanadiż famuż).[8] Il-kaskati inizjalment kienu jinsabu iktar 'l isfel fit-tarf tal-Lvant tar-Raba' Kanjon, u matul is-sekli naqqxu għalkollox il-ġebla tal-ġir ta' madwar ix-xmara. Din l-erożjoni kontinwa wasslet biex il-kaskati jersqu iktar 'il fuq tul ix-xmara u ħolqot ir-Raba' Kanjon. Minħabba ċ-ċpar maħluq mill-ilma, u l-mikroklimi favorevoli qrib il-kaskati, hemmhekk jgħixu diversi speċijiet ta' orkidej boreali terrestri, fosthom il-Calypso bulbosa, iċ-Cypripedium parviflorum u passerinum, il-Galearis rotundifolia u l-Platanthera aquilonis, huronensis u obtusata. Iktar 'l isfel mill-kaskati tul ix-xmara, hemm bosta kurrenti rapidi notevoli, inkluż Figure Eight, George's Riffle u Lafferty's Riffle.

Fawwariet termali ta' Rabbitkettle

immodifika

Il-fawwariet termali u t-tumbati tat-tufa ta' Rabbitkettle (Gahnîhthah; 61°56′36″N 127°10′49″W) huma l-ikbar tumbati tat-tufa fil-Kanada. L-ikbar waħda fost it-tumbati, it-Tumbata tat-Tramuntana, hija għolja 27 metru (89 pied) u wiesgħa 74 metru (243 pied). L-għajn tal-fawwariet ġejja mill-fond tal-qoxra tad-Dinja, qrib il-batoliti tal-granit li jiffurmaw il-Katina Muntanjuża Ppuntata. L-attività vulkanika li olzat il-muntanji għadha ssaħħan l-ilma fil-fond taħt il-qoxra tad-Dinja. L-ilma msaħħan jiskula 'l fuq, u jxolji l-karbonat tal-kalċju mid-depożiti tal-ġebla tal-ġir hu u tiela'. Meta jasal fil-wiċċ tal-fawwariet, l-ilma jibred u l-partikoli tal-karbonat tal-kalċju jiġu rrilaxxati. Dawn il-partikoli mikroskopiċi joqogħdu u jiffurmaw xfar tal-kalċit poruż madwar qishom vaski tal-ilma. Id-daqs ta' dawn il-vaski jvarja minn daqs ta' banju għal daqs ta' difer. Dan il-proċess jieħu ħafna żmien, u huwa maħsub li t-tumbati għandhom madwar 10,000 sena u b'hekk inħolqu lejn tmiem l-aħħar era glaċjali.

Dawn il-karatteristiċi rari u fraġli huma protetti bħala ż-Żona 1 ta' Preservazzjoni Speċjali, u l-viżitaturi kollha jridu jkunu akkumpanjati minn persunal ta' Parks Canada sabiex jittaffa l-impatt kemm jista' jkun. Barra minn hekk, il-viżitaturi tat-Tumbata tat-Tramuntana jridu joqogħdu ħafjin.

Flora u fawna

immodifika
 
It-Tielet Kanjon u x-xmara Nahanni.

Il-fawwariet termali tal-kubrit, it-tundra Alpina, il-ktajjen muntanjużi u l-foresti tas-siġar tal-abit aħmar u tal-luq jospitaw bosta speċijiet ta' għasafar, ħut u mammiferi. Il-park jinsab fi ħdan tliet żoni ekoloġiċi tal-Kanada, il-Katina Muntanjuża ta' Taiga fil-Punent, il-Pjanuri ta' Taiga fil-Lvant u parti żgħira fin-Nofsinhar tal-Katina Muntanjuża Boreali.

