It-Tempesta
It-Tempesta hi traġikummiedja f'ħames atti miktuba minn William Shakespeare fl-1611.
Il-Granduka ta' Milan, Prospero wara li ħuh kien faqqru u eżiljah, tħalla ma' bintu Miranda fuq gżira abbandunata. Bis-seħer li kien tgħallem mill-kotba li kellu, seta' jikkontrolla l-elementi u l-ispirti fosthom Ariel, spirtu pożittiv tal-arja u n-nifs tal-ħajja u Caliban spirtu negattiv li jissimbolizza l-art, il-vjolenza u l-mewt.
Ix-xena tiftaħ b'nawfraġju, ikkawżat minn Ariel, ta' ġifen li kien hemm fuqu ir-re ta' Napli, ibnu Ferdinand kif ukoll ħuh Antonio, li kien ta xhieda falza kontra Prospero. Permezz tas-seħer u tal-illużjoni, Prospero għadda 'l dawn it-tlieta, mitluqin fuq il-gżira, minn diversi provi maħsuba biex jikkastighom għat-tradiment tagħhom, iżda li kellhom ukoll karattru ta' inizzjazzjoni. Fl-aħħar tar-rakkont, Prospero għamel paċi ma' ħuh u r-re, u żewweġ lil bintu ma' Ferdinand, ħeles lil Ariel u 'l Caliban u rrinunzja l-maġija biex jieħu lura d-dukat tiegħu.
Il-persunaġġi f' It-Tempesta daż-żmien laħqu livell kważi mitiku: jirrappreżentawhom, jikkwotawhom u ħafna artisti jużawhom fix-xogħolijiet tagħhom. Huma jinkarnaw u jissimbolizzaw b'għana kbira l-imġiba u s-sentimenti tal-bniedem. Caliban u Ariel spiss servew biex jissimbolizzaw il-popli primittivi tal-kolonji, ilsira u ġugarelli tal-poteri kolonjali, mitfugħin 'l u 'l hemm fil-piki tal-kolonizzaturi li lilhom ma kinux jifhmuhom.
Is-sorsi
immodifikaShakespeare uża xena mir-rakkont ta' Pigafetta, kavallier ta' Rodi, idealista u żagħżugħ, rakkomandat minn Karlu V lil Magellan u li akkumpanjah fuq l-espedizzjoni tiegħu lejn ir-Rotta tal-Ħwawar li telqet minn Sivilja fl-1519. Kien ma' Magellan fil-Battalja tal-gżira Mactan kontra r-raġa Silapulapu. Hemm bosta deskrizzjonijiet differenti tal-battalja li fiha miet Magellan, l-iżjed eżatta hi aktarx dik ta' Pigafetta.
Xi elementi tad-dramm jidhru li ġejjin mir-rakkont ta' William Strachey dwar l-għarqa tas-Sea Venture, li ġrat fl-1609 fl-arċipelagu ta' Bermuda. L-istorja inkitbet fl-1610 imma ġietx stampata sal-1925, però bosta manuskritti kienu jiċċirkulaw, u Shakespeare seta' tnebbaħ minnha fid-deskrizzjoni tan-nawfraġju tal-ġifen tar-Re ta' Napli. Barra minn hekk, hemm monologu ta' Gonzalo li hu ispirat mit-test ta' Montaigne Des Cannibales, li jfaħħar il-popli indiġeni tal-Karibew. Id-diskors ta' Prospero meta jirrinunzja s-setgħat tiegħu hu traskrizzjoni kważi litterali tal-kliem ta' Medea fil-Metamorphosis ta' Ovidju. Id-dramm ifakkarna wkoll fid-dramm ta' Sofokle, Philoctetes; it-trama ġenerali hi l-istess: eżilju fuq gżira, nawfraġju, il-Prinċep depost, rikonċiljazzjoni.
