Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi

park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Uganda

Il-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi huwa park nazzjonali fil-Lbiċ tal-Uganda. Jagħmel parti mill-Foresta Impenetrabbli ta' Bwindi u jinsab tul il-fruntiera mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo qrib il-Park Nazzjonali ta' Virunga u t-tarf tal-Fondoq Albertin. Il-park huwa magħmul minn 321 km2 (124 mil kwadru) ta' foresti muntanjużi u tal-artijiet baxxi, u huwa aċċessibbli biss bil-mixi. Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1][2]

Gorilla tal-muntanji fil-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi.

Id-diversità tal-ispeċijiet hija karatteristika tal-park.[3] Il-park jipprovdi ħabitat għal 120 speċi ta' mammiferi, 350 speċi ta' għasafar, 310 speċi ta' friefet, 27 speċi ta' żrinġijiet, kamaleonti, wiżgħat, u bosta speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni. Il-flora tal-park hija fost l-iżjed rikka fost il-foresti tal-Lvant tal-Afrika, b'iktar minn 1,000 speċi ta' pjanti li jarmu l-fjuri, inkluż 200 speċi ta' siġar u 104 speċi ta' felċi. Is-settur tat-Tramuntana (elevazzjoni baxxa) fih bosta speċijiet ta' flora tal-Guinea u tal-Kongo, inkluż żewġ speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni, il-kawba l-kannella u l-Brazzeia longipedicellata. B'mod partikolari, iż-żona tikkondividi l-livelli għoljin ta' endemiżmu mal-Fondoq Albertin.

Il-park huwa santwarju għax-xadini colobus, għaċ-chimpanzees, u għal bosta għasafar bħall-buċerotidi u t-turako. Huwa magħruf l-iktar għall-400 gorilla ta' Bwindi, nofs il-popolazzjoni dinjija tal-gorilli tal-muntanji li jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni. Erbatax-il grupp ta' gorilli tal-muntanji jgħixu f'erba' setturi differenti ta' Buhoma, Ruhijja, Rushaga u Nkuringo fid-distretti ta' Kanungu, Kabale u Kisoro rispettivament, kollha taħt il-ġestjoni tal-Awtorità tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Uganda.

 
Il-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi.

Fl-1932, żewġ blokok tal-Foresta Impenetrabbli ta' Bwindi ġew iddeżinjati bħala Riżervi Forestali tal-Kuruna. Il-blokka tat-Tramuntana ġiet iddeżinjata bħala r-"Riżerva Forestali tal-Kuruna ta' Kayonza", u l-blokka tan-Nofsinhar ġiet iddeżinjata bħala r-"Riżerva Forestali tal-Kuruna ta' Kasatora". Dawn ir-riżervi kellhom erja kkombinata ta' 207 kilometri kwadri (80 mil kwadru). Fl-1942, iż-żewġ riżervi ġew ikkombinati u mkabbra, u mbagħad ġew mogħtija l-isem ta' Forest Ċentrali Impenetrabbli tal-Kuruna. Din iż-żona protetta ġdida kienet tkopri 298 kilometru kwadru (115-il mil kwadru) u kienet taħt il-kontroll konġunt tad-dipartimenti tal-organiżmi selvaġġi u tal-foresti tal-gvern tal-Uganda.[4]

Fl-1964, ir-riżerva ġiet iddeżinjata bħala santwarju tal-annimali biex tiġi pprovduta protezzjoni addizzjonali għall-gorilli tal-muntanji u bdiet tissejjaħ bħala r-Riżerva Forestali Ċentrali Impenetrabbli. Fl-1966, żewġ riżervi forestali oħra saru parti mir-riżerva, u b'hekk l-erja tal-park żdiedet għal kważi 321 kilometru kwadru (124 mil kwadru). Il-park baqa' jiġi ġestit kemm bħala santwarju tal-organiżmi selvaġġi kif ukoll bħala riżerva forestali.[5]

