Pajsaġġ Kulturali u Botaniku ta' Richtersveld

reġjun ta' deżert fl-Afrika t'Isfel

Il-Pajsaġġ Kulturali u Botaniku ta' Richtersveld, magħruf ukoll sempliċement bħala Richtersveld, huwa pajsaġġ ta' deżert ikkaratterizzat minn kloofs (irdumijiet weqfin bil-boskijiet) u muntanji għoljin, li jinsab fit-tarf tal-Majjistral tal-provinċja tal-Kap tat-Tramuntana tal-Afrika t'Isfel. Fih xenarju jinbidel il-ħin kollu, minn pjanuri kostali ċatti u bir-ramel, għal muntanji ppuntati tal-blat vulkaniku u l-veġetazzjoni rikka tax-xmara Oranġjo (bl-Ingliż: Orange), li tifforma l-fruntiera mal-pajjiż ġar, in-Namibja. L-altitudni tal-inħawi tvarja mil-livell tal-baħar sa 1,377 metru (4,518-il pied) f'Cornellberg. Richtersveld jitqies bħala l-uniku hotspot aridu tal-bijodiversità fid-Dinja u l-maġġoranza taż-żona tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-valuri kulturali tagħha.[1]

Siġra twila tas-sabbara jew kokerboom (Aloidendron dichotomum).

Il-poplu Nama ta' Richtersveld iddikjaraw li kellhom is-sjieda tal-art tradizzjonali tagħhom biswit iż-żona ta' konservazzjoni għar-riċerka u għat-turiżmu fil-futur. Il-parti tat-Tramuntana taż-żona ġiet ipproklamata fl-1991 wara 18-il sena ta' negozjati bejn il-Bord tal-Parks Nazzjonali u l-poplu Nama lokali, li għadhom jgħixu u jirgħu l-bhejjem tagħhom fl-inħawi. Is-sit għandu erja ta' 1,624.45 kilometru kwadru (627.20 mil kwadru). Fih il-poplu Nama jgħix stil ta' għajxien magħruf bħala t-transumanza – fejn iwettqu migrazzjoni staġonali flimkien mal-bhejjem tagħhom u jużaw ekosistema sukkulenti fraġli. Iż-żona ta' konservazzjoni tal-komunità hija kkonfinata fit-Tramuntana mal-Park Nazzjonali ta' Richtersveld (ġestit mill-komunità ta' Richtersveld u mill-Parks Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel), ir-Riżerva Naturali Provinċjali ta' Nababiep, u żoni ddeżinjati għar-ragħa tal-komunità li fihom il-poplu Nama jista' jkompli bl-istil ta' għajxien tiegħu.

Park Nazzjonali ta' Richtersveld

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta' Richtersveld huwa l-parti tal-Afrika t'Isfel tal-Park Transfruntier ta' ǀAi-ǀAis/Richtersveld.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Djar turistiċi temporanji f'Glybank qrib Kuboes.

F'Ġunju 2007, il-Pajsaġġ Kulturali u Botaniku ta' Richtersveld, lejn in-Nofsinhar tal-Park Nazzjonali u żona ta' daqs u ġmiel ekwivalenti, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Għad-differenza tal-Park Nazzjonali, iż-Żona ta' Konservazzjoni tal-Komunità ta' Richtersveld, li hija l-qalba tas-sit, mhijiex soġġetta għall-estrazzjoni tad-djamanti u b'hekk hija l-inqas mittiefsa miż-żewġ żoni.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

 
Mappa li turi l-pożizzjoni u l-kobor tas-Sit ta' Wirt Dinji u tal-Park Nazzjonali ta' Richtersveld.

Is-sit ta' Richtersveld huwa kkaratterizzat minn temperaturi ħorox fis-sajf li ġew irreġistrati li jlaħħqu saħansitra t-53 °C (127 °F) f'nofs is-sajf. L-iljieli jkunu kesħin u jġibu magħhom ħafna nida. Peress li l-ilma huwa skars, il-ħajja fis-sit ta' Richtersveld tiddependi fuq l-indewwa miċ-ċpar ta' kmieni filgħodu. In-nies lokali jsejħulha "Ihuries" jew "Malmokkies" u bis-saħħa tagħha huwa possibbli l-għajxien ta' firxa ta' rettili żgħar, għasafar u mammiferi. It-temperaturi jinżlu ġmielhom bejn April u Mejju għal temperaturi iktar miti, madankollu minn Ġunju sa Awwissu, l-iljieli jiksħu ferm iktar. Irwiefen qawwijin spiss jonfħu fix-xitwa u dawn jikkawżaw tempesti tar-ramel. Ir-riħ spiss ikun kiesaħ minħabba l-influwenza mill-Oċean Atlantiku fil-Punent.

