Kernavė
Kernavė kienet il-belt kapitali Medjevali[1] tal-Gran Dukat tal-Litwanja u llum hija attrazzjoni turistika u sit arkeoloġiku. Il-popolazzjoni ta' Kernavė lanqas tlaħħaq it-300 ruħ (272 fl-2011). Kernavė tinsab fil-muniċipalità distrettwali ta' Širvintos fix-Xlokk tal-Litwanja. Fl-2003 ġiet stabbilita Riżerva Kulturali Statali tal-Litwanja u fl-2004 is-sit arkeoloġiku ta' Kernavė tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Kernavė | |||
---|---|---|---|
Litwanja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Litwanja | ||
District municipality of Lithuania | Širvintos District Municipality (en) | ||
Isem uffiċjali | Кернаў | ||
Ismijiet oriġinali | Kernavė | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 54°53′N 24°51′E / 54.88°N 24.85°EKoordinati: 54°53′N 24°51′E / 54.88°N 24.85°E | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 272 abitanti (2011) | ||
kernave.org… |
Ġeografija
immodifikaKernavė huwa raħal żgħir fix-Xlokk tal-Litwanja, li jinsab fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara Neris. Jinsab xi 21 kilometru 'l bogħod minn Širvintos u xi 35 kilometru 'l bogħod mill-belt kapitali attwali Vilnius. Tinsab qrib l-awtostradi Vilnius-Kaunas (18-il kilometru) u Vilnius-Panevėžys (17-il kilometru). Wieħed jista' anke jivvjaġġa lejn Kernavė minn Vilnius bid-dgħajsa minn fuq ix-xmara Neris.
Ismijiet alternattivi
immodifikaKernavė huwa magħruf ukoll b'ismijiet oħra, fosthom Kernavos, Kernovo, Kiernowo, Kiernów (bil-Pollakk), u Kernuvke (bil-Yiddish).[3][4]
Storja
immodifikaIż-żona ta' Kernavė kienet abitata b'mod mhux iffullat lejn l-aħħar taż-Żmien Paleolitiku, u l-għadd ta' insedjamenti żdied b'mod sinifikanti fiż-Żmien Mesolitiku u fiż-Żmien Neolitiku.
Ir-raħal issemma għall-ewwel darba fl-1279, meta, bħala l-belt kapitali tal-Gran Duka Traidenis, ġiet assedjata mill-Kavallieri Tewtoniċi. Fl-1390, matul il-Gwerra Ċivili Litwana (1389-1392), il-kavallieri ħarqu r-raħal kollu l-binjiet tiegħu fil-wied ta' Pajauta, inkluż il-kastell. Wara dan l-attakk, ir-raħal ma reġax inbena, u l-bqija tar-residenti resqu lejn il-quċċata tal-għolja minflok baqgħu fil-wied.
Iktar 'il quddiem, il-fdalijiet tar-raħal intradmu b'saff tat-tajn mill-għargħar tax-xmara li fforma torba mxarrba. Dan is-saff ippreserva il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet, li baqgħu prattikament intatti sa żminijietna, u għaldaqstant dan kien manna għall-arkeologi, tant li Kernavė kienet bdiet tissejjaħ it-"Trojja tal-Litwanja". Pereżempju, Kernavė għandha l-eqdem medgrinda magħrufa, li hija triq sigrieta taħt l-ilma li ġiet pavimentata bl-injam. It-triq kienet tintuża għad-difiża u tmur lura għas-sekli 4 sa 7.[5]
Fl-1613, ir-raħal kien immarkat fuq mappa famuża tal-Gran Dukat tal-Litwanja — Magni Ducatus Lithuaniae, et Regionum Adiacentium exacta Descriptio li ġiet stampata f'Amsterdam u li ġiet iffinanzjata mis-sinjurun Litwan Mikalojus Kristupas Radvila Našlaitėlis.