Skont Parks Canada, fil-park hemm madwar 42 speċi ta' mammiferi, minbarra madwar 180 tip ta' għasafar, 16-il tip ta' ħuta u xi ftit anbibji, inkluż iż-żrinġ tal-boskijiet li huwa l-iżjed komuni fir-reġjun. Fir-Rapport tal-2009 dwar il-Qagħda tal-Park, il-gvern tat-Territorji tal-Majjistral semma għaxar speċijiet ta' tħassib speċjali, mhedda jew fil-periklu li jgħixu s-sena kollha jew b'mod staġonali fir-Riżerva tal-Park Nazzjonali ta' Nahanni, skont il-Kumitat dwar l-Istatus tal-Organiżmi Selvaġġi fil-Periklu fil-Kanada (COSEWIC). Dawn jinkludu is-seqer, l-ors grizzly, iż-żanżarell ta' ġenbu żebbuġi, il-bies, il-malvizz ħamrani, il-kokka tax-xagħri, il-biżont tal-boskijiet, il-karibù tal-boskijiet, il-wolverine u l-gallozza safra. Barra minn hekk, it-trota barri u l-aster ta' Nahanni huma elenkati, iżda mingħajr status; il-pespus tal-Kanada u r-rospu tal-Punent huma elenkati bħala li x'aktarx jeżistu fil-park.

Fost l-ispeċijiet ta' mammiferi fil-park hemm l-ors iswed Amerikan, il-viżun Amerikan, il-beaver, l-iskojjattlu tal-Artiku, il-linċi tal-Kanada, il-pika tal-kullar, in-nagħġa ta' Dall, l-għasfur ta' San Martin, il-lupu griż, il-farfett il-lejl tal-muntanji, il-marmotta tal-muntanji, iċ-chipmunk, il-ballottra ż-żgħira, l-alċi, il-ġurdien tal-muntanji, il-myotis tat-Tramuntana, iċ-ċerva tal-muntanji, il-marten tas-siġar taż-żnuber, il-volpi aħmar, l-iskojjattlu aħmar, il-lontra tax-xmajjar, il-mogħża tar-Rockies, il-liebru tal-borra, iċ-ċerva ta' denbha abjad u diversi tipi ta' bugeddum u firien.

Hemm bosta għasafar u dawn jinkludu l-ispanjulett Amerikan, l-ajkla tal-baħar, l-ajkla rjali, il-kokka tal-istrixxi, l-għasfur ta' San Martin tal-faxx, il-kokka Boreali, iċ-chickadee tal-kappa sewda, iċ-chickadee Boreali, il-wiżża tal-Kanada, sultan iċ-ċawl tal-Kanada, il-blonġun tal-widnejn, il-kokka griża l-kbira, il-kokka kbira tal-qrun, il-perniċi, il-gawwi, il-falkun, il-papra arlekkina, il-blonġun tal-qrun, il-bugħaddas komuni, il-bugħaddas tal-Paċifiku, il-bugħaddas tal-kullar aħmar, il-bugħaddas tal-munqar isfar, il-kuluvert, il-bugħadam tat-Tramuntana, il-kaċċamendula tat-Tramuntana, l-arpa, il-blonġun tal-munqar ikkulurit, il-perniċi bajda, il-bagħal tal-ġojjin, il-blonġun ta' għonqu aħmar, il-baruża, il-beggazzina, il-pluviera, is-seqer tat-Tramuntana, il-wiżża tal-borra, il-papra tal-munqar wiesa', il-ħuttafa, il-bulebbiet, il-wikkiela tal-meraq, iċ-ċinju tat-tundra u ċ-ċinju tal-Kanada. Il-park fih ukoll l-uniku sit magħruf fejn ibejjet il-grawwi Amerikan.

Fost il-ħut li jgħix fil-park hemm il-makku tal-Artiku, il-lota tax-xmajjar, l-inconnu, it-trota tal-lagi, il-koregunu tal-lagi, il-whitefish tal-lagi, il-lewċisku, il-longnose sucker, il-whitefish tal-muntanji, il-luċċju, il-whitefish tond, l-iskorfna mżellġa, l-iskorfna ta' rasha ttondjata, id-dott tat-tikek u t-trota fiddiena.

