Krater ta' Vredefort
Il-Krater ta' Vredefort huwa wieħed mill-ikbar siti vverifikati fejn seħħ impatt mad-Dinja.[1] Ġie stmat li l-krater, li mill-mument tal-impatt 'l hawn ittiekel bl-erożjoni, kellu wisa' ta' bejn 170 u 300 kilometru (bejn 110 u 190 mil) meta fforma.[2][3] Il-kumplament tal-istruttura, magħmul mis-saff ewlieni tal-blat iddeformat ta' taħt nett, jinsab fil-provinċja attwali tal-Istat Ħieles tal-Afrika t'Isfel. Ingħata isem ir-raħal ta' Vredefort li jinsab qrib iċ-ċentru tiegħu. L-olzar tettoniku ċentrali tal-istruttura huwa magħruf bħala l-Krater ta' Vredefort. L-istruttura tal-impatt ġiet iffurmata matul il-Perjodu Paleoproterożojku, 2.023 biljun (± 4 miljun) seba ilu. Hija t-tieni l-eqdem struttura ta' impatt fid-Dinja, wara Yarrabubba.
Fl-2005, il-Krater ta' Vredefort tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-importanza ġeoloġika tiegħu.[4]
Formazzjoni u struttura
immodifikaHuwa stmat li l-asterojde li laqtet Vredefort kienet waħda mill-ikbar li qatt laqtet lid-Dinja mill-Perjodu Hadean madwar erba' biljun sena ilu, u oriġinarjament kien maħsub li kellha dijametru ta' madwar 10-15-il kilometru (6.2-9.3 mili).[5] Mill-2022, ġie stmat li l-asterojde kellha dijametru ta' madwar 20-25 kilometru (12-16-il mil) u li laqtet id-Dinja b'veloċità vertikali ta' 15-25 kilometru fis-sekonda (34,000-56,000 mph).
Huwa stmat li l-istruttura oriġinali tal-impatt kellha dijametru ta' mill-inqas 170 kilometru (110 mili), b'impatt li affettwa l-istruttura tal-blat tal-madwar f'reġjun ċirkolari b'dijametru ta' madwar 300 kilometru (190 mil). Stimi oħra sostnew li d-dijametru oriġinali tal-krater kien eqreb it-300 kilometru (190 mil). Minn dak iż-żmien tal-impatt, il-pajsaġġ għadda minn erożjoni ta' madwar 7-11-il kilometru (4.3-6.8 mili) mill-formazzjoni tiegħu, li qered il-krater oriġinali. L-istruttura li għad fadal, imsejħa l-"Krater ta' Vredefort", tikkonsisti minn ċirku parzjali ta' għoljiet b'dijametru ta' 70 kilometru (43 mil), u hija l-fdalijiet ta' olzar ċentrali tal-art maħluq miċ-ċaqliq tal-blat taħt is-sit tal-impatt wara li seħħ l-impatt tal-asterojde.
Skont ċertu stimi l-istruttura għandha bejn 2.023 biljun sena (± 4 miljun sena) u 2.019/2.020 biljun sena (± 2-3 miljun sena), u b'hekk tmur lura għall-Perjodu Orosirjan tal-Era Paleoproterożojka.[6] Hija t-tieni l-eqdem struttura ta' impatt fid-Dinja aċċettata b'mod universali. Bħala tqabbil, hija madwar 10 % eqdem mill-impatt tal-Baċir ta' Sudbury (1.849 biljun sena) u l-impatt ta' Yarrabubba huwa eqdem minn dak ta' Vredefort b'madwar 0.2 biljun sena.[7] Strutturi ta' impatt oħra iktar antiki jew diffiċli jiġi kkwantifikat meta seħħew eżattament (bħall-istruttura ta' impatt ta' Dhala, l-Indja) jew jew hemm evidenza tassew kontenzjuża dwar meta seħħ l-impatt bħal fil-każ tal-istruttura ta' impatt ta' Maniitsoq ta' madwar 3.023 biljun sena fil-Punent ta' Greenland u fil-każ tal-istruttura ta' impatt ta' madwar 2.4 biljun sena f'Suavjärvi, ir-Russja. Il-klassifikazzjoni tagħhom bħala strutturi ta' impatt għadha kontroversjali u mhux solvuta.[8]
Il-krater fiċ-ċentru tal-istruttura ta' impatt oriġinarjament kien maħsub li fforma permezz ta' splużjoni vulkanika, iżda f'nofs is-snin 90 tas-seklu 20, ħareġ fid-dieher li kien is-sit ta' impatt enormi ta' asterojde, peress li ġew skoperti koni fil-qiegħ tax-xmara Vaal fil-qrib li ffurmaw bl-isplużjoni tal-impatt.