It-trama fil-qosor
immodifikaL-ewwel att
immodifikaL-ewwel xena
immodifikaL-ewwel att jiftaħ f'nofs maltempata kbira. Ġifen li kien qiegħed iġorr ir-Re Alonso ta' Napli u ta' madwaru, li kienu sejrin lura d-dar minn Tunes fejn marru għat-tieġ ta' bint ir-Re, qed jintefa' 'l hawn u 'l hemm mill-mewġ qawwi. Waqt li n-nostromu jipprova jżomm il-ġifen fil-wiċċ, ir-re u ż-żewġ irġiel ta' rashom sħuna, Antonio u Sebastian, jitilgħu fuq il-gverta u jibdew jgħajtu l-ordnijiet lill-ekwipaġġ. In-nostromu ma jkollux żmien joqgħod jisma' r-Re arroganti u l- korteġġjani tiegħu, u jeħodhom bil-għerra. L-irġiel jirrabjaw u jibdew jgħajruh u jinsultawh huwa u jipprova jerġa' jieħu kontroll tat-tmun. Gonzalo, il-kunsiller tar-Re biss jibqa' kalm u kwiet waqt li r-riħ jaqsam il-ġifen fi tnejn.
It-tieni xena
immodifikaFuq gżira fil-qrib, Prospero, il-veru Duka ta' Milan, u bintu ta' ħmistax-il sena, Miranda, qed jaraw in-nawfraġju tal-ġifen. Il-ħanina Miranda titwaħħax b'dak li qed tara, imma Prospero jiżguraha li l-irġiel fuq il-ġifen ħa jsalvaw. Jispjega lil bintu kif kellu x'jaqsam man-nawfraġju u man-nies fuq il-ġifen. Jgħid lil bintu li darba kien id-Duka ta' Milan, u, bħala Duka, qatta' ħafna mill-ħin tiegħu jitgħallem l-arti tas-seħer. Iżda, fl-ambizzjuż Antonio, ħu Prospero, "qamet natura ħażina" (I.II.93), u ddeċieda li jiddeponi 'l Prospero u joħodlu t-titlu ta' Duka. Antonio kien mgħejun mir-Re Alonso, u flimkien neħħew 'il Prospero mill-poter u qegħduh ma' Miranda, li kellha sentejn, ġo dgħajsa li abbandunaw fuq il-baħar. B'xorti tajba, il-ħanin Gonzalo kien tahom magħhom l-ilma, il-ħwejjeġ, u provvisti oħra, fosthom il-kotba li Prospero kellu għal qalbu. B'hekk setgħu iżżommu fuq wiċċ il-baħar għal xi żmien, u fl-aħħar niżlu fuq gżira li saret id-dar permanenti tagħhom.
Issa d-Destin ġab l-għedewwa ta' Prospero qribu għal darb'oħra, u, jammetti lil Miranda li permezz tas-seħer hu kien responsabbli għall-maltempata li ġabet 'il ħuh u r-Re fuq il-gżira. Issa l-affarajiet qegħdin isiru aktar urġenti mill-ħafna mistoqsijiet ta' Miranda, u Prospero jraqqadha bis-seħer tiegħu waqt li jsejjaħ 'il qaddej tiegħu, l-ispirtu jismu Ariel. Ariel jgħid lil sidu li bil-maġija tefa' l-passiġġieri f'ħolma u ferrixhom mal-gżira, u żgurah li bin ir-Re, Ferdinand, kien waħdu kif kien ordna Prospero. Ferdinand qiegħed waħdu jibki l-mejtin għax ħaseb li hu biss kien salva min-nawfraġju. Ariel xeba' mill-qadi li kien tah Prospero biex iwettaq, u jilminta "Hemm qadi ieħor?" (242), iżda Prospero malajr ifakkar lil Ariel li l-"qadi" hu ħlas li kien jafu 'l Prospero talli salvah mill-priġunerija fiz-zokk ta' siġra, li wettqet 'is-saħħara infami Sycorax'(258) li issa kienet mietet imma darba kienet taħkem il-gżira bis-seħer tagħha. Prospero jiżgura lil Ariel li, jekk il-pjanijiet tiegħu jirnexxu jeħilsu mill-obbligi kollha tiegħu. Imbagħad jordna 'l Ariel li jagħmel lilu nnifsu inviżibbli għal kulħadd ħlief sidu.
