Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Rwenzori
Il-Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Rwenzori huwa park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Muntanji ta' Rwenzori tal-Uganda.[1] B'erja ta' kważi 1,000 km2 (386 mil kwadru), il-park fih it-tielet l-ogħla quċċata ta' muntanja fl-Afrika, b'bosta kaskati, lagi u glaċieri. Il-park huwa magħruf għall-bosta pjanti li jgħixu fih.
Storja
immodifikaIl-Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Rwenzori ġie stabbilit fl-1991. Ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 bis-saħħa tas-sbuħija naturali straordinarja tiegħu.[1][2] Il-milizji ribelli okkupaw il-Muntanji ta' Rwenzori mill-1997 sa Ġunju 2001. Il-park tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu bejn l-1999 u l-2004 minħabba nuqqas ta' sigurtà u nuqqas ta' riżorsi allokati għall-park. Fl-2009 il-park ġie elenkat ukoll fost l-artijiet mistagħdra ta' Ramsar.[3]
Il-Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Rwenzori jinsab fil-Lbiċ tal-Uganda fuq in-naħa tal-Lvant tal-Punent tal-wied Afrikan tal-Fondoq Albertin. Jinsab tul il-fruntiera tal-Uganda mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u jmiss mal-Park Nazzjonali ta' Virunga tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ieħor, għal 50 kilometru (31 mil). Il-park jinsab fid-distretti ta' Bundibugyo, Kabarole u Kasese, 25 kilometru (16-il mil) mill-belt żgħira ta' Kasese. Fih erja ta' 996 kilometru kwadru (385 mil kwadru), u 70 fil-mija minnu jaqbeż l-altitudni ta' 2,500 metru (8,200 pied).[4] Il-park twil 120 kilometru (75 mil) u wiesa' 48 kilometru (30 mil).
Il-park jinkludi l-biċċa l-kbira taċ-ċentru u tal-Lvant tal-Muntanji ta' Rwenzori, katina muntanjuża 'l fuq mill-pjanuri nexfin kemm kemm fit-Tramuntana tal-ekwatur. Dawn il-muntanji huma ogħla mill-Alpi u l-qċaċet tagħhom huma miksija bis-silġ. Il-Muntanja ta' Stanley tinsab fi ħdan il-park. Il-Quċċata ta' Margerita, waħda mill-qċaċet tewmin tal-Muntanja ta' Stanley, hija t-tielet l-ogħla quċċata tal-Afrika b'għoli ta' 5,109 metri (16,762 pied). Ir-raba' u l-ħames l-ogħla qċaċet fl-Afrika, il-Muntanja ta' Speke u l-Muntanja ta' Baker, jinsabu fil-park ukoll. Il-park fih glaċieri, meded bil-borra, kaskati u lagi, u huwa waħda mill-isbaħ żoni muntanjużi tal-Afrika.
Konservazzjoni u turiżmu
immodifikaIs-sjieda tal-park hija f'idejn il-gvern tal-Uganda permezz tal-Parks Nazzjonali tal-Uganda. Il-park huwa protett, għalkemm l-estrazzjoni xi kultant jaf tiġi permessa minn bord ta' fiduċjarji. Kasese, 437 kilometru (260 mil) fil-Punent tal-belt kapitali tal-Uganda, Kampala, hija r-raħal ta' aċċess għall-park. Ir-raħal fih lukandi u loġoġ, filwaqt li l-park fih siti ta' kampeġġ, network tajjeb ta' mogħdijiet għall-mixi, u għorfiet għal dawk li jimxu fil-park.[5] Hemm ukoll rotot tat-trekking u tat-tixbit, u diversi minnhom għandhom xenarji mhux tas-soltu. L-iżjed trek popolari huwa ċirkwit ta' sebat ijiem madwar il-park.
Il-park fih bosta speċijiet li huma endemiċi għas-sistema tal-Fondoq Albertin, u hemm diversi speċijiet fil-periklu li jgħixu fil-park. Il-park fih diversità kbira ta' pjanti u ta' siġar, u huwa magħruf sew għall-element botaniku tiegħu, li wħud iddeskrivewh bħala fost l-isbaħ fid-dinja. Hemm ħames żoni distinti ta' veġetazzjoni fil-park, li jinbidlu skont il-bidliet fl-altitudni. Il-park fih 89 speċi ta' għasafar, 15-il speċi ta' friefet, u erba' speċijiet ta' primati. L-organiżmi selvaġġi tal-park ivarjaw skont l-elevazzjoni, u fost l-ispeċijiet li jgħixu fil-park hemm l-iljunfant tal-foresti, iċ-chimpanzee, il-hyrax, ix-xadina colobus bajda u sewda, ix-xadina ta' L'Hoest, id-duiker ta' Rwenzori, u t-turako ta' Rwenzori.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Rwenzori ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Gallerija
immodifikaPajsaġġ
immodifikaFawna
immodifikaFlora
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Rwenzori Mountains National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-26.
- ^ Williams, Lizzie (2005). Africa Overland. Struik. p. 93. ISBN 1-77007-187-3.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Angkor Among the three Properties Removed from Unesco's List of World Heritage in Danger". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-26.
- ^ "World Heritage Nomination Rwenzori Mountains National Park (Uganda)" (PDF).
- ^ Riley, Laura; William Riley (2005). Nature's Strongholds: The World's Great Wildlife Reserves. Princeton University Press. p. 151. ISBN 0-691-12219-9.
- ^ Hodd, Michael (2002). East Africa Handbook: The Travel Guide. Footprint Travel Guides. p. 702. ISBN 1-900949-65-2.