Fl-1991, ir-Riżerva Forestali Ċentrali Impenetrabbli, flimkien mar-Riżerva tal-Gorilli ta' Mgahinga u r-Riżerva tal-Muntanji ta' Rwenzori, ġiet iddeżinjata bħala park nazzjonali u bdiet tissejjaħ bħala l-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi, b'erja ta' 330.8 kilometru kwadru (127.7 mil kwadru). Il-park nazzjonali ġie ddikjarat hekk sabiex jiġu protetti l-firxa sħiħa ta' speċijiet fi ħdanu, l-iktar il-gorilli tal-muntanji.[6] Ir-riklassifikazzjoni tal-park kellha impatt kbir fuq il-poplu tal-pigmej Batwa, li tkeċċew mill-foresta u ma tħallewx jidħlu fil-park jew jaċċessaw ir-riżorsi ta' ġo fih iktar. It-traċċar tal-gorilli sar attività turistika f'April 1993, u l-park sar destinazzjoni turistika popolari. Fl-1994, żona ta' 10 kilometri kwadri (3.9 mili kwadri) ġiet inkorporata fil-park u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Il-ġestjoni tal-park inbidlet meta l-Park Nazzjonali tal-Uganda, li minn dak iż-żmien bdiet tissejjaħ l-Awtorità tan-Natura Selvaġġa tal-Uganda, sar responsabbli għall-park. Fl-2003, biċċa art qrib il-park b'erja ta' 4.2 kilometri kwadri (1.6 mil kwadru) inxtrat u ġiet inkorporata fil-park.[7]

F'Marzu 1999, forza ta' 100-150 eks guerrilla Interahamwe tar-Rwanda infiltraw il-park tul il-fruntiera mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u ħatfu 14-il turist barrani u lill-gwida tagħhom mill-Uganda mill-kwartieri ġenerali tal-park, u eventwalment ħelsu sitta u qatlu t-tmienja l-oħra bis-skieken u bil-bsaten. Ġie rrapportat li diversi vittmi ġew torturati, u mill-inqas vittma femminili waħda ġiet stuprata. Il-gwida mill-Uganda tefgħulu l-fjuwil fuqu u tawh in-nar.[8] Ġie rrapportat li l-attakk tal-Interahamwe kien maħsub biex "jiddestabbilizza lill-Uganda" u jnaffar it-turiżmu mill-park, biex b'hekk il-gvern tal-Uganda jitlef l-introjtu. Il-park kellu jagħluq għal diversi xhur, u l-popolarità tal-ġiti tal-gorilli naqset sew għal diversi snin, għalkem l-attendenza rkuprat dan l-aħħar biż-żieda fl-istabbiltà fl-inħawi. Gwardja armata issa dejjem takkumpanja lil kull grupp ta' turisti.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Ġeografija u klima

immodifika
 
Il-konfini tal-park.

Ir-raħal ta' Kabale lejn ix-Xlokk huwa l-eqreb raħal għall-park, 29 kilometru (18-il mil) 'il bogħod bit-triq. Il-park huwa magħmul minn żewġ blokok ta' foresti li huma kkollegati permezz ta' "kuritur forestali". L-għamla tal-park hija legat tal-ġestjoni preċedenti tal-konservazzjoni, meta ż-żewġ blokok forestali oriġinali ġew protetti fl-1932. Hemm art agrikola fejn qabel kien hemm is-siġar eżattament barra mill-fruntieri tal-park u l-kultivazzjoni f'din iż-żona hija intensiva.

Il-ġeoloġija sottostanti tal-park tikkonsisti minn fillit tax-shale Prekambrijan, kwarz, kwarzit, xist u granit. Il-park jinsab fit-tarf tal-Wied tal-Fondoq tal-Punent fl-ogħla partijiet tal-Artijiet Għoljin ta' Kigezi, li nħolqu bl-olzar tettoniku tal-Wied tal-Fondoq tal-Punent. It-topografija hija waħda mħarbta ħafna, b'widien dojoq bix-xmajjar u bl-għoljiet weqfin. L-elevazzjonijiet fil-park ivarjaw minn 1,190 metru sa 2,607 metri (3,904 pied sa 8,553 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, u 60 fil-mija tal-park għandha elevazzjoni ta' iktar minn 2,000 metru (6,600 ft). L-ogħla elevazzjoni hi l-Għolja ta' Rwamunyonyi fit-tarf tal-Lvant tal-park. L-iktar parti baxxa tal-park tinsab fit-tarf l-iktar fit-Tramuntana.

Il-foresta hija maqbad importanti tal-ilma. Minħabba l-ġeoloġija sottostanti hija ġeneralment impermeabbli, l-ilma jnixxi minn ġo strutturi bi xquq kbar, u l-infiltrazzjoni tal-ilma u l-akwifers huma limitati. Il-biċċa l-kbira tax-xita tal-park tifforma nixxigħat, u l-foresta għandha network dens ta' nixxigħat ġo fiha. Il-foresta hija s-sors ta' bosta xmajjar li jnixxu lejn it-Tramuntana, il-Punent u n-Nofsinhar. Ix-xmajjar ewlenin fil-park jinkludu x-xmajjar Ivi, Munyaga, Ihihizo, Ishasha u Ntengyere, li jnixxu fil-Lag ta' Edward. Xmajjar oħra jnixxu fil-Lagi ta' Mutanda u ta' Bunyonyi. Il-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi jipprovdi l-ilma liż-żoni agrikoli lokali.