Il-firxa wiesgħa ta' tipi ta' ħamrija toffri diversi ħabitats speċjalizzati u mhux komuni. Fil-park jistgħu jinstabu iktar minn 700 speċi ta' pjanti vaskulari u 300 speċi ta' likeni u ta' brijofiti. Għaldaqstant għandu l-iżjed varjetà rikka fit-Territorji tal-Majjistral. Il-margerita ta' Nahanni hija speċi rari ħafna ta' margeriti li tinstab fil-park biss.

 
Id-Daħla tat-Tieni Kanjon.

Il-popli Dene, li xi kultant jissejħu popli Slavey, użaw l-artijiet madwar il-Park Nazzjonali ta' Nahanni għal eluf ta' snin. Huwa stmat li l-ewwel okkupazzjoni umana tal-inħawi tmur lura għal 9,000-10,000 sena ilu. Evidenza ta' użu mill-bniedem preistoriku nstabet fil-Lag ta' Yohin u f'xi siti oħra fi ħdan il-park. L-istorja lokali bil-fomm fiha bosta referenzi għat-tribù Naha, poplu li kien jgħix fil-muntanji u li kien jattakka l-insedjamenti fl-artijiet baxxi fil-qrib. Dan il-poplu jingħad li għeb pjuttost malajr u b'mod misterjuż.

L-ewwel kuntatt mal-kummerċjanti Ewropej tal-fer li żdiedu fir-reġjun seħħ fis-seklu 18, u l-kummerċ żdied permezz tal-esplorazzjoni tax-xmara Mackenzie (Deh Cho) min-naħa ta' Alexander Mackenzie, u l-bini ta' postijiet kummerċjali f'Fort Simpson u f'Fort Liard. F'dawn iż-żewġ postijiet, John McLeod, esploratur Skoċċiż tal-inħawi, ħadem bħala maniġer. Matul is-seklu 19, il-biċċa l-kbira tal-familji Dene abbandunaw l-istil tal-ħajja nomadika tagħhom u insedjaw f'komunitajiet iktar permanenti, spiss qrib il-postijiet kummerċjali. Ġew stabbiliti insedjament permanenti f'postijiet bħal Nahanni Butte, Fort Liard u Fort Simpson.

 
Il-Blata ta' Mason f'nofs il-Kaskati ta' Virginia.

Fl-aħħar tas-seklu 19, l-Indjani tal-muntanji ta' Nahanni kienu jivvjaġġaw 'l isfel tul ix-xmara Nahanni kull rebbiegħa f'dgħajjes magħmula bil-ġlud tal-alċi biex jagħmlu kummerċ mal-ħsad tal-fer tax-xitwa ta' qabel. Dawn id-dgħajjes, ibbażati fuq id-dgħajjes ta' York li użat il-Kumpanija tal-Bajja ta' Hudson, kienu jkunu twal sa 20 metru (66 pied). Dawn id-dgħajjes, magħmula permezz ta' 6-10 ġlud tal-alċi meħjutin flimkien u stirati fuq qafas b'arblu tal-abit aħmar, kienu jittrasportaw familji sħaħ, bil-klieb u l-merkanzija tal-fer kollha, 'l isfel tul ix-xmara meta l-ilma kien ikun għoli. Mal-wasla, id-dgħajjes kienu jiżżarmaw u l-ġlud u l-fer kienu jkunu l-materja prima tal-kummerċ. Wara żjara bid-dgħajjes lejn dawn il-postijiet kummerċjali, in-nies minn dan il-poplu kien jerġa' lura lejn il-muntanji b'dak kollu li kienu jifilħu jġorru huma u l-klieb tagħhom.

