Osservatorju ta' Jodrell Bank

radjuosservatorju astronomiku f'Cheshire, fil-Majjistral tal-Ingilterra

L-Osservatorju ta' Jodrell Bank (/ˈdʒɒdrəl/) f'Cheshire, l-Ingilterra, fih għadd ta' radjuteleskopji li jiffurmaw parti miċ-Ċentru ta' Jodrell Bank għall-Astrofiżika fl-Università ta' Manchester. L-osservatorju ġie stabbilit fl-1945 minn Bernard Lovell, radjuastronomu fl-università, biex jiġu investigati r-raġġi kożmiċi wara x-xogħol tiegħu fuq ir-radar fit-Tieni Gwerra Dinjija. Minn dak iż-żmien 'l hawn kellu rwol importanti fir-riċerka dwar il-meteorojdi, il-kwasari, il-pulsari, il-maseri u l-lentijiet gravitazzjonali, u kien involut ferm fit-traċċar tas-sondi spazjali fil-bidu tal-Era Spazjali.

It-Teleskopju ta' Lovell

It-teleskopju prinċipali fl-osservatorju huwa t-Teleskopju ta' Lovell. B'dijametru ta' 76 metru, huwa t-tielet l-ikbar radjuteleskopju li jista' jiddawwar fid-dinja. Hemm tliet teleskopji attivi oħra fl-osservatorju: it-teleskopju Mark II, u r-radjuteleskopji b'dijametru ta' 13-il metru u ta' seba' metri. L-Osservatorju ta' Jodrell Bank huwa l-bażi tan-Network tal-Interferometru ta' Diversi Elementi Kkollegat bir-Radju (MERLIN; bl-Ingliż: Multi-Element Radio Linked Interferometer Network), Faċilità Nazzjonali mmexxija mill-Università ta' Manchester f'isem il-Kunsill tal-Faċilitajiet tax-Xjenza u tat-Teknoloġija.

Iċ-Ċentru tal-Viżitatur tal-Osservatorju ta' Jodrell Bank u arboret (ġnien botaniku tas-siġar) jinsabu f'Lower Withington u t-Teleskopju ta' Lovell u l-osservatorju jinsabu ħdejn Goostrey u l-Kappella ta' Holmes. L-osservatorju huwa aċċessibbli mill-A535. Il-linja ferrovjarja minn Crewe sa Manchester tgħaddi qrib ħafna tas-sit, u l-istazzjon ta' Goostrey jinsab distanza żgħir 'il bogħod. Fl-2019, l-osservatorju sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2][3][4]

Snin bikrin immodifika

 
Osservazzjonijiet mill-Osservatorju ta' Jodrell Bank fl-1945

L-Osservatorju ta' Jodrell Bank intuża għall-ewwel darba għal skopijiet akkademiċi fl-1939 meta d-Dipartiment tal-Botanika tal-Università ta' Manchester xtara tliet għelieqi mil-Leighs. L-isem ġej minn tumbata/xatt fil-qrib bl-isem ta' Jodrell Bank, li ngħata f'ġieħ William Jauderell, li kellu dixxendenti li kienu jgħixu fil-villa li issa hija l-Iskola ta' Terra Nova. Is-sit ġie estiż fl-1952 meta nxtara razzett minn George Massey fejn inbena t-Teleskopju ta' Lovell.[5]

Is-sit intuża għall-ewwel darba għall-astrofiżika fl-1945, meta Bernard Lovell uża xi tagħmir li kien baqa' tajjeb wara t-Tieni Gwerra Dinjija, inkluż radar GL Mark II li kien jipprovdi informazzjoni dwar id-distanzi lill-artillerija, biex jiġu investigati r-raġġi kożmiċi.[6] Ir-radar kien jaħdem b'tul tal-mewġ ta' 4.2 metri, li ġie pprovdut minn J. S. Hey.[7][8] Kien biħsiebu juża t-tagħmir f'Manchester, iżda minħabba l-interferenza elettrika mit-trammijiet fuq Oxford Road ma setax jagħmel dan. Huwa ċaqlaq it-tagħmir lejn Jodrell Bank, 40 km fin-Nofsinhar tal-belt, fl-10 ta' Diċembru 1945.[8][9] Ir-riċerka ewlenija ta' Lovell kienet l-eki tranżitorji tar-radju, li sa Ottubru 1946 huwa kkonferma li jiġu minn xijji jonizzanti ta' meteori.[10] L-ewwel membri tal-persunal kienu Alf Dean u Frank Foden li osservaw il-meteori b'għajnejhom filwaqt li Lovell osserva s-sinjal elettromanjetiku bit-tagħmir.[11] L-ewwel darba li Lovell xegħel ir-radar – fl-14 ta' Diċembru 1945 – ix-xita ta' meteori tal-Ġeminidi kienet fl-aqwa tagħha.[9]

Matul il-ftit snin ta' wara, Lovell akkumula iktar tagħmir tar-radju li qabel kien jintuża mill-militar, inkluż kabina portabbli, magħrufa bħala "Park Royal" fil-militar. L-ewwel binja permanenti nbniet ħdejn il-kabina u ngħatat l-istess isem tagħha.[10]

L-Osservatorju ta' Jodrell Bank jintuża primarjament għall-investigazzjoni tal-mewġ tar-radju mill-pjaneti u mill-istilel.