Din l-istruttura ta' impatt hija waħda mill-ftit strutturi ta' impatt b'diversi ċrieki fid-Dinja, għalkemm dawn huma komuni fi pjaneti oħra fis-Sistema Solari. X'aktarx li l-aqwa eżempju magħruf huwa dak tal-Krater ta' Valhalla fuq il-qamar ta' Ġove msejjaħ Callisto. Il-qamar tad-Dinja fih strutturi simili wkoll. Il-proċessi ġeoloġiċi, bħall-erożjoni u l-attività tettonika tal-plakek f'wiċċ id-dinja, qerdu l-biċċa l-kbira tal-istrutturi ta' impatt b'diversi ċrieki fid-Dinja.
L-impatt ħoloq distorsjoni fi ħdan il-Baċir ta' Witwatersrand li nqeleb ta' taħt fuq matul perjodu ta' 250 miljun sena bejn 950 u 700 miljun sena qabel l-impatt ta' Vredefort. Il-lava sovrastanti ta' Ventersdorp u s-Supergrupp ta' Transvaal li ġew stabbiliti bejn 700 u 80 miljun sena qabel l-impatt, ġew distorti b'mod simili mill-formazzjoni tal-istruttura ta' impatt wiesgħa 300 kilometru (190 mil). Il-blat jifforma ċrieki konċentriċi parzjali madwar iċ-ċentru tal-istruttura ta' impatt, u l-eqdem fosthom, magħrufa bħala l-blat ta' Witwatersrand, jiffurmaw nofs ċirku 25 kilometru (16-il mil) miċ-ċentru. Peress li l-blat ta' Witwatersrand jikkonsisti minn diversi saffi ta' sedimenti iebsin ħafna u reżistenti għall-erożjoni (eż. kwarzit u blat tal-ħadid bl-istrixxi), dawn jiffurmaw l-ark prominenti ta' għoljiet viżibbli lejn il-Majjistral taċ-ċentru tal-istruttura ta' impatt. Imbagħad jiġi l-blat ta' Witwatersrand, segwit mil-lava ta' Ventersdorp f'distanza ta' madwar 35 kilometru (22 mil) miċ-ċentru, u s-Supergrupp ta' Transvaal, li jikkonsisti minn medda dejqa tal-blat dolomitiku ta' Ghaap u l-blat tas-Subgrupp ta' Pretoria, li flimkien jiffurmaw medda ulterjuri ta' wiesgħa madwar 25-30 kilometru (16-19-il mil).[9]
Minn madwar nofs l-istruttura sal-blat tas-Subgrupp ta' Pretoria madwar iċ-ċentru tal-istruttura ta' impatt, l-ordni tal-blat huwa maqlub ta' taħt fuq. Iktar 'il barra lejn fejn kien hemm tarf il-krater fl-imgħoddi, jerġa' jfeġġ il-blat dolomitiku ta' Ghaap, 60 kilometru (37 mil) miċ-ċentru, segwit minn ark tal-lava ta' Ventersdorp, u mbagħad, bejn 80 u 120 kilometru (bejn 50 u 75 mil) miċ-ċentru, jerġgħu jfeġġu l-blat ta' Witwatersrand u jiffurmaw ark ta' rqajja' bix-xagħri mingħajr interruzzjoni. Il-grupp ta' Johannesburg huwa l-iżjed wieħed famuż minħabba li fl-1886 hemmhekk ġie skopert id-deheb. Għalhekk huwa possibbli li kieku l-impatt ta' Vredefort qatt ma seħħ, dan id-deheb qatt ma kien jiġi skopert.