Ariel itir u jitlaq u Prospero jqajjem 'il Miranda u jgħidilha li ħa jżuru l-ilsir l-ieħor tiegħu, Caliban, l-iben sfigurat u salvaġġ tas-saħħara mejta Sycorax. Minkejja li Prospero kien ipprova jimmansah, Caliban baqa' salvaġġ u barbaru, u saħansitra pprova jistupra 'l Miranda. Prospero jsejjaħ lil Caliban li kontra qalbu fl-aħħar jiġi, igerger dwar il-jasar tiegħu. Prospero wieġeb li għandu kull dritt li jassar lil Caliban, bħala ħlas għall-edukazzjoni kollha li kien tah u l-ħniena li kien urieh. Caliban jirrispondi, jisħaq li qatt ma ried ikun edukat minn Prospero:[1]
Għallimtni l-lingwa, u li ħadt minnha Hu, li naf nidgħi. Il-pesta l-ħamra teqirdek talli għallimtni l-lingwa tiegħek! |
||
—(425-7) |
Prospero jibgħat lil Caliban jiġbor il-ħatab, u Ferdinand jidħol b'Ariel inviżibbli warajh, idoqq u jkanta. Miranda tara 'l Ferdinand u mill-ewwel tiġġenen warajh u Ferdinand jintilef wara Miranda. Prospero, li kien qiegħed jittama li bintu ssir tħobb 'il Ferdinand, kuntent ħafna. Madankollu, biex jiżgura li Ferdinand hu r-raġel li jixirqilha Miranda, jipprova d-determinazzjoni tiegħu u jagħmel b'ruħu li ma jafdax iż-żagħżugħ. Minkejja d-dwejjaq ta' Miranda, Prospero jaqfel lil Ferdinand.
It-tieni att
immodifikaL-ewwel xena
immodifikaFin-naħa l-oħra tal-gżira, Gonzalo jipprova jikkonsla lir-Re Alonso, li mingħalih li tilef lil ibnu, Ferdinand. Ħu r-Re, Sebastian, mhux daqshekk ħanin u jidħaq b'Gonzalo għax kien qieghed jipprova jwennes lir-Re. Sebastian ifakkar lir-Re li qabel telqu kienu tawh parir kontra l-vjaġġ lejn Tunes, u għalhekk hu direttament responsabbli għall-għawġ tagħhom kollu. Jasal Ariel u bis-seħer iraqqad lil kulħadd barra Antonio u Sebastian. Antonio jissuġġerixxi li joqtlu r-Re kif inhu rieqed u jagħmlu 'l Sebastian ir-Re ġdid ta' Napli. Sebastian jaqbel miegħu, imma kif joħorġu x-xabla, Ariel iqajjem lir-re Alonso u lil Gonzalo. Gonzalo jarahom bix-xwabel maħruġin u jistaqsihom x'qegħdin jagħmlu. Sebastian jigdeb u jgħidlu li sema' għajta li kienet qisha tal-annimali selvaġġi, u kienu ħa jipproteġu r-Re li kien rieqed. Ir-re Alonso jemminhom u ma jagħtix kas u jitlobhom jgħinuh ifittex 'l Ferdinand. Huma jaqblu u tintemm x-xena.
