Moskea ta' Selimiye (Edirne)

moskea f’Edirne, it-Turkija

Il-Selimiye Mosque (bit-Tork: Selimiye Camii) hija moskea imperjali Ottomana li tinsab fil-belt ta' Edirne (magħrufa preċedentement bħala Adrianopoli) fit-Turkija, qrib ħafna tal-fruntiera mal-Bulgarija. Il-moskea, li hija għolja 83 metru[1], ġiet ikkummissjonata mis-Sultan Selim II u nbniet mill-arkitett imperjali Mimar Sinan bejn l-1568 u l-1575.[2] Sinan kien iqis din il-moskea bħala l-kapulavur tiegħu u fil-fatt hija waħda mill-aqwa kisbiet tal-arkitettura Iżlamika u tal-arkitettura Ottomana. Il-moskea kienet tidher fil-parti ta' wara tal-karti tal-flus Torok tal-10,000 liri mill-1982 sal-1995.[3]

Il-Moskea ta' Selimiye u l-istatwa tal-arkitett Sinan f'Edirne

Il-moskea tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[4]

Deskrizzjoni

immodifika
 
Veduta tal-moskea u tal-minareti twal tagħha mill-bogħod

Din il-moskea grandjuża tinsab fiċ-ċentru ta' külliye (kumpless ta' sptar, skola, librerija u/jew banjijiet madwar moskea) li tinkludi madrasa (akkademja Iżlamika fejn jingħataw lezzjonijiet Iżlamiċi u xjentifiċi), dar-ül hadis (skola ta' Al-Hadith), kamra għaż-żamma tal-ħin u arasta (ringiela ta' ħwienet). F'din il-moskea, Sinan fassal sistema ottagonali ta' sostenn permezz ta' tmien pilastri inċiżi f'qafas kwadru ta' ħitan. L-erba' semikoppli fl-irkejjen tal-qafas kwadru wara l-ħnejjiet li jiffurmaw mill-pilastri, huma sezzjonijiet intermedjarji bejn il-koppla ewlenija enormi b'dijametru ta' 31.25 metru (bi profil sferiku) u l-ħitan.

 
Dettall tal-madum tal-moskea bil-kalligrafija Iznik

Filwaqt li l-moskej konvenzjonali kienu limitati bi spazji interni segmentati, f'Edirne Sinan ħoloq struttura li kienet tippermetti li l-mihrab tibqa' tidher minn kwalunkwe post fi ħdan il-moskea. Il-Moskea ta' Selimiye għandha koppla ċentrali enormi mdawra b'erba' minareti għoljin. Mad-dawra tal-moskea ġew miżjuda bosta binjiet oħra, fosthom librerija, skejjel, banjijiet, kċejjen għall-foqra, swieq, sptarijiet u ċimiterju. Dawn il-binjiet annessi kienu allinjati assjalment u raggruppati kemm jista' jkun. Quddiem il-moskea hemm spazju rettangolari fil-beraħ b'erja daqs dik tal-moskea. Madankollu, l-innovazzjoni ma kinitx id-daqs tal-binja, iżda l-organizzazzjoni tal-ispazju tagħha fuq ġewwa. Il-mihrab tressqet lura f'alkova qisha apsida bi spazju fond biżżejjed li jippermetti lid-dawl naturali jidħol mit-twieqi minn tliet naħat. B'hekk, meta jkun bnazzi, il-madum tal-moskea fuq il-ħitan baxxi ġewwa jleqq bir-raġġi tax-xemx. L-amalgamazzjoni tas-sala prinċipali tifforma fużjoni ta' ottagonu mal-ispazju kwadru mgħotti bil-koppla. L-ottagonu, iffurmat bi tmien riffieda kbar tal-koppla, huwa mniffed mill-erba' rkejjen tal-ispazju kwadru mgħottija b'qishom nofs koppli. Il-ġmiel li jirriżulta mill-konformità tal-għamliet ġeometriċi inkorporati f'xulxin kien il-qofol tat-tiftix tul il-ħajja ta' Sinan għal spazju fuq ġewwa unifikat.