Il-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi għandu klima tropikali. It-temperatura medja annwali tvarja minn temperatura minima ta' 7 sa 15 °C (45 sa 59 °F) għal temperatura massima ta' 20 sa 27 °C (68 sa 81 °F). Ix-xita annwali tal-park tvarja bejn 1,400 sa 1,900 millimetru (55 sa 75 pulzier). L-iżjed ammont ta' xita tinżel minn Marzu sa April u minn Settembru ta' Novembru. Il-foresta tal-park taqdi rwol importanti fl-irregolar tal-ambjent u tal-klima tal-madwar. L-ammonti kbar ta' evapotraspirazzjoni mill-veġetazzjoni tal-foresta jżidu l-preċipitazzjoni li tinżel fir-reġjun ta' barra l-park. Il-foresta tnaqqas ukoll l-erożjoni tal-ħamrija, problema serja fil-Lbiċ tal-Uganda, tnaqqas l-għargħar, u tiżgura li n-nixxigħat jibqgħu jnixxu fl-istaġun tan-nixfa.[9]

Bijodiversità

immodifika
 
Il-muntanji ta' Bwindi.

Il-Foresta Impenetrabbli ta' Bwindi hija antika, kumplessa u rikka bijoloġikament. Id-diversità tal-ispeċijiet hija karatteristika tal-park, u sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-importanza ekoloġika tiegħu. Fost il-foresti tal-Lvant tal-Afrika, dik ta' Bwindi fiha wħud mill-iżjed popolazzjonijiet rikki ta' siġar, mammiferi żgħar, għasafar, rettili, friefet u kamli. L-ispeċijiet diversi tal-park huma parzjalment frott il-varjazzjonijiet kbar fl-elevazzjoni u fit-tipi ta' ħabitats tal-park, u jaf ukoll huma r-riżultat li l-foresta kienet refuġju għall-ispeċijiet matul il-glaċjazzjonijiet fil-Plejstoċen. Il-foresti tal-park huma tal-muntanji Afrikani, tip ta' veġetazzjoni rari fil-kontinent Afrikan. Jinsabu fejn jiltaqgħu l-pjanura u l-foresti muntanjużi, u b'hekk hemm kontinwità ta' foresti primarji ta' altitudni baxxa li jalternaw ma' dawk ta' altitudni għolja fil-park, li huwa wieħed mill-ftit meded kbar tal-foresti tal-Lvant tal-Afrika fejn dan il-fenomenu jokkorri. Il-park fih iktar minn 220 speċi ta' siġar, u iktar minn 50 % tal-ispeċijiet ta' siġar tal-Uganda, kif ukoll iktar minn 100 speċi ta' felċi. Il-kawba kannella hija speċi ta' pjanta mhedda fil-park.[10]

 
Il-Foresta Impenetrabbli ta' Bwindi.

Il-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi huwa importanti għall-konservazzjoni tal-fawna tal-muntanji Afrikani, speċjalment ta' speċijiet endemiċi tal-muntanji tal-Wied tal-Fondoq tal-Punent. Huwa maħsub li fih waħda mill-iżjed komunitajiet rikki ta' fawna fil-Lvant tal-Afrika, inkluż iktar minn 350 speċi ta' għasafar u iktar minn 200 speċi ta' friefet. Huwa stmat li hemm 120 speċi ta' mammiferi fil-park, li minnhom 10 huma primati,[11] u iktar minn 45 huma mammiferi żgħar. Apparti l-gorilli tal-muntanji, l-ispeċijiet fil-park jinkludu ċ-chimpanzees komuni, ix-xadini ta' L'Hoest, l-iljunfanti Afrikani, il-bumunqar wiesa' aħdar Afrikan, il-farfett tal-istrixxi b'denbu tal-ħuttaf, ix-xadini colobus bojod u suwed, ix-xadini ta' denbhom aħmar, ix-xadini vervet, u l-ħanżir selvaġġi ġgantesk tal-foresti. L-ispeċijiet ta' ħut fix-xmajjar u fin-nixxigħat tal-park ma tantx huma magħrufa sew.[12]

 
Xadina vervet.