It-tieni xena
immodifikaCaliban jspiċċa jqatta' l-ħatab u jisma' ragħda kbira. Din tnebbħu biex jibda jgerger waħdu bil-mibgħeda kontra Prospero: "L-infezzjonijiet kollha li tixrob ix-xemx/Minn basassi, mngħajdri u xagħri jaqgħu fuq Prospero, u jmarrduh pulzier pulzier!" (1-3)[2] Jaħseb li Prospero mela l-gżira bl-ispirti biex jaħqruh talli dam ma lesta l-ħatab. Jiġi Trinculo, il-buffu tal-qorti li kien ivvjaġġa mar-Re, u Caliban m'għandhiex xi ngħidu, jassumi li huwa wieħed mill-ispirti ta' Prospero jispjuna fuqu. Caliban jinżel mal-art biex ma jindunax bih. Trinculo qed tfittex il-kenn, inkwetat mill-maltempata li ġejja. Jara 'l Caliban, mixfut mal-art wiċċu l-isfel u jsibu interessanti ħafna. Jixtieq li kien l-Ingilterra biex ikun jista' jdaħħal il-mostru li skopra f'xi wirja bħala skerz tan-natura. Ir-ragħad joqrob u Trinculo jkollu minkejja l-istmerrija tiegħu jidħol biex jiskenn taħt il-mantell ta' Caliban. Fi kliemu li saru famużi, "Il-gwaj iġiegħelek issir taf xi sħab tas-sodda veru strambi!"(42).[3]Issa jidher Stephano, il-maggurdomu tar-Re li kien ukoll salva min-nawfraġju. Wasal fuq l-art riekeb fuq bettija inbid u peress li kien xorob li kien fiha, issa sakran sewwa. Meta jara 'l Trinculo u Caliban mixħutin mal-art jaħsibhom mostru b'żewġt irjus u b'erba saqajn, indiġenu tal-gżira. Stephano jagħti 'l Caliban il-ftit inbid li kien baqagħlu bit-tama li jippaċifika dan il-waħx. Caliban jgħajjat, "Taħqarnix, nitolbok" (73) billi għadu jemmen li dawn in-nies huma spirti mibgħutin minn sidu. Trinculo jqum u jieħu r-ruħ meta jara 'l sieħbu. It-tnejn jibdew jiżfnu biex jiċċelebraw ir-rijunjoni tagħhom filwaqt li Caliban,li issa fis-sakra bl-ewwel belgħa nbid, jiddeċiedi li Stephano se jkun sidu l-ġdid: "Inbuslek sieqek. Naħlef li jien qaddej tiegħek." (154).[4] Stephano jaċċetta bil-qalb l-offerta ta' Caliban u jitilqu biex jaraw l-għeġubijiet tal-gżira.
It-tielet att
immodifikaL-ewwel xena
immodifikaIt-tielet att jiftaħ b'Ferdinand iwwettaq id-dmirtijiet kontra r-rieda tiegħu li ordnalu Prospero. Jgħid lilu nnifsu li, għalkemm mhux imdorri b'dak ix-xogħol iebes, iħobb ix-xogħol għax jaf li Miranda "tibki" meta tarah isofri. Tidher Miranda b'Prospero wara li jistaħba minnhom. Hi toffri li tgħin lil Ferdinand biex iġorr iz-zkuk imma hu jirrifjuta l-għajnuna tagħha, jinsisti li kien aħjar għalih li jaqsam dahru milli jaraha ssofri "diżunur bħal dan" (27). Jiddikjaraw l-imħabba tagħhom lejn xulxin u jiftehmu li jiżżewġu kemm jista' jkun malajr. Prospero jifraħ b'dak li qiegħed jisma' u, issa żgur li Ferdinand jistħoqq lil bintu, imur lura lejn il-kotba tiegħu u lejn l-affarijiet iżjed urġenti li kellu ma' Antonio u r-Re.
It-tieni xena
immodifikaL-attenzjoni ddur għal darb'oħra fuq Caliban, Stephano, u Trinculo. Stephano ma jistax jikkontrolla 'l Caliban, li jobgħod lil Trinculo għaliex joqgħod isejjaħlu "il-mostru". Caliban jipproponi li flimkien jegħlbu u joqtlu lil Prospero, u jisirqulu l-kotba u 'l bintu. Stephano jaqbel mal-pjan, għax jara ruħu bħala l-ħakkiem tal-gżira u żewġ Miranda. Iżda Ariel jisma' x'qegħdin jgħidu u jmur jiġri jgħid lil Prospero.