Is-sit reġa' beda jrawwem interess wiesa' lejn nofs is-seklu 19, meta r-rumanzier Feliks Bernatowicz iddeskrieva ż-żona fir-rumanz tiegħu "Pojata, córka Lizdejki" ("Pajauta, Bint Lizdeika", Varsavja, fl-1826). Il-ħames fortijiet fl-għoljiet ġew skavati mill-aħwa Tyszkiewicz u mbagħad minn Władysław Syrokomla fl-1859. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-iskavi reġgħu nbdew mill-Università ta' Vilnius fl-1979, u mill-ġdid mill-Istitut Litwan għall-Istorja bejn l-1980 u l-1983. Ir-Riżerva Kulturali Statali ta' Kernavė nħolqot fl-2003.[2]
Arkitettura
immodifikaKnisja
immodifikaMaġenb il-knisja attwali għad hemm is-sisien jidhru tal-knejjes preċedenti. Il-pedamenti tal-knisja li nbniet fl-1739 ġew skavati. Din il-knisja tal-injam kienet ġiet imċaqilqa fl-1935 lejn Krivonys. Monument tal-konkos b'salib li nbena fl-1930 matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-500 anniversarju tal-mewt ta' Vytautas iservi bħala mafkar tal-Knisja ta' Vytautas li kienet inbniet fl-1420.
Mis-seklu 15 sas-seklu 19, iċ-ċittadini ta' Kernavė ndifnu fl-art madwar il-knejjes antiki. Hemm ukoll żewġ kappelli fil-qrib. Il-kappella tal-injam hija eżempju ta' arkitettura folkloristika. Jingħad li nbniet fl-aħħar tas-seklu 13 fuq l-art ta' Kernavelė, u mbagħad ġiet imċaqilqa ħdejn il-Knisja ta' Kernavė. Fl-aħħar tas-seklu 19 il-knisja ntużat bħala maħżen.
Fl-1920 inbniet knisja ġdida, u l-kappella tħalliet titmermer peress li ma baqgħetx parti mill-knisja. Fl-1959 ġiet imsewwija u fl-1993-1994 ġiet irrestawrata. Il-binja tifforma parti mill-parroċċa ta' Kernavė u tintuża għal wirjiet dwar l-iskultura tal-knisja tal-injam.
Il-kappella tal-brikks tas-seklu 19 fiha l-mawżolew tal-familja Romer. Din inbniet fl-1851-1856 mis-sid tal-art Stanisław Romer. Il-kappella hija eżempju tal-Klassiċiżmu aħħari bil-brikks u t-tkaħħil. Il-kappella hija żgħira u għandha pjanta ottagonali, li mhix tas-soltu għall-Klassiċiżmu. Fuq ġewwa, hemm fetħa fl-art li tagħti għall-kripta. It-twiebet kienu jitpoġġew f'niċeċ u jingħalqu fihom bil-brikks. Il-mensa tal-ġebel tal-kappella għadha intatta. Hemm lapidi kommemorattivi bl-istemmi araldiċi u l-ismijiet tal-membri tal-familja Riomeriai mal-ħitan fuq bankijiet suwed. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-kappella ġiet ittraskurata. Madankollu, fl-1959 u fl-1987 ġiet imsewwija mill-ġdid. Attwalment, il-kappella tagħmel parti mill-parroċċa ta' Kernavė.
Iż-żewġ kappelli jinsabu fir-riżerva arkeoloġika u storika ta' Kernavė. Il-knisja moderna nbniet bejn l-1910 u l-1920. Fl-arkitettura tal-knisja huma dominanti l-elementi Neo-Gotiċi.