Gorilli tal-muntanji

immodifika

Il-park huwa abitat minn madwar 459 gorilla individwali tal-muntanji (Gorilla beringei beringei) skont l-aħħar Ċensiment tal-Gorilli tal-2019 tal-Fond għall-Gorilli, magħrufa bħala l-popolazzjoni tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi, li tirrappreżenta kważi nofs il-gorilli tal-muntanji kollha tad-dinja. Il-kumplament tal-popolazzjoni dinjija tal-gorilli tal-muntanji tgħix fil-Muntanji ta' Virunga fil-qrib. Ċensiment tal-2006 tal-popolazzjoni tal-gorilli tal-muntanji fil-park wera li l-popolazzjoni żdiedet kemxejn minn 300 individwu fl-1997, għal 320 individwu fl-2002 għal 340 individwu fl-2006, u 400 individwu fl-2018.[13] L-insib, il-mard u t-telf tal-ħabitat huma l-ikbar theddidiet għall-gorilli.[14]

Ir-riċerka rigward il-popolazzjoni tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi għadha lura meta mqabbla ma' dik rigward il-popolazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Virunga, iżda twettqet xi riċerka preliminari minn Craig Stanford. Din ir-riċerka wriet li d-dieta tal-gorilli tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi hija ferm iktar iffukata fuq il-frott milli dik tal-popolazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Virunga, u li l-gorilli tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi, anke l-gorilli ta' daharhom fiddien, għandhom iktar probabbiltà li jixxabtu mas-siġar biex jieklu l-weraq, il-frott u l-epifiti. F'xi xhur, id-dieta tal-gorilli tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi tkun simili ħafna għal dik taċ-chimpanzees tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi. Instab ukoll li l-gorilli tal-muntanji tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi jivvjaġġaw ferm iktar 'il bogħod kuljum mill-gorilli tal-Park Nazzjonali ta' Virunga, b'mod partikolari fil-kiem meta jieklu primarjament il-frott iktar milli meta jieklu iktar ikel bil-fibri. Barra minn hekk, il-gorilli tal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi għandhom iktar probabbiltà li jibnu l-bejtiet tagħhom fis-siġar, kważi dejjem fis-sġajra tal-Alchornea floribunda (lokalment magħrufa bħala "Echizogwa").

 
Gorilla tal-muntanji tgerrem l-għeruq fil-park.

Il-gorilli tal-muntanji huma speċi fil-periklu ta' estinzjoni, u huwa stmat li l-popolazzjoni totali tagħhom hi ta' madwar 650 individwu. Ma hemm l-ebda gorilla tal-muntanji li tgħix f'gaġġa, iżda fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20, uħud inqabdu biex jinbeda t-tnissil mhux fis-selvaġġ.

Konservazzjoni

immodifika

Is-sjieda tal-park hija f'idejn l-Awtorità tan-Natura Selvaġġa tal-Uganda, korp parastatali tal-gvern. Il-park igawdi minn protezzjoni totali, għalkemm il-komunitajiet biswit il-park jistgħu jaċċessaw uħud mir-riżorsi tiegħu.

Iż-żona li jikkonfinaw mal-park għandhom densità kbira fil-popolazzjoni b'iktar minn 300 abitant kull kilometru kwadru (780 abitant kull mil kwadru). Uħud min-nies li jgħixu f'dawn iż-żoni huma fost l-ifqar fl-Uganda. Il-popolazzjoni kbira u l-prattiki agrikoli batuti joħolqu pressjoni kbira fuq il-Foresta Impenetrabbli ta' Bwindi, u huma fost l-ikbar theddidiet għall-park. 90 % tan-nies jiddependu fuq l-agrikoltura għall-għajxien tagħhom, peress li l-agrikoltura hija waħda mill-ftit modi kif jista' jaqilgħu l-introjtu tagħhom.

 
Ranger armat fil-park mat-turisti qrib il-gorilli tal-muntanji.