It-tielet xena
immodifikaSadanittant, Ir-Re Alonso u l-korteġġjani tiegħu kienu qegħdin ifittxu 'l Prinċep Ferdinand mal-ġzira kollha. F'daqqa waħda, kreaturi maġiċi iġibu pranzu u jqiegħdu l-ikel quddiem l-irġiel bil-ġuħ. Alonso, Sebastian, u Antonio jiġru lejn il-pranzu, imma kif ikunu se jieklu, jidher Ariel, fil-forma ta' arpja, u l-mejda tisparixxi f'tifqigħa ta' ragħad u sajjetti. Ariel jakkużahom li kienu rġiel ħżiena u jgħidilhom li d-Destin ġust kien ikkawża n-nawfraġju tagħhom u kien ħadlu 'l ibnu lil Alonso. Jgħidilhom ukoll li se jkunu itturmentata sakemm ibiddlu l-imġiba ħżiena tagħhom u jibdew jgħixu "ħajja nadifa" (82). Ariel jisparixxi u jidhru għal darb'oħra l-kreaturi mistiċi jġorru l-mejda u jiżfnu mal-mużika ħelwa li issa timla l-arja. Ir-Re jiddeċiedi li jibqa' jfittex lil ibnu u jmut ma' ġenbu, u Antonio u Sebastian imorru warajh, imqarrqa li jistgħu jeqirdu l-ispirti tal-gżira. Gonzalo, inkwetat li qegħdin jiġġennu. imur warajhom, bit-tama li "jżommhom minn dak li din l-estasi / Tista' issa ġġiegħlom jagħmlu". (106-7)[5]
Ir-raba' att
immodifikaL-ewwel xena
immodifikaProspero jagħti l-kunsent tiegħu għaż-żwieġ bejn Miranda u Ferdinand u jibda jipprepara ballu bil-maskri għat-tieġ taż-żewġ maħbubin. Iwiddeb lil Ferdinand li ma "jiksrilhiex l-għoqda verġinali" (15) sakemm jiżżewġu leġittimament. Mużika ħelwa timla l-arja u tliet spirti jagħmluha tal-allat, Iris, Ċerere, u Ġunone jinżlu biex jieħdu sehem fil-festa. Jidhru ninfi oħra u kollha jibdew jiżfnu u jixxalaw. Iżda l-festi jieqfu ħesrem meta jinstema' ħafna għajjat mid-dar ta' Prospero. L-għajjat ġej minn Caliban, Stephano, u Trinculo, li għadhom fis-sakra u lesti li joqtlu 'l Prospero. Prospero jibgħat l-ispirti u jgħid lil Ferdinand u Miranda:. "Ix-xalar tagħna issa ntemm. Dawn l-atturi tagħna,[6]
Kif ġà għedtilkom, kienu kollha spirti u nħallu fl-arja, fl-arja ħafifa: U, bħall-binja bla bażi ta' dil-viżjoni, It-torrijiet b'rashom fis-sħab, il-palazzi tal-għaġeb, Il-tempji solenni, il-globu nnifsu sħiħ, U kollox li hemm fih, ħa jinħall U, bħal dil-festa vojta jintemm, Mingħajr ma jħalli l-ebda ħjiel. Aħna l-materjal li Li l-ħolm hu magħmul minnu, u l-ħajja ċkejkna tagħna Tispiċċa f'raqda. Sinjur, jien imħawwad; Ħu paċenzja bid-dgħjufija tiegħi, moħħi inkwetat: Toqgħodx tinkwieta fuq il-qagħda ħażina tiegħi: Jekk jogħġbok, mur fiċ-ċella tiegħi U strieħ hemm: ħa nagħmel żewġ passi, Biex nikkalma moħħi jħabbat. |
||
—(163-77) |
Prospero jordna 'l Ariel li joħroġ ħwejġu kollha għax jaf li Stephano u Trinculo jagħmlu għall-oġġetti prezzjużi. Ariel jerġa' jidħol, dirgħajh mgħobbijin ilbies sabiħ. Prospero u Ariel joqgħodu għassa fejn ma jidhrux u Caliban, Stephano, u Trinculo jidħlu fiċ-ċella ta' Prospero, u m'għandniex xi ngħidu, jintilfu fuq il-ħwejjeġ sbieħ. Stephano u Trinculo jippruvawhom, minkejja it-twiddib ta' Caliban li jaf li Prospero se jaqbadhom. Minn barra jinstema' l-inbieħ tal-klieb selvaġġi. Prospero kien sejjaħ l-ispirti tal-gżira biex jieħdu l-forma ta' klieb tal-kaċċa selvaġġi u jkeċċu t-tliet infami miċ-ċella ta' Prospero. It-tlieta joħorġu jiġru jwerżqu. Prospero u Ariel jibqgħu hemm. Prospero jgħid lil Ariel li għedewwa tiegħu issa kollha f'idejh u li hu dalwaqt se jkollu l-ħelsien mill-gżira.
