Gazzetta tal-Gvern ta' Malta
Il-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta (Ingliż: Malta Government Gazette, Taljan: Gazzetta del Governo di Malta) hija gazzetta uffiċjali ppublikata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Gvern ta' Malta. Ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1813 meta l-gżejjer kienu kolonja Ingliża, u baqgħet tiġi ppubblikata wara li Malta saret indipendenti fl-1964. Illum il-gazzetta hija kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż; edizzjonijiet ta' qabel l-indipendenza kienu bit-Taljan jew b'taħlita ta' xi wħud minn dawn it-tliet lingwi. Mill-2015 il-gazzetta qed tiġi ppubblikata b'format diġitali, għalkemm ammont limitat ta' kopji fiżiċi huma stampati biex jinżammu f'arkivji.
Storja
immodifikaIl-Journal de Malte, gazzetta ppublikata fi żmien l-okkupazzjoni Franċiża tal-1798, hi meqjusa bħala l-predeċessur tal-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta.[1][2] Wara li Malta saret protettorat tal-Ingliżi fl-1800, diversi gazzetti ġew ippublikati mill-gvern b'numru ta' titli differenti: Foglio d'Avvisi (1803–1804), L'Argo (1804), Il Cartaginese (1804–1805) u l-Giornale di Malta (1812–1813).[3][4]
L-ewwel edizzjoni tal-Gazzetta del Governo di Malta ġiet ippublikata fis-27 t'Ottubru 1813. L-ewwel edizzjoni bit-titlu Malta Government Gazette bl-Ingliż kienet ippublikata fis-7 t'Awwissu 1816.[1] Qabel Malta ngħatat il-libertà tal-istampa fl-1839, din kienet l-unika gazzetta ppublikata fil-gżejjer Maltin.[5] Wara l-1930, il-gazzetta bdiet tiġi ppublikata bi tliet lingwi: l-Ingliż, il-Malti u t-Taljan.[1]
Wara l-indipendenza fl-1964, il-gazzetta bdiet tiġi ppublikata bil-Malti u l-Ingliż, bit-titlu bil-Malti ta' Gazzetta tal-Gvern ta' Malta. Edizzjonijiet stampati tal-gazzetta twaqqfu fl-2015, u minn dakinhar 'l hawn il-gazzetta saret disponibbli biss bħala verżjoni diġitali fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Madankollu, 25 kopja fiżika ta' kull edizzjoni baqgħu jiġu stampati sabiex jinżammu mid-Dipartiment tal-Informazzjoni u mill-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta.[1]
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni għandu arkivji ta' edizzjonijiet tal-gazzetta ppublikati mill-1813.[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e "Id-Dipartiment tal-Informazzjoni – snin twal ta' aħbarijiet u tagħrif". publicservice.gov.mt. 25 ta' Marzu 2020. Arkivjat mill-oriġinal fit-22 ta' Lulju 2020.
- ^ Grima, Joseph F. (14 ta' Lulju 2019). "It happened this month: The publication of Malta's first newspaper" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat mill-oriġinal fis-27 ta' Ġunju 2020.
- ^ Hough, Barry; Davis, Howard; Davis, Lydia (2010). Coleridge's Laws: A Study of Coleridge in Malta (bl-Ingliż). Open Book Publishers. p. 155. ISBN 9781906924126.
- ^ "Collections" (bl-Ingliż). Malta Libraries. Ministeru tal-Edukazzjoni. Arkivjat mill-oriġinal fl-10 ta' Marzu 2015.
- ^ Mangion, Fabian. (8 ta' Marzu 2015). "Recalling a brave, sincere patriot forgotten by Malta" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat mill-oriġinal fl-24 ta' Diċembru 2018.