Fl-assedju Bulgaru ta' Edirne fl-1913, il-koppla tal-moskea ntlaqtet mill-artillerija Bulgara. Bis-saħħa tal-kostruzzjoni tal-koppla li kienet tiflaħ ferm, il-moskea ħelsitha ħafif fl-assedju u ġarrbet ftit ħsarat biss. Skont l-ordni ta' Mustafa Kemal Pasha, ma ġietx restawrata minn dak iż-żmien 'l hawn, sabiex isservi ta' twissija għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-ħsara għadha tidher fuq il-koppla, biswit il-kalligrafija ħamra skura li tinsab lejn ix-xellug taż-żona blu ċentrali.

Fl-1865, Baha'u'llah, il-fundatur tal-fidi Baha'i, wasal Edirne flimkien mal-familja tiegħu bħala ħabsin tal-Imperu Ottoman u kien jirresjedi f'dar ħdejn il-Moskea ta' Selimiye, li kien iżur spiss sal-1868. Jingħad li kellu dibattitu miftuħ fil-moskea ma' Mirza Yahya, avveniment storiku importanti li jiddistingwi l-fidi Baha'i minn dawk li kienu kissru l-patt u li kienu mmexxija minn Mirza Yahya.[5][6]

Arkitettura

immodifika
 
L-arkitettura tal-koppla ċentrali minn ġewwa

Il-Moskea ta' Selimiye nbniet meta s-setgħa militari u kulturali Ottomana kienet fl-aqwa tagħha. L-imperu kien beda jikber u l-imperatur kien ħerqan li jiċċentralizza l-belt ta' Edirne. Sinan ġie mqabbad biex jgħin fil-kostruzzjoni tal-Moskea ta' Selimiye, u ħadem qatigħ biex il-moskea tispikka u taqdi l-iskop ta' ċentralizzazzjoni tal-belt.[7]

 
Dettall tal-koppla ċentrali tal-moskea

Bħall-moskej Ottomani l-oħra kollha ta' perjodi iktar bikrin, il-Moskea ta' Selimiye kellha għadd ta' koppli żgħar u ta' nofs koppli. Madankollu, fil-kostruzzjoni tal-Moskea ta' Selimiye l-għan kien li l-moskea tidher bħala unità waħdanija minn ġewwa jew minn barra, u mhux bħala mases separati. Sinan kien jemmen li l-kostruzzjoni ta' koppla unika kienet l-unika soluzzjoni biex dan tassew jinkiseb. Għalhekk, huwa ddeċieda b'mod ambizzjuż li jissostitwixxi l-għadd kbir ta' koppli fin-nofs tal-istruttura b'koppla enormi waħda. L-awtur ta' Other Colors, Orhan Pamuk isemmi li huwa ra konnessjoni bejn ix-xewqa marbuta mal-koppla ċentrali u ċ-ċentralizzazzjoni tal-bidliet politiċi u ekonomiċi tal-imperu, iżda din l-idea ġiet irrifjutata minn ktieb ieħor miktub mill-ħabib ta' Sinan, Sai, fejn jingħad li Sinan kien tnebbaħ mill-Hagia Sophia ta' Istanbul. X'aktarx din l-idea hija iktar kredibbli minħabba kwotazzjoni ta' Sinan fejn isostni li huwa bena koppla saħansitra ogħla mill-Hagia Sophia: “F'din il-moskea...jiena bnejt koppla sitt kubiti ogħla u erba' kubiti usa' mill-koppla tal-Hagia Sophia”.[8]