Iċ-ċentru tal-Krater ta' Vredefort b'dijametru ta' 40 kilometru (25 mil) jikkonsisti minn krater tal-granit (fejn mhux miksi bi blat inqas antik li qabel kien tas-Supergrupp ta' Karoo) li huwa parti esposta tal-Kraton ta' Kaapvaal, wieħed mill-eqdem mikrokontinenti tad-Dinja 3.9 biljun sena ilu. Dan il-krater olzat ċentrali huwa tipika ta' struttura kumplessa ta' impatt, fejn il-blat likwefatt litteralment iċafċaf mal-impatt tal-asterojde meta daħlet f'kuntatt mal-wiċċ.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Krater ta' Vredefort ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[4]
Konservazzjoni
immodifikaIs-sit tal-Krater ta' Vredefort attwalment huwa soġġett għal żvilupp ta' proprjetajiet, u s-sidien tal-art lokali esprimew it-tħassib tagħhom rigward ir-rimi tad-dranaġġ fix-xmara Vaal u l-istruttura tal-impatt. L-għoti ta' drittijiet tat-tħaffir madwar it-truf tal-istruttura tal-impatt wassal biex l-ambjentalisti jesprimu l-biża' tagħhom li jkun hemm estrazzjoni distruttiva.
Komunità
immodifikaIl-Krater ta' Vredefort fiċ-ċentru tal-istruttura tal-impatt fih erba' rħula: Parys, Vredefort, Koppies u Venterskroon. Parys huwa l-ikbar raħal u ċentru turistiku; Vredefort u Koppies jiddependu l-iktar fuq ekonomija agrikola.
Fid-19 ta' Diċembru 2011 ingħatat liċenzja tax-xandir mill-ICASA lil stazzjon tar-radju tal-komunità biex ixandar għall-membri tal-komunità li jitkellmu bl-Afrikaans u bl-Ingliż fi ħdan l-istruttura tal-impatt. L-isem bl-Afrikaans Koepel Stereo (Stereo tal-Krater) jirreferi għall-krater u jħabbar ix-xandir tiegħu bħala KSFM. L-istazzjon ixandar fuq 94.9 MHz FM.
Referenzi
immodifika- ^ Rochester, University of. "The asteroid that formed Vredefort crater was bigger than previously believed". phys.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-22.
- ^ Huber, M. S.; Kovaleva, E.; Rae, A. S. P.; Tisato, N.; Gulick, S. P. S. (August 2023). "Can Archean Impact Structures Be Discovered? A Case Study From Earth's Largest, Most Deeply Eroded Impact Structure". Journal of Geophysical Research: Planets. 128 (8).
- ^ Allen, Natalie H.; Nakajima, Miki; Wünnemann, Kai; Helhoski, Søren; Trail, Dustin (2022). "A Revision of the Formation Conditions of the Vredefort Crater". Journal of Geophysical Research: Planets. 127 (8): e2022JE007186.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Vredefort Dome". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-22.
- ^ McCarthy, Terence (2005). The Story of Earth & Life. Struik Publishers. pp. 89–90, 102–107, 134–136. ISBN 978-1-77007-148-3.
- ^ Kamo, S.L.; Reimold, W.U.; Krogh, T.E.; Colliston, W.P. (November 1996). "A 2.023 Ga age for the Vredefort impact event and a first report of shock metamorphosed zircons in pseudotachylitic breccias and Granophyre". Earth and Planetary Science Letters. 144 (3–4): 369–387.
- ^ Moser, D. E. (1997). "Dating the shock wave and thermal imprint of the giant Vredefort impact, South Africa". Geology. 25 (1): 7.
- ^ Reimold, W.U.; Ferrière, L.; Deutsch, A.; Koeberl, C. (2014). "Impact controversies: impact recognition criteria and related issues". Meteoritics & Planetary Science. 49 (5): 723–731.
- ^ Norman, Nick; Whitfield, Gavin (2006). Geological Journeys. Struik Publishers. pp. 38–49, 60–61. ISBN 978-1-77007-062-2.