Teleskopju Projettur immodifika

Projettur ġie misluf lill-Osservatorju ta' Jodrell Bank fl-1946 mill-armata; J. Clegg bena matriċi wiesgħa (bl-Ingliż: broadside array) fuq il-qafas tagħha.[12] Kien fih seba' elementi ta' antenni tat-tip Yagi.[13] Kien jintuża għall-osservazzjonijiet astronomiċi f'Ottubru 1946.[14]

Fid-9 u fl-10 ta' Ottubru 1946, it-teleskopju osserva l-jonizzazzjoni fl-atmosfera kkawżata mill-meteori fix-xita ta' meteori tal-Ġakonbinidi. Meta l-antenna ddawret f'90 grad fl-aqwa ta' dik ix-xita ta' meteori, l-għadd ta' individwazzjonijiet naqas għal-livell ta' sfond, u b'hekk intwera li s-sinjali tranżitorji individwati bir-radar kienu ġejjin mill-meteori. Imbagħad it-teleskopju ntuża biex jiġu ddeterminati l-punti radjanti għall-meteori. Dan kien possibbli peress li r-rata tal-eku tkun minima fil-punt radjanti, u massima f'90 grad. It-teleskopju u riċevituri oħra fis-sit studjaw l-istrixxi tal-awrora li kienu viżibbli fil-bidu ta' Awwissu 1947.[15][16]

Binja elenkata u Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
It-Teleskopju ta' Lovell f'inżul ix-xemx

Mit-13 ta' Lulju 1988, it-Teleskopju ta' Lovell ġie ddeżinjat bħala binja elenkata tal-Grad I.[17] Fl-10 ta' Lulju 2017, it-Teleskopju Mark II wkoll ġie ddeżinjat bl-istess grad.[18] Fl-istess data, ħames binjiet oħra fis-sit ġew iddeżinjati bil-Grad II: it-Teleskopju Projettur[19], il-Binja tal-Kontroll[20], il-Binja tal-Park Royal[21], il-Workshop tal-Elettriku[22], u l-Għorfa tal-Kollegament.[23] Il-Grad I huwa l-ogħla mit-tliet gradi tal-elenkar, u jingħata lil binjiet li huma ta' "interess eċċezzjonali", filwaqt li l-Grad II, l-inqas grad, jingħata lil binjiet "ta' interess speċjali".[24]

Fit-43 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO li saret f'Baku, l-Ażerbajġan, fis-7 ta' Lulju 2019, l-Osservatorju ta' Jodrell Bank ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Il-valur universali tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

Referenzi immodifika

  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Six cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  2. ^ "Jodrell Bank gains Unesco World Heritage status" (bl-Ingliż). 2019-07-07. Miġbur 2021-08-22.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Jodrell Bank Observatory". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  4. ^ "A UNESCO World Heritage Site". Jodrell Bank (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  5. ^ Lovell, Bernard (1968). Story of Jodrell Bank. Oxford University Press. ISBN 0-19-217619-6. p. 1.
  6. ^ Lovell, Bernard (1968). Story of Jodrell Bank. Oxford University Press. ISBN 0-19-217619-6. p. 2.
  7. ^ Lovell, Bernard (1990). Astronomer by Chance. London: Macmillan. ISBN 0-333-55195-8. p. 110.
  8. ^ a b Gunn, A. G. (2005). "Jodrell Bank and the Meteor Velocity Controversy". In The New Astronomy: Opening the Electromagnetic Window and Expanding Our View of Planet Earth, Volume 334 of the Astrophysics and Space Science Library. Part 3, pp. 107-118. Springer Netherlands.
  9. ^ a b Lovell, Bernard (1968). Story of Jodrell Bank. Oxford University Press. ISBN 0-19-217619-6. p. 3.
  10. ^ a b Lovell, Bernard (1968). Story of Jodrell Bank. Oxford University Press. ISBN 0-19-217619-6. p. 9.
  11. ^ "Bernard Lovell". The Economist. 2012-08-18.
  12. ^ Lovell, Bernard (1968). Story of Jodrell Bank. Oxford University Press. ISBN 0-19-217619-6. p. 10.
  13. ^ Lovell, Bernard (1990). Astronomer by Chance. London: Macmillan. ISBN 0-333-55195-8. p. 129.
  14. ^ Lovell, Bernard (1990). Astronomer by Chance. London: Macmillan. ISBN 0-333-55195-8. p. 128.
  15. ^ Lovell, Bernard (1968). Story of Jodrell Bank. Oxford University Press. ISBN 0-19-217619-6. p. 15.
  16. ^ Lovell, Bernard (1990). Astronomer by Chance. London: Macmillan. ISBN 0-333-55195-8. p. 186.
  17. ^ "Jodrell Bank Observatory: Lovell Telescope, Goostrey - 1221685 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  18. ^ "Jodrell Bank Observatory: Mark II Telescope, Lower Withington - 1443087 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  19. ^ "Jodrell Bank Observatory: 71MHz Searchlight Aerial, Lower Withington - 1443133 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  20. ^ "Jodrell Bank Observatory: Control Building, Goostrey - 1443868 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  21. ^ "Jodrell Bank Observatory: Park Royal Building, Lower Withington - 1443093 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  22. ^ "Jodrell Bank Observatory: Electrical Workshop (Former Main Office), Lower Withington - 1444238 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  23. ^ "Jodrell Bank Observatory: Link Hut (Cosmic Noise Hut), Lower Withington - 1443486 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.
  24. ^ "What is Listing? | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-22.

Ħoloq esterni immodifika