 
Il-mihrab tal-moskea

Sabiex tinġibed l-attenzjoni lejn l-istruttura ċentralizzata tal-moskea, u sabiex din tiġi enfasizzata, il-kollokazzjoni tradizzjonali ta' minareti b'daqs differenti tneħħiet mid-disinn peress li Sinan kien jemmen li kaskata ta' koppli iżgħar u ta' nofs koppli kif kienu jinbnew tradizzjonalment qabel kienet apparatement iċċekken id-daqs ġgantesk tal-koppla ċentrali unika. Barra minn hekk, inbnew erba' minareti identiċi f'kull kantuniera taz-zuntier tal-irħam ta' quddiem il-moskea sabiex tinġibed l-attenzjoni iktar fuq il-koppla ċentrali. Skont il-ħsieb tal-istudjuż Ottoman Gulru Necipoglu, l-erba' minareti vertikali ġejjin għall-ponta jamplifikaw ix-xeħta 'l fuq tal-istruttura, bħal donnhom resqin sparati lejn is-sema minn kull kantuniera tal-moskea. Peress li l-koppla l-kbira titla' dejjem 'il fuq miċ-ċentru tagħha, din toħloq interdipendenza armonjuża man-nofs koppli, mat-torrijiet li jifilħu l-piż tagħha, u mill-bosta riffieda ta' madwarha. Kien jingħad ukoll li l-arkitettura ċirkolari kienet tirrappreżenta t-twaħħid tal-umanità favur l-ideoloġija sempliċi taċ-ċirku (jew tal-katina) tal-ħajja. Is-simetriji viżibbli u inviżibbli tal-moskea minn barra u minn ġewwa jevokaw il-perfezzjoni ta' Alla permezz tal-istruttura sempliċi u setgħana tal-koppla u tal-ġebel mingħajr dekorazzjoni fuq barra.

 
Il-koppla ewlenija tal-moskea mill-viċin

Il-moskea fuq ġewwa rċeviet diversi rikonoxximenti għas-simetrija u għall-ġeometrija tal-istruttura nnifisha. L-aspetti esterni monumentali kienu jixhdu l-ġid u l-poter tal-Imperu Ottoman, filwaqt li l-aspetti interni simetriċi u sempliċi kienu jfakkru lis-slaten li kien jeħtieġ ikollhom qalb umli u mimlija fidi biex ikunu jistgħu jikkomunikaw m'Alla. Meta wieħed jidħol fil-moskea, suppost li jinsa l-poter, id-determinazzjoni, il-ġid u l-ħila teknika tal-Imperu Ottoman u jiffoka fuq Alla.[8]

Il-moskea kienet tiddawwal minn għadd ta' twieqi żgħar ħafna, u d-drabi meta d-dawl kien jilgħab bejn bati jew qawwi kien jiġi interpretat bħala kemm l-umanità hija insinifikanti. Il-Moskea ta' Selimiye mhux biex biss kienet tgħaġġeb lill-pubbliku li kien jaraha jew iżurha bl-arkitettura esterna simetrika u stravaganti, talli kienet tagħmel l-istess anke bl-arkitettura interna simetrika u sempliċi, għaliex kienet tiġbor fiha l-ħsieb arkitettoniku Ottoman kollu fi struttura waħda.[8]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Moskea ta' Selimiye f'Edirne, flimkien mal-külliye tagħha, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[4]

Il-valur universali straordinarju tagħha ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Architecture, Jonathan Glancey, p. 207, 2006.
  2. ^ Kiuiper, Kathleen (2009). Islamic Art, Literature, and Culture. Rosen Education Service. pp. 201. ISBN 978-1-61530-019-8.
  3. ^ "10,000 Turkish Lira, Turkey". en.numista.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-10.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Selimiye Mosque and its Social Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-10.
  5. ^ The Bábí and Bahá'í religions 1844-1944 : some contemporary western accounts. Momen, Moojan. Oxford: G. Ronald. 1981. ISBN 0853981027.
  6. ^ Momen, Moojan (1981). The Bábí and Bahá'í religions 1844-1944: some contemporary western accounts. Oxford: G. Ronald. ISBN 9780853981022.
  7. ^ Pamuk, Orhan (2007). Other Colors. Alfred A. Knoff. ISBN 978-0-307-26675-0.
  8. ^ a b ċ Blair, Sheila; Bloom, Jonathan M. (1995-01-01). The Art and Architecture of Islam 1250-1800. Yale University Press. ISBN 0300064659.