Il-ġrajjiet tal-poplu Naha, u l-pajsaġġ perikoluż li kienu jgħixu fih, bdew jissemmew iktar minħabba Tfittxija Sfrenat għad-Deheb ta' Klondike, meta xi esploraturi ppruvaw jużaw ix-xmara Nahanni bħala mogħdija biex jaslu sad-depożiti famużi tad-deheb ta' Yukon, jew biex jippruvaw isibu xortihom fix-xmara Ċatta u fix-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni. Għalkemm ma nstab l-ebda deheb sinifikanti, feġġew diversi leġġendi dwar widien misħuta u deheb mitluf wara li nstabu l-katavri bla ras tal-esploraturi ta' Métis, Willie u Frank McLeod, għall-ħabta tal-1908. Il-Minjiera Mitlufa ta' McLeod, minjiera mitlufa leġġendarja xi mkien fil-park, suppost li kienet il-post fejn iż-żewġ aħwa sabu d-deheb. Fis-snin ta' wara, l-imwiet misterjużi ta' esploraturi oħra komplew iżidu l-leġġendi. Ismijiet alternattivi mogħtija fil-park, fosthom Wied l-Irġiel Mejtin, l-Irdum ta' Bla Ras, il-Katina Muntanjuża ta' Bla Ras u l-Katina Muntanjuża tal-Funeral, jixhdu t-twemmin ta' dawn il-ġrajjiet u l-leġġendi. Iktar 'il quddiem, Albert Faille kien esploratur fl-inħawi u ltaqa' mal-kittieb Raymond M. Patterson. Ix-xogħlijiet ta' dan tal-aħħar wasslu biex Faille jikseb fama minuri.

Fl-1946 il-ġeologu u l-espert tal-esplorazzjoni minn Calgary, Frank M. W. Henderson, irritorna mill-wied u rrapporta li sieħbu John Patterson kien għeb. Henderson u Patterson kienu qablu li jiltaqgħu f'punt qrib il-Kaskati ta' Virginia. L-ewwel wieħed li jasal kien iħalli messaġġ ma' siġra kbira li t-tnejn kienu jafu biha mill-vjaġġi ta' qabel. Henderson wasal l-ewwel u ħalla l-messaġġ tiegħu qabel ma vvjaġġa lejn il-wieds. Meta reġa' lura hemmhekk diversi ġimgħat wara u ma sab l-ebda messaġġ mingħand Patterson. Henderson u sħabu kkampjaw hemmhekk għal xi jien, iżda lejl minnhom qajmuhom grupp ta' nies tal-Ewwel Ġnus li wissewhom li kien hemm figuri bojod mexjin tul il-wied.

Fl-1947 l-awtur Pierre Berton intbagħat minn The Vancouver Sun biex ikopri t-Tramuntana. Flimkien mal-bdot Russ Baker huwa tar fuq il-Wied ta' Bla Ras. Fid-deskrizzjoni tal-vjaġġ tiegħu għal Macleans Berton huwa rrimarka, "Frank Henderson innifsu, raġel li mhux ta' b'xejn ma riedx li wisq nies jersqu lejn il-wied, ġie kkwotat li qal, mar-ritorn tiegħu mill-inħawi l-ħarifa li għaddiet, "Ma hemm l-ebda dubju li l-wied kollu għandu atmosfera tal-waħx. It-tvenvin kontinwu u stramb tar-riħ hija xi ħaġa li ma tantx se ninsiha malajr".

Fl-1964, l-esploratur bil-paraxut Jean Poirel minn Montreal qabeż fis-sors tax-xmara 500 kilometru (310 mili) fit-Tramuntana ta' Yellowknife, segwit minn sieħbu Bertrand Bordet. Jean Poirel ġietu f'moħħu l-idea li jinżel ix-xmara b'dinghies li jintefħu. Matul l-erba' spedizzjonijiet konsekuttivi fil-wied, Jean Poirel skopra iktar minn 250 grotta. L-iżjed waħda importanti kien fiha 116-il skeletru tan-nagħaġ ta' Dall (li permezz tad-datazzjoni bir-radjokarbonju 14 imorru lura għall-2500 Q.K.); Jean Poirel semmiha l-"Grotta ta' Valerie" f'ġieħ bintu. Huwa ħa noti topografiċi u pinġa mapep dettaljati, u b'hekk witta t-triq għall-ħolqien tal-park. Matul l-aħħar spedizzjoni tiegħu fl-1972, huwa skorta lil Pierre Trudeau, li mar biex jevalwa r-reġjun.