Il-ħames att
immodifikaL-ewwel xena
immodifikaL-aħħar att jiftaħ tlett ijiem wara li t-tempesta kbira kienet qerdet il-ġifen. Prospero, liebes l-ilbies tal-maġija, jisma' l-appell ta' Ariel f'isem n-nies li ġew l-art. Ariel jgħidlu li r-Re Alonso, Sebastian, u Antonio kienu t-tlieta ġġennu, filwaqt li Gonzalo kien qalbu maqsuma jibki l-vittmi. Il-kliem ta' Ariel irattbulu qalbu lil Prospero u jiddeċiedi li ħa jurihom il-ħniena li huma ma kinux urewh tnax-il sena qabel. Jibgħat lil Ariel għalihom, u f'solilokwiju jgħid li ladarba jerġa' jġib l-għedewwa tiegħu f'sessihom, ħa jirrinunzja s-seħer għal dejjem: "Imma dan is-seħer aħrax/hawn ħa niċħad" (50-1). [7] Jaqsam il-bastun maġiku tiegħu, u jisħaq li se jitfa' l-baħar il-kotba kollha li għandu u minflok l-ilbies ta' saħħar ħa jilbes il-ħwejjeġ ta' meta kien Duka ta' Milan. Imdawwar b'mużika solenni Ariel iġib lil Alonso, Sebastian, Antonio, Gonzalo, Adrian, u Francisco ġo ċ-ċella ta' Prospero. Dawn qegħdin f'ħolma u joqgħod madwar ċirku li għamel Prospero. Prospero jgħid lil Ariel li issa ħieles mid-dmirijiet kollha, u li se jitilfu jmur lura Milan. Prospero joħroġhom mill-ħolma u Gonzalo l-ewwel li jitkellem: "Jalla xi setgħa smewwitija toħroġna/Barra min din l-art tal-biża'." (105-6)[8]
Prospero jgħidilhom min hu u Alonso, li ra l-ħażen li kien għamel, jindem u jagħti lura d-dukat lil Prospero. Alonso jingħaqad ma' Ferdinand u ż-żewġ missirijiet jissiġillaw il-paċi bejniethom biż-żwieġ ta' wliedhom. Antonio u Sebastian ma jindmux, iżda jkollhom jobdu l-ordnijiet tar-Re biex jerġgħu jagħmlu 'l Prospero Duka ta' Milan. Prospero jaħfer lil Antonio iżda ma' jagħmilx paċi miegħu u jgħidlu: "Lilek, sinjur mill-eħżen, li nsejjaħlek ħija/Iniġġiżli ħalqi, ma naħfirlekx l-agħar dnub" (131-2).[9] Jidħol Ariel man-nostromu u l-Kaptan tal-ġifen, u dawn jirrakontaw kif baqgħu skantati li raw il-ġifen imsewwi għal kollox u lest biex isiefer. Ariel malajr isejjaħ lil Caliban, Stephano, u Trinculo, li għadhom fis-sakra, u Prospero jgħid lil Caliban li issa jista' jkun ir-re tal-gżira u Caliban jiddispjaċih li qatt ħaseb li Stephano kien sidu. Isejjaħ lilu nnifsu "ħmar doppu għal tliet darbiet" (296)[10] għax kien wera rispett lil dak l-istupidu. Prospero jistieden lir-Re u l-korteġġjani tiegħu biex jisimgħu l-istorja tal-ħajja tiegħu fuq il-gżira, u sadattant Ariel (bħala l-aħħar qadja lil Prospero) iħejji t-temp u l-baħar biex jieħdu 'l Prospero lura lejn l-Italja.