Is-sit ta' Richtersfeld huwa żona tranżizzjonali bejn l-ekoreġjun kostali tas-sukkulenti ta' Karoo fil-Punent, u r-reġjun iktar niexef ta' Nama Karoo fil-Lvant. Il-preċipitazzjoni fis-sit ta' Richtersveld tvarja minn 5 millimetri fis-sena fil-Lvant sa 200 millimetru fis-sena fil-Punent. Fir-reġjun muntanjuż tal-Punent tinżel l-iktar preċipitazzjoni fix-xitwa kif ukoll ċpar mill-oċean fundamentali għall-ħajja. Iż-żona tal-Lvant tul ix-xmara Oranġjo hija iktar niexfa fix-xitwa u spiss ix-xita tinżel l-iktar fis-sajf, spiss bħala maltempati kbar bir-ragħad. Mill-aħħar ta' Awwissu sal-bidu ta' Ottubru tasal ir-rebbiegħa meta jarmu l-fjuri l-ispeċijiet ta' margeriti (Osteospermum) u ta' "vygies" (Lampranthus), l-iktar fin-Namaqualand.

Is-sit ta' Richtersveld joffri ħabitats għal firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' mammiferi, ta' rettili u ta' għasafar. Dawn jinkludu r-rhebok griż, id-duiker, is-steenbok, il-klipspringer, iż-żebri tal-muntanji ta' Hartmann, il-babwini ta' Chacma, ix-xadini ta' Vervet, il-karakal u l-leopard Afrikan. Ir-rettili jinkludu sriep bħal viperi tad-deżert, il-kobra s-sewda li tobżoq il-velenu, u s-serp tigra ta' Nama, u l-gremxul l-iktar tal-ispeċijiet Agama. Spiss, iktar 'il ġewwa, jinsabu speċijiet ta' għasafar sitagri, ħamiem, u farawni, għalkemm l-ispeċijiet tal-għasafar ikunu iktar diversi matul l-istaġuni b'iktar xita. Il-ġurat mhedded ta' Richtersveld (Africariola longicauda) huwa endemiku fiż-żona. Barra minn hekk, hemm diversi speċijiet ta' brimb u skorpjuni.

 
Halfmensboom.

Bejn wieħed u ieħor 4,849 speċi ta' pjanti, li 40 fil-mija minnhom huma endemiċi, ġew iddokumentati fis-sit ta' Richtersveld u jinkludu l-ispeċijiet tas-sabbara u tas-sukkulenti.

Fl-inħawi jgħixu għadd ta' pjanti pjuttost mhux tas-soltu, li bosta minnhom ma jinsabu mkien iktar fid-dinja. L-iżjed magħrufa fosthom hija l-"Halfmensboom"(Pachypodium namaquanum Welw.) li litteralment tfisser "siġra daqs nofs persuna" peress li l-għamla tagħha tixbaħ dik ta' bniedem. Dawn is-siġar huma jingħataw ġieħ mill-poplu Nama indiġenu peress li jemmnu li jirrappreżentaw lill-antenati tagħhom, nofs bnedmin, nofs pjanti, bil-luttu minħabba li ma għadhomx f'art twelidhom fin-Namibja. Hawnhekk ukoll hemm tliet speċijiet endemiċi tas-sabbara Aloidendron: A. dichotomum, A. pillansii u A. ramosissimum, spiss magħrufa bħala "kokerbooms".

Fl-inħawi jgħixu l-poplu Nama u popli oħra. Il-komunità lokali, li għandha s-sjieda taż-żona kollha, tiġġestixxi l-Park Nazzjonali flimkien mal-Awtorità tal-Parks Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel u hija responsabbli għalkollox għall-ġestjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Iż-żewġ żoni jintużaw minn rgħajja nomadiċi tradizzjonali tat-transumanza biex jipprattikaw l-istil tal-għajxien u tal-kulturi tal-qedem. Huwa l-aħħar post fejn l-għajxien tradizzjonali tal-poplu Khoikhoi (li minnhom l-poplu Nama huma l-ikbar klan eżistenti) li kienu jokkupaw il-parti kollha tal-Lbiċ tal-Afrika, għadu jeżisti. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ġie ddikjarat taħt kriterji kulturali tal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji u ġew rikonoxxuti l-valuri kulturali tal-komunità u l-eżistenza kontinwa tagħha b'rabta intrinsika mal-ambjent.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Richtersveld Cultural and Botanical Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-24.