Matul is-snin 80 tas-seklu 20, bl-inizjattiva tal-Monsinjur Česlovas Krivaitis, il-madwar tal-knisja ġie rinnovat, inbnew bibien ġodda u l-altar u l-ispazji fuq ġewwa ġew irrestawrati. Fuq barra tal-knisja hemm il-posti tal-Via Crucis, irranġati mill-artist Jadvyga Grisiūtė. Hemm ukoll żewġ monumenti li nbnew bħala mafkar tas-600 anniversarju tal-Kristjaneżmu u s-700 anniversarju tal-ewwel darba li ssemma isem ir-raħal ta' Kernavė. L-ewwel monument fih qiegħa ta' fuklar u xabla, li jirrappreżentaw it-tranżizzjoni bejn il-Paganiżmu u l-Kristjaneżmu, filwaqt li t-tieni monument fih kavallier b'xabla f'idu bilwieqfa bejn il-bibien tal-belt, il-parti prinċipali tal-istemma araldika tar-raħal. Hemm moli inkorporati fl-istrutturi taż-żewġ monumenti. Il-qabar tal-qassis, il-kittieb u l-promotur tal-istorja ta' Kernavė, Nikodemas Švogžlys-Milžinas jinsab ħdejn il-monument li jfakkar is-700 anniversarju ta' Kernavė.
Fil-knisja hemm diversi opri tal-arti, fosthom l-artal prinċipali, żewġ pitturi, żewġ skulturi, artal żgħir u qanpiena dekorattiva. L-artal tan-navata tal-ġenb huwa Neo-Barokk. Fuqu, fin-nofs, hemm pittura msemmija Marija Škaplierinė, u fuq il-ġnub hemm kolonni u skulturi ta' San Pietru u San Pawl. Barra minn hekk, hemm ħames skulturi żgħar oħra tal-Madonna, żewġ anġli u żewġ qaddisin. L-iskulturi kollha għandhom stil Barokk. Id-dettalji arkitettoniċi polikromatiċi tal-artal huma parti mill-effett tal-irħam falz, b'karatteristiċi tal-bronż.
Il-pittura Marija Škaplierinė ta' fuq l-artal fin-navata ċentrali tpittret fl-1816 u tirrappreżenta l-Madonna bil-Bambin, Alla l-Missier, u l-Ispirtu s-Santu (ħamiema). Hemm pittura tal-Familja Mqaddsa li tpittret fis-seklu 18. Il-pittura turi l-Madonna bil-Bambin u ħaruf. Fl-isfond hemm San Ġużepp; u fuqhom għadd ta' anġli. Il-kompożizzjoni hija asimetrika, b'diversi linji ta' perspettiva.
Fost l-opri tal-arti tal-knisja hemm ukoll artal żgħir mill-bidu tas-seklu 19 u qanpiena tas-seklu 17. Il-qanpiena ġiet fonduta f'Vilnius fl-1667 u għandha dijametru ta' 45 cm. Fis-snin 80 tas-seklu 20, bis-saħħa tal-isforzi tal-Monsinjur Ceslovas Krivaitis, inbena presbiterju mhux tradizzjonali, u l-madwar ġie rranġat.
Fil-presbiterju hemm wirja tal-ħajja tradizzjonali tal-membri tal-parroċċa, u relikwi storiċi u sagri. Fl-1987 infetaħ mużew tar-relikwi tas-sagrament fil-binja tal-presbiterju l-antik. Fis-sala parrokjali hemm skultura tal-Lupu tal-Ħadid li reġgħet inbniet. L-attivitajiet kulturali tal-knisja jikkontribwixxu għal ħafna mill-ħajja storika u kulturali ġenerali ta' Kernavė. Hemm bankina wiesgħa li twassal mill-knisja għaċ-ċentru tar-raħal. Il-Mużew Storiku Arkeoloġiku Statali ta' Kernavė u l-uffiċċju distrettwali ġew imċaqilqa fiċ-ċentru kulturali skont id-disinn tal-arkitett A. Alekna.
Skola primarja
immodifikaL-Iskola Primarja ta' Kernavė hija binja ta' żewġ sulari li nbniet fl-1929. Hawnhekk, fit-28 ta' Diċembru 1930, l-għalliem J. Šiaučiūnas fetaħ l-ewwel wirja tal-mużew. Huwa ddedika ħajtu għax-xogħol edukattiv u kulturali fl-iskola sad-deportazzjoni tiegħu fl-14 ta' Ġunju 1941 mis-Sovjetiċi. Huwa miet fis-Siberja fis-17 ta' Ottubru 1943. Fl-1998, l-iskola ġiet imsewwija u rrestawrata, u abbażi tad-deċiżjoni tal-Bord tad-Distrett ta' Širvintos, l-Iskola Primarja ta' Kernavė ngħatat l-isem ta' Juozas Šiaučiūnas. Fl-1999 l-iskola, u fis-sena 2000 il-mużew ta' Kernavė, iċċelebraw is-70 anniversarju mit-twaqqif tagħhom.
