Joseph Vella Bondin

Drammaturgu u mużikologu Malti

Joseph Vella Bondin twieled il-Ħamrun fit-28 ta’ Diċembru 1934. Missieru Karmenu, imwieled il-Qala, kien suldat fil-First Coast Regiment Royal Malta Artillery, reġiment regulari Ingliż magħmul minn suldati Maltin iffurmat fi tmiem is-seklu dsatax. Ommu, Melita Bondin, mill-Ħamrun, kienet mara tad-dar li rabbiet b’għożża familja ta’ tmien ulied. Wara li ħa l-edukazzjoni bikrija tiegħu fl-iskola primarja tal-Ħamrun u fil-Liċeo daħal St. Michael’s Training College biex jikkwalifika bħala għalliem fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Joseph Vella Bondin
Ħajja
Twelid 1934
Nazzjonalità Malta
Mewt 17/07/2024
Edukazzjoni
Lingwi Ingliż
Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni drammaturgu
mużikologu
ekonomista


Matul karriera professjonali twila ta’ 30 sena, rebaħ żewġ scholarships mogħtija mill-Gvern ta’ Malta u permezz ta’ dawn seta’ jkompli l-edukazzjoni terzjarja fl-Universitajiet ta’ Exeter u ta’ Strathclyde (Glasgow). B’hekk kien f’pożizzjoni li javvanza fil-professjoni tiegħi kif turi l-lista ta’ fejn ipprattikaha:

 

1954-1962: għalliem fil-primarja

1962 – 1970: għalliem fis-sekondarja

1970-1978: lekċerer fid-Dipartiment tal-iStudji Maniġerjali u Kummerċjali fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)

1978-1980: lekċerer fl-Università l-Ġdida

1980-1985: lekċerer fl-Università ta’ Malta fejn kien jgħallem il-Macro-Economics u l-Financial Management


Attiv f’żewġ oqsma kulturali: dik tal-mużika u dik tal-kitba (sew bil-Malti u sew bl-Ingliż).


Fil-qasam tal-mużika, studja l-vuċi u l-interpretazzjoni l-aktar ma’ Charles Bisazza u Josie Satariano u t-teorija, l-armonija u l-istorja l-aktar ma’ Carmelo Pace. Fl-1965, kiseb il-Licenciate of the Royal Schools of Music (LRSM) u l-eżaminaturi fir-rapport tagħhom kitbu: “There is a very good voice here. It is used musically in the various styles performed and is very pleasing indeed.” Matul karriera twila bħala wieħed mill-kantanti operistiċi ewlenin b’vuċi ta’ baxx, irnexxielu jiġbed l-approvazzjoni tal-kritiċi u tal-udjenzi f’partijiet importanti f’opri ta’ Pace, Camilleri, Nani, Verdi, Puccini u Mascagni, u f’oratorji ta’ Handel, Bach, Pace, Xerri, Sammut, Mendelssohn, Bruckner u Dvorak li interpreta fit-teatri u fis-sali ta’ kunċerti ta’ Malta u Għawdex. Kanta wkoll mal-aqwa maestri-di-cappella u surmastrijiet ta’ żmienu fil-biċċa l-kbira tal-knejjes u mal-maġġoranza tal-baned filarmoniċi. Irtira mill-kant fl-1992 minħabba li ħass li dak li kellu jagħti f’dan il-qasam kien tah u fil-futur ried jiddedika ħinu f’oqsma oħra. Fost is-CDs tiegħu insibu Sacred Arias by Maltese Composers.


L-interessi mużikologi tiegħu jinkludu riċerka fl-istorja tal-mużika f’Malta li dwarha kiteb ħafna u artikoli[1] tiegħu dehru wkoll f’pubblikazzjoni internazzjonali fosthom The New Grove Dictionary of Music and Musicians, Second Edition, ed. Stanley Sadie (Macmillan Publishers Limited, London, 2001); Repértoire International de Littérature Musicale (New York, volumi 1995-2002); The Musical Times (UK: Spring 2019), ed. Antony Bye: ‘The Order of St John in Malta: liturgical music in its magnificent primary temple’. L-edizzjoni moderna tiegħu tal-iStabat Mater li Girolamo Abos kiteb f’Napli fl-1750 ittellgħet b’suċċess fil-Konkatidral ta’ San Ġwann f’Marzu 1996 u aktar tard, flimkien mal-istudju metikoluż li kiteb dwar il-kompożitur u ħidmietu, kienet ippubblikata mid-ditta A-R Editions Inc., ta’ Middleton, Wisconsin U.S.A. (2003).  Kiteb ukoll l-istorja tal-mużika f’Malta, mitbugħa f’żewġ volumi: Il-Mużika ta’ Malta sal-Aħħar tas-Seklu Tmintax u Il-Mużika ta’ Malta fis-Sekli Dsatax u Għoxrin (2000) bħala parti mill-Kullana Kulturali tal-PIN, bl-ewwel volum jirbaħ il-Premju Nazzjonali Letterarju tal-2001 fil-Kategorija Riċerka. Ma’ John Azzopardi u Franco Bruni kiteb The Nani Composers (XVIII-XX cent.) – A Historical Assessment and a Catalogue of their Works (The Music Archives of the Mdina Cathedral Museum, Volume IV, 2007). Il-ktieb l-aktar riċenti tiegħu, The Great Maltese Composers: historical context, lives, and works (APS Bank Ltd, 2016) ġie msejjaħ il-bibbja mużikali ta’ Malta u rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (2017) fil-kategorija Riċerka ta’ Natura Bijografika u  Storjografika.  