Storja tal-Park

immodifika

Oriġinarjament stabbilit fl-1972, mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Pierre Elliot Trudeau, il-park kellu erja ta' 4,766 km2 (1,840 mil kwadru). Il-park kellu status ta' "riżerva" sakemm ġew paċuti t-talbiet pendenti ta' jeddijiet Aboriġini fuq l-art fir-reġjun. Fl-2003, ftehim li ntlaħaq bejn l-Ewwel Ġnus ta' Dehcho u Parks Canada wassal għall-protezzjoni temporanja ta' 23,000 km2 (8,880 mil kwadru). F'Awwissu 2007, il-gvern federali żied 5,400 km2 (2,085 mil kwadru) oħra.

F'għamla innovattiva ta' kooperazzjoni bejn il-gvern federali u l-gruppi nattivi, it-Tim tal-Konsensus bejn in-Naha u d-Dehe ġie ffurmat f'Ġunju 2000 minn Parks Canada u l-Ewwel Ġnus ta' Dehcho. Il-kompiti prinċipali oriġinali tagħhom kienu jinkludu:

  1. it-tħejjija ta' Stqarrija ta' Integrità Ekoloġika;
  2. it-tlestija ta' rieżami tal-Pjan ta' Ġestjoni tal-Park;
  3. it-tħejjija ta' Arranġament Temporanju ta' Ġestjoni tal-Park; u
  4. t-tħejjija ta' Memorandum ta' Qbil li jirrispetta t-tkabbir tal-park.

Fl-2003, dawn il-kompiti ġew issodisfati u l-iskop tat-tim inbidel, u minflok issa jittratta kwistjonijiet ta' ġestjoni kooperattiva, skont l-Arranġament Temporanju ta' Ġestjoni tal-Park, sa ma jitlesta l-Proċess ta' Dehcho.

Fid-9 ta' Ġunju 2009, il-gvern tal-Kanada, flimkien mal-Ewwel Ġnus ta' Dehcho, ħabbar leġiżlazzjoni li kellha żżid l-erja tal-Park Nazzjonali ta' Nahanni biex ikopri 30,050 km2 (11,602 mili kwadri), inkluż 91 % tal-ekosistema usa' ta' Nahanni fir-Reġjun ta' Dehcho u l-biċċa l-kbira tal-korp tal-ilma tax-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni.

Huwa stmat li l-erja l-ġdida tal-park tospita madwar 500 ors grizzly, żewġ merħliet ta' karibù tal-boskijiet, kif ukoll speċijiet ta' nagħaġ u ta' mogħoż Alpini, u speċijiet oħra. Il-konfini l-ġodda jinkludu l-ogħla muntanji u l-ikbar meded tas-silġ fit-Territorji tal-Majjistral. Bit-tkabbir tal-park, żdiedu diversi siti ddeżinjati għall-inżul. Peress li l-biċċa l-kbira tal-aċċess għall-park isir bl-inġenji tal-ajru, l-aċċess bl-ajru huwa ristrett fil-park, u hemm postijiet stabbiliti fejn l-inġenji tal-ajru jistgħu jinżlu. Qabel l-aħħar tkabbir, dawn il-postijiet kienu limitati għall-Kaskati ta' Virginia u l-Lag ta' Rabbitkettle. Issa hemm ħames postijiet oħra: Bunny Bar, il-Lag tal-Gżira, il-Lag tal-Qamar il-Għasel, il-Lag tal-Glaċier u l-Lag tal-Ajruplan tal-Baħar. Madankollu, il-Kaskati ta' Virginia u l-Lag tal-Glaċier biss huma ddeżinjati bħaż-żjarat binhar, li jfisser li l-kumplament tal-postijiet jirrikjedu li l-viżitaturi jibqgħu mill-inqas lejl wieħed fil-park.