Qabel mal-Park Nazzjonali Impenetrabbli ta' Bwindi ġie ddeżinjat bħala park nazzjonali fl-1991, il-park ġie ddeżinjat bħala riżerva forestali, u r-regolamenti dwar id-dritt ta' aċċess għall-foresta kienu iktar liberali u qajla kienu jiġu infurzati. In-nies lokali kienu jikkaċċjaw, iwettqu l-estrazzjoni tar-riżorsi ġeoloġiċi, jaqtgħu u jissegaw is-siġar għall-injam, u jrabbu n-naħal fil-park. Ġie ddeżinjat bħala park nazzjonali fl-1991 minħabba l-bijodiversità rikka u t-theddidiet għall-integrità tal-foresta. Id-deżinjazzjoni tiegħu bħala park nazzjonali wasslet għal status ogħla ta' protezzjoni tal-park. L-aġenziji statali żiedu l-protezzjoni u l-kontroll tal-park. Il-komunitajiet biswit il-park ma tħallewx jaċċessaw il-foresta iktar. Dan l-għeluq ikkawża ħafna għawġ u kunflitti fost dawn il-komunitajiet lokali u l-awtoritajiet tal-park. Il-poplu Batwa, grupp etniku li kien jiddependi fuq il-foresta, ġie affettwat sew. Il-poplu Batwa kien jistad, jaħsad l-għasel u joqtol l-annimali għall-ikel, apparti li kellu siti anċestrali fi ħdan il-park. Minkejja li l-poplu Batwa sostna li kellu drittijiet tal-art u għex fl-inħawi għal ġenerazzjonijiet sħaħ mingħajr ma qered l-ekosistema tal-foresta, ma bbenefika minn l-ebda skema nazzjonali ta' kumpens meta tkeċċa. Il-bdiewa mhux tal-poplu Batwa li kienu kklerjaw iż-żoni forestali sabiex jikkultivawhom, ingħataw kumpens u d-drittijiet tal-art tagħhom ġew rikonoxxuti. In-nies tilfu xi bhejjem u għelejjel tagħhom minħabba l-organiżmi selvaġġi tal-park, u kien hemm anke xi mwiet ta' nies. Il-fatt li l-gorilli donnha draw lill-bnedmin u b'hekk ġie ffaċilitat it-turiżmu, jaf żied il-ħsara li jagħmlu lill-proprjetà tan-nies lokali għax jibżgħu inqas min-nies.[15]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Bwindi Impenetrable National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
  2. ^ "Bwindi Impenetrable National Park Uganda, African Safari Treks & Tours". Bwindi (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
  3. ^ UNEP-WCMC (2005). "UNEP-WCMC Protected Areas Programme - Bwindi Impenetrable National Park". UNEP-WCMC Website . Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-05-10. Miġbur 2024-03-01.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  4. ^ Korbee, Doreen (Marzu 2007). "Environmental Security in Bwindi: A focus on farmers" (PDF). Institute for Environmental Security. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-08-30. Miġbur 2024-03-01.
  5. ^ Namara, Agrippinah (June 2006). "From Paternalism to Real Partnership with Local Communities? Experiences from Bwindi Impenetrable National Park (Uganda)". Africa Development. XXXI (2).
  6. ^ Adams, William Mark (2001). Green Development: Environment and Sustainability in the Third World. Routledge. p. 266. ISBN 0-415-14765-4.
  7. ^ "IGCP: About IGCP - History". web.archive.org. 2008-02-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-20. Miġbur 2024-03-01.
  8. ^ "BBC News | Africa | Uganda tourists 'butchered'". news.bbc.co.uk. Miġbur 2024-03-01.
  9. ^ Gurrieri, Joe; Jason Gritzner; Mike Chaveas. "Virunga – Bwindi Region: Republic of Rwanda, Republic of Uganda, Democratic Republic of Congo". United States Department of Agriculture. p. 18.
  10. ^ Eilu, Gerald; Joseph Obua (2005). "Tree condition and natural regeneration in disturbed sites of Bwindi Impenetrable Forest National Park, southwestern Uganda". Tropical Ecology. 46 (1): 99–111.
  11. ^ Hodd, M. (2002). East Africa Handbook: The Travel Guide. Footprint Travel Guides. ISBN 1-900949-65-2.
  12. ^ IUCN/WCMC (1994). World Heritage Nomination - IUCN Summary Bwindi Impenetrable National Park (Uganda). p. 51.
  13. ^ Robbins, M.; Sawyer, S. (2007). "Intergroup encounters in mountain gorillas of Bwindi Impenetrable National Park, Uganda". Behaviour. 144 (12): 1497–1519.
  14. ^ "IGCP: About IGCP - FAQs". web.archive.org. 2008-01-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-01-17. Miġbur 2024-03-01.
  15. ^ "IRIN Africa | Africa | AFRICA | AFRICA: Land rights and pygmy survival | Health & Nutrition Human Rights Other | In-Depth". web.archive.org. 2009-06-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-06-28. Miġbur 2024-03-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)