Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina
Il-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina (biċ-Ċiniż simplifikat: 中国南方喀斯特; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 中國南方喀斯特; bil-Pinjin: Zhōngguó Nánfāng Kāsītè) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minn Ġunju 2007[1] u jinsab fil-provinċji ta' Chongqing, Guangxi, Guizhou u Yunnan taċ-Ċina. Huwa magħruf għall-karatteristiċi u għall-pajsaġġi karstiċi kif ukoll għall-bijodiversità rikka. Is-sit huwa magħmul minn seba' raggruppamenti li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji uniku tal-UNESCO f'żewġ fażijiet: fl-2007 tniżżlu s-Siti Karstiċi ta' Libo, ta' Shilin u ta' Wulong, u fl-2014 tniżżlu s-Siti Karstiċi ta' Guilin, ta' Shibing, ta' Jinfoshan u ta' Huanjiang. L-UNESCO tiddeskrivi l-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina bħala "uniċi f'termini ta' diversità ta' karatteristiċi u pajsaġġi karstiċi".[2]
L-erja tal-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina hija ta' madwar 550,000 km2. L-art karstika turi tranżizzjoni ġeomorfika gradwali 'l isfel sa madwar 2,000 metru fuq wisa' ta' iktar minn 700 kilometru mill-Promontorju ta' Yunnan-Guizhou tal-Punent (b'elevazzjoni medja ta' 2,100 metru) sal-Baċir ta' Guangxi tal-Lvant (b'elevazzjoni medja ta' 110 metri). Ir-reġjun huwa rikonoxxut bħala l-iżjed post fid-dinja fejn joħroġ fid-dieher l-iżvilupp tal-artijiet karstiċi fit-tropiċi u fis-subtropiċi umdużi.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007 u ġie estiż fl-2014.[1] Huwa magħmul minn seba' raggruppamenti karstiċi f'erba' provinċji: is-Sit Karstiku ta' Shilin, is-Sit Karstiku ta' Libo, is-Sit Karstiku ta' Wulong, is-Sit Karstiku ta' Guilin, is-Sit Karstiku ta' Shibing, is-Sit Karstiku ta' Jinfoshan, u s-Sit Karstiku ta' Huanjiang. L-erja totali tal-qalba tas-sit hija ta' 97,125 ettaru, b'żona ta' lqugħ ta' 176,228 ettaru.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Fi ħdan il-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina hemm diversità ta' pajsaġġi karstiċi kontinentali spettakolari u ikoniċi, inkluż torrijiet karstiċi (fenglin), pinnakli karstiċi (shilin) u koni karstiċi (fengcong), kif ukoll fenomeni karstiċi oħra bħall-formazzjonijiet karstiċi ta' Tiankeng (ħofor ġganteski), muntanji ċatti u fniedaq. Barra minn hekk, hemm ukoll bosta sistemi kbar ta' għerien b'depożiti speleotemiċi rikki. Il-karatteristiċi karstiċi u d-diversità ġeomorfoloġika tal-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina huma rikonoxxuti b'mod mifrux bħala fost l-aqwa fid-dinja. Ir-reġjun jista' jitqies bħala s-sit ewlieni globali għal tliet tipi ta' formazzjonijiet karstiċi: fenglin (torrijiet karstiċi), fengcong (koni karstiċi) u shilin (pinnakli karstiċi jew foresti tal-ġebel). Il-pajsaġġ għad għandu l-biċċa l-kbira tal-veġetazzjoni naturali tiegħu, u dan jirriżulta f'varjazzjonijiet staġonali u jżid il-valur estetiku straordinarju tal-inħawi.
Il-pajsaġġ jinkludi l-iżjed sensiela rappreżentattiva spettakolari u xjentifikament sinifikanti ta' formazzjonijiet u pajsaġġi karstiċi tan-Nofsinhar taċ-Ċina, minn promontorju intern għoli għal pjanuri tal-artijiet baxxi, u jikkostitwixxi l-aqwa eżempju fid-dinja ta' pajsaġġ karstiku tropikali jew subtropikali umduż.
Komponenti
immodifikaID | Isem |
---|---|
1248-001 | Is-Sit Karstiku ta' Shilin – il-Foresta tal-Ġebel ta' Naigu (biċ-Ċiniż: 乃古石林)
|
1248-002 | Is-Sit Karstiku ta' Shilin – il-Villaġġ ta' Suogeyi (biċ-Ċiniż: 所各邑村)
|
1248-003 | Is-Sit Karstiku ta' Libo – Xiaoqijong (biċ-Ċiniż: 小七孔)
|
1248-004 | Is-Sit Karstiku ta' Libo – Dongduo (biċ-Ċiniż: 洞多)
|
1248-005 | Is-Sit Karstiku ta' Wulong – il-Ħofra Ġganteska ta' Qingkou (Tiankeng) (biċ-Ċiniż: 箐口天坑)
|
1248-006 | Is-Sit Karstiku ta' Wulong – it-Tliet Pontijiet Naturali (biċ-Ċiniż: 天生三桥)
|
1248-007 | Is-Sit Karstiku ta' Wulong – l-Għar ta' Furong (biċ-Ċiniż: 芙蓉洞)
|
1248-008 | Is-Sit Karstiku ta' Guilin – Putao Fenling
fil-Kontea ta' Yangshuo |
1248-009 | Is-Sit Karstiku ta' Guilin – Lijiang Fengcong
fil-Kontea ta' Yangshuo |
1248-010 | Is-Sit Karstiku ta' Shibing
fil-Kontea ta' Shibing |
1248-011 | Is-Sit Karstiku ta' Jinfoshan
f'Chongqing |
1248-012 | Is-Sit Karstiku ta' Huanjiang
fil-Kontea Awtonoma tal-Maonan f'Huanjiang |
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ "South China Karst". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-04.
- ^ "Twenty-two new sites inscribed on UNESCO's World Heritage List, and one deleted during Committee meeting in Christchurch". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-04.