Vella Bondin hu l-ewwel mużikologu Malti li kiseb rikonoxximent internazzjonali għall-ħidma tiegħu favur il-mużika klassika Maltija. Ir-riċerka pijuniera u metikoluża tiegħu kienet strumentali biex jagħtiha forma u sustanza waqt li l-pubblikazzjonijiet kruċjali u numerużi tiegħu għenu biex jagħtuha rikonoxximent sew nazzjonali u sew internazzjonali.


Xandar spiss fuq stazzjonijiet lokali u s-sensiela tiegħu ta’ tlettax-il programm dwar il-mużika folkloristika ta’ Malta miktuba għar-Radju Bronja fl-1998 kellha verżjonijiet imxandra wkoll fuq il-Voice of the Mediterranean u Radju ZZZ tal-Awstralja. Serje oħra dwar tlettax-il kompożitur Malti għall-istazzjon Voice of the Mediterranean ixxandret fl-2003. Ta’ min isemmi wkoll id-dokumentarju Carlo Diacono f’Għeluq il-50 Sena minn Mewtu, miktub fl-1992 għal Radio Malta u Carmelo Pace – Ħajja fil-Mużika, dokumentarju għat-televiżjoni li kien imxandar l-ewwel darba fuq it-TVM fit-22 ta’ Mejju 1993.


Vella Bondin, li hu wkoll membru tal-Akkademja tal-Malti, inħatar membru tal-Kumitat tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel bejn 1996-1998 u kiteb il-ktejjeb tal-programm għall-erbatax-il kunċert u opera li dehru fl-istaġun teatrali 1997-98. Bejn l-2001 u l-2016, kien konsulent mużikali tal-APS Bank u għenu jipproduċi s-serje mfaħħra u mfittxija ta’ kunċerti annwali ta’ mużika Maltija u s-CDs assoċjati li l-Bank offra lill-poplu Malti. Għal dawn hu kiteb il-ktejjeb tal-programm sew għall-kuncerti u sew għas-CDs.  


Fil-qasam tal-letteratura, l-unuri tiegħu jinkludu bosta premjijiet ewlenin għad-drammi li daħħal f’konkorsi mnedija mir-Rediffusion fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor fosthom Il-George Cross (1957); Kenn li Huma Xtaqu (1958); Dell fuq Idi (1959); Djarju ta’ Tmiem Ħajti (1960); Thewdin tal-Imgħoddi (1961-2); Tindaħalx, din hi Ħajti (1963-4). Radjudrammi oħra mxandra jinkludu Dell Ħtijieti (1957); Trabiet Imtajra mar-Riħ (1963); Għeruq fl-Ilma (1964); Qalb ta’ Qalbi (1964); Min Jifhem (1965); Qabel is-Sebħ (1990). Novelli li kiteb bil-Malti jew bl-Ingliż ixxandru mill-BBC World Service (15 ta’ Marzu 1975: The Race for Better Wine; 3 ta’ Lulju 1977: Great Uncle’s Will) u minn stazzjonijiet lokali.    

        

Aktar riċenti nsibu drammi oħra li kisbu wkoll rikonoxximent:

·        id-dramm f’att wieħed Xi Darba Għada Jisbaħ ħa l-ewwel premju fl-MADC Playwriting Competition 1986 u ttella’ fl-MADC Playhouse, Sta Venera, f’Mejju 1988. Wara l-verżjoni sħiħa f’żewġ atti, Meta se jisbaħ?, inħadem mill-Koperatturi fit-Teatru Manoel f’Marzu tal-1993.

  • Zerafa ħa l-ewwel premju fil-Konkors Radjudrammi 1996 imniedi mir-Radju tal-Università.
  • Għidli, Missier, jekk il-Gwerra Spiċċatx li xxandar fuq Radju Malta 1, intgħażel mill-Awtorità tax-Xandir bħala l-aħjar radjudramm għas-sena 1999.
  • Kamikaze, dramm għat-televiżjoni ntwera mill-P.B.S. fuq TVM f’Ġunju 2000.
  • Kull Ġieħ u Glorja ħa l-ewwel premju fir-IV Edizzjoni Konkors Kitba għall-Palk Francis Ebejer u nħadem fit-Teatru Manoel f’Ottubru 2000 bħala produzzjoni tad-Dipartiment tal-Kultura u l-Kumpanija Teatrali Talenti.