Ċentru għall-viżitaturi f'Fort Simpson jinkludi wirjiet dwar l-istorja, il-kultura u l-ġeografija tal-inħawi. Il-park kien fost l-ewwel erba' Siti ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO fl-1978.[3] Ix-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni kisbet status ta' Xmara ta' Wirt Kanadiż fl-1987. Attwalment madwar 800–1000 ruħ iżuru l-park kull sena, u l-biċċa l-kbira jibqgħu mill-inqas għal lejla u jivvjaġġaw 'l isfel tul ix-xmara tan-Nofsinhar ta' Nahanni. Il-park huwa miftuħ is-sena kollha, iżda l-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jmorru f'Ġunju, f'Lulju u f'Awwissu. Il-Kaskati ta' Virginia huma l-unika post fil-park fejn wieħed irid jirriżerva ż-żjara tiegħu, xi ħaġa li trid issir xhur minn qabel sabiex jiġi evitat l-iffollar. Għal raġunijiet ta' sikurezza, il-viżitaturi kollha jridu jirreġistraw lilhom infushom mal-uffiċjali tal-park malli jidħlu fil-konfini tal-park, u jaraw li isimhom jitneħħa fi żmien 24 siegħa wara li jitilqu. Hemm uffiċċju tal-park f'Nahanni Butte fi tmiem ix-xmara, fejn il-viżitaturi jistgħu jaraw li isimhom jitneħħa. L-uniku mod prattiku biex wieħed jasal fil-Park Nazzjonali ta' Nahanni huwa b'inġenju tal-ajru li jinżel fuq l-ilma jew bil-ħelikopter, normalment minn Fort Simpson, għalkemm komunitajiet u postijiet oħra li joffru dħul fil-park jinkludu: il-Lag ta' Watson, il-Lag ta' Muncho, Fort Nelson u r-Residenza ta' Inconnu. Hemm min jimxiha mill-mogħdija tal-Katina Muntanjuża ta' Nahanni f'Tungsten lejn il-Punent tal-park.

Fl-2007 il-park ġie vvutat bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet tal-Kanada f'kompetizzjoni sponsorjata minn The National ta' CBC Television u minn Sounds Like Canada ta' CBC Radio One. Il-park kien is-suġġett ta' film qasir fin-National Parks Project tal-2011, tar-reġista Kevin McMahon, bil-kollaborazzjoni ta' Shad, Jace Lasek u Olga Goreas.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta' Nahanni ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]

Fizzjoni

immodifika

L-inħawi dehru f'Sick Heart River, xmara fittizja fl-inħawi ta' Nahanni, ta' John Buchan, l-Ewwel Baruni Tweedsmuir li kien il-Gvernatur Ġenerali tal-Kanada. Buchan ma kienx żar Nahanni iżda vvjaġġa 'l isfel tul Mackenzie u ried iżur l-inħawi. The River, ktieb ta' Cheryl Kaye Tardif, huwa bbażat fuq ġrajjiet u leġġendi mill-inħawi.

Ix-xmara Nahanni u l-madwar tagħha dehru wkoll fil-ktieb bil-Franċiż La Vallée Sans Homme, li nkiteb fl-1973 minn Roger Frison-Roche.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Parks Canada. 2007. South Nahanni River Touring Guide.
  2. ^ Parks Canada. 2002. Nahanni National Park Reserve Natural and Cultural Guide to Nahʔa Dehé. p. 87.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Nahanni National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-18.
  4. ^ "Parks Canada - Nahanni National Park Reserve of Canada - Wildlife". web.archive.org. 2007-05-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-05-23. Miġbur 2024-06-18.
  5. ^ Parks Canada. 2002. Nahanni National Park Reserve Natural and Cultural Guide to Nahʔa Dehé, p. 5.
  6. ^ Parks Canada. 2002. Nahanni National Park Reserve Natural and Cultural Guide to Nahʔa Dehé, p. 9.
  7. ^ Parks Canada. 2002. Nahanni National Park Reserve Natural and Cultural Guide to Nahʔa Dehé, p. 16.
  8. ^ The Editors of LIFE (2016-09-02). LIFE Paradise Found: 100 Places - Beautiful Beyond Belief. Time Inc. Books. ISBN 9781683305606.