L-arkitettura antika ta' Kernavė ġiet ippreservata l-iktar fit-Triq Vilnius u fit-Triq Kriveikiškio. Fil-parti ċentral tar-raħal, il-binjiet huma l-iktar mill-perjod ta' wara l-gwerra. Fin-Nofsinhar tar-raħal hemm ir-Riżerva Arkeoloġika u Storika.
Turiżmu
immodifikaIt-turisti jistgħu jsibu l-aħħar tagħrif dwar l-avvenimenti u l-attrazzjonijiet turistiċi fir-raħal fl-uffiċċju tal-informazzjoni turistika ta' Kernavė. Fis-sajf Kernavė tieħu l-ħajja. Jiġu organizzati ċelebrazzjonijiet u festivals folkloristiċi. Ilhom isiru wkoll spedizzjonijiet arkeoloġiċi għal iktar minn 20 sena, li fihom jieħdu sehem arkeologi, studenti u tfal tal-iskola Litwani u barranin.
Kernavė huwa magħruf ukoll għall-festivals tradizzjonali. Fl-1967, grupp ta' studenti universitarji organizzaw l-ewwel festival tradizzjonali msejjaħ Rasa, li iktar 'il quddiem sar tradizzjoni. Għal diversi deċennji, il-festival mhux biss kien mod kif wieħed jippurifika ruħu, iżda wkoll mod kif jipprotesta kontra l-umiljazzjoni tal-kuxjenza nazzjonali u l-isfurzar tat-tradizzjonijiet Sovjetiċi. It-tentattivi li kienu saru biex il-festival jiġi pprojbit qatt ma rnexxew.
Kernavė huwa magħruf għaċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta' jum l-inkoronazzjoni ta' Mindaugas fis-6 ta' Lulju. Dakinhar jiġi organizzat festival, fejn kulħadd jilbes kostumi Medjevali, jintwerew xogħlijiet artiġjanali Medjevali awtentiċi, ikun hemm gwerer taparsi u tindaqq mużika folkloristika. L-artiġjani jiġu Kernavė għal dan il-festival mill-Istati Baltiċi u mill-pajjiżi ġirien.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-sit arkeoloġiku (jew ir-riżerva kulturali) ta' Kernavė ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", ladarba s-sit arkeoloġiku ta' Kernavė huwa xhieda eċċezzjonali tal-evoluzzjoni ta' insedjamenti umani fir-reġjun Baltiku tul perjodu ta' xi għaxar millenji, b'evidenza eċċezzjonali ta'tradizzjonijiet funebri panteistiċi u Kristjani; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba l-għamla tal-insedjamenti u l-fortijiet impressjonanti fl-għoljiet jirrappreżentaw eżempji straordinarji tal-iżvilupp ta' dawn it-tipi ta' strutturi u l-istorja tal-użu tagħhom qabel il-Kristjaneżmu.[1][2]
Referenzi
immodifika- ^ a b World Heritage Committee - Advisory Body Evaluation (PDF), 2013, p. 107.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Kernavė Archaeological Site (Cultural Reserve of Kernavė)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-29.
- ^ Kurt Braunmüller; Gisella Ferraresi (11 December 2003). Aspects of Multilingualism in European Language History. John Benjamins Publishing. p. 124. ISBN 978-90-272-9601-6.
- ^ Herman Kruk (2002). The Last Days of the Jerusalem of Lithuania: Chronicles from the Vilna Ghetto and the Camps, 1939–1944. Yale University Press. p. 708. ISBN 0-300-04494-1.
- ^ (bil-Litwan) Kaplūnaitė, Irma (16 Diċembru 2005). "Terminai". Aruodai.