·        Dawk li fuq l-Iġfna Jbaħħru, li xxandar fuq Radju Malta 1 f’Awwissu 2003, intgħażel mill-Awtorità tax-Xandir bħala l-aħjar radjudramm għas-sena 2002-03. Dawk li fuq l-Iġfna Jbaħħru serva wkoll biex joħloq l-librett ta’ opera għar-radju (2018), kollaborazzjoni bejn l-awtur u l-kompożitur Ingliż/Nikaragwan Geoffrey Alvarez, l-ewwel opera miktuba speċifikament biex tinħadem għar-radju fl-istorja tal-mużika ta’ Malta.

·        Il-kummiedja f’żewġ atti Is-Sur Mastru, Bella, il-Professur u Proġetti Oħra ttellgħet minn Bronk Productions fiċ-Ċentru Kreattività ta’ San Ġakbu f’Ottubru 2003. Reġgħet ittellgħet mill-istess kumpanija fl-Istitut Kattolku f’April 2010.

·        Awstralja f’żewġ atti, inħadem minn Bronk Productions fit-Teatru Manoel f’Diċembru 2007. Il-produzzjoni ġiet ippremjata fil-Kompetizzjoni f’Ġieħ Francis Ebejer 2007 (Kategorija B: drammi maħduma f’Malta bejn Ottubru 2007 u Settembru 2008) imniedi mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sports.


Għażla ta’ dawn id-drammi issa huma ppubblikati f’erba’ volumi:

1. Labirint tas-Sejjieħ: Erba’ Drammi (Zerafa; Għidli, Missier, jekk il-Gwerra Spiċċatx; Kamikaze; Meta se Jisbaħ? PIN, Malta, 1999);

2. Is-Sejħa taż-Żmien: Żewġ Drammi (Kull Ġieħ u Glorja; Dawk li fuq l-Iġfna Jbaħħru, Klabb Kotba Maltin, 2006), rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2007 fil-kategorija “Drama bil-Malti” mogħti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb;

3. Ħitan bil-Moffa: Żewġ Drammi (Awstralja; Djarju ta’ Tmiem Ħajti – Bronk Productions 2009), rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2010 fil-kategorija “Drama bil-Malti” mogħti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb;

4. Għasir il-Bniedem: Żewġ Drammi u Dokumentarju (Is-Sur Mastru, Bella, il-Professur u Proġetti Oħra; Tindaħalx, Din Hi Ħajti; Il-George Cross, Bronk Productions 2011), rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2012 fil-kategorija “Drama bil-Malti” mogħti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb;


It-tema predominanti li tinħass fil-kitbiet oriġinali ta’ Vella Bondin tidher li hi s-solitudini umana li jqisha l-istat pivitali ta’ kull individwu maħluq. Huma l-attentati, xi kultant iddisprati, jekk mhux ukoll makabri, li jagħmel persuna biex jegħleb dan l-istat, biex toħloq interazzjoni soċjali u nutrittiva ma’ bnedmin oħra, li jirriżultaw fil-kunflitti li jiffurmaw il-bażi u n-narrattiva tal-kreattività tiegħu. Stilistikament, hu jħallat il-kunċett tar-realiżmu ma’ aspetti tat-teatru tal-krudiltà u tal-assurd. Ripetutament juża siltiet mużikali bħala kumment provokanti fuq in-narrattiva u l-karattri. Id-drammi kienu analizzati minn Prof. Charles Briffa fil-ktieb tiegħu Joseph Vella Bondin – Drammaturgu (Klabb Kotba Maltin, 2012). Il-volum, li jinkludi awtobijografija bħala appendiċi ta’ Vella Bondin, Joseph Vella Bondin jifli ħajtu, rebaħ l-ewwel premju fil-kategorija Proża Mhux Fittizja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2013.


Sadattant, l-uniku rumanz li għandu, proviżjonalment intitulat Bħal Dawl ix-Xefaq, għadu mhux ippubblikat. Kien kitbu taħt l-ispinta ta’ konkors għal kitba ta’ rumanzi mniedi mir-Rediffusion fl-1960. Ma ħa l-ebda premju għax, kif tawh x’nifhem, kien wisq ‘stramb’ għaż-żminijiet li fihom inkiteb.


[1] Il-kitbiet qosra ta’ Vella Bondin jgħoddu aktar minn 300 biċċa fi tliet oqsma: artikli ta’ natura diversa, novelli u reċensjonijiet. Dettalji jinsabu fil-bijografija tiegħu f’Dictionary of Maltese Biographies (PIN, 2009) ta’ Michael Schiavone.