Posterità
immodifikaLetteratura
immodifika- Percy Bysshe Shelley kien wieħed mill-ewwel poeti li kienu influwenzati minn It-Tempesta. Fil-poeżija "With a Guitar, To Jane" jidentifika Ariel mal-poeta u l-għanjiet tiegħu mal-poeżija. Il-poeżija tuża lingwaġġ sempliċi biex tesprimi kemm Ariel kien qrib in-natura u timita s-sbuħija sempliċi tal-għanjiet ta' Shakespeare.[11]
- Wara l-publikazzjoni tal-ideat ta' Darwin dwar l-evoluzzjoni, il-kittieba bdew jiddiskutu l-post tal-bniedem fid-dinja u r-relazzjoni tiegħu ma' Alla. Robert Browning kien wieħed minn dawn u fil-poeżija tiegħu, "Caliban upon Setebos" (1864) jiddeskrivi l-persunaġġ fid-dramm ta' Shakespeare jaħseb fuq kustjonijiet teoloġiċi u filosofiċi.[12]
- Il-filosfu Franċiż Ernest Renan kiteb dramm għall-qari, Caliban: Suite de La Tempête fl-1878. Fih Ariel hu mara li tmur Milan ma' Prospero, u Caliban immexxi kolp ta' stat kontra Prospero li jirnexxi, u wara Caliban jimita bil-ħerqa l-virtujiet ta' dak li kien sidu.[13]
- Il-poeżija ta' W. H. Auden The Sea and the Mirror għandha l-forma ta' riflessjoni minn kull persunaġġ sekondarju ta' It-Tempesta fuq l-esperjenza tiegħu. Il-poeżija tieħu punto di vista Freudjan, u tqis lil Caliban bħala l-libido ta' Prospero.[14]
- Fl-1968 il-kittieb Franko-Karibew Aimé Césaire ippublika Une Tempête, adattament radikali tad-dramm ibbażat fuq interpretazzjoni kolonjali u postkolonjali, li fih Caliban hu ribel iswed u Ariel hu ta' razza mħallta.
- Il-figura ta' Caliban influwenzat bosta xogħlijiet tal-letteratura Afrikana fis-snin 1970, fosthom xogħlijiet ta' Taban Lo Liyong fl-Uganda, Lemuel Johnson f'Sierra Leone, Ngũgĩ wa Thiong'o fil-Kenya, u David Wallace ta' Żambja Do You Love Me, Master?.[15]
- Kin hemm fenomenu simili fl-aħħar tas-seklu 20 fil-Kanada, fejn bosta awturi kitbu xogħlijiet imnebbħa minn Miranda, fosthom The Diviners ta' Margaret Laurence, Prospero's Daughter ta' Constance Beresford-Howe u The Measure of Miranda ta' Sarah Murphy.[16]
- Il-persunaġġi ta' It-Tempesta jagħmlu parti mit-trama tal-isfond taż-żewġ novelli tal-fantaxjenza, Illium u Olympos ta' Dan Simmons.
- Setta kannibala hi msejħa Caliban f' In Tenebris ta' Maxime Chattam.
- Ir-rumanz Tempests ta' Karen Blixen hu mnebbaħ ħafna mid-dramm, jikkwota siltiet twal, u jmexxi il-maltempata għal Kvåsefjorden u jħallat il-ħajja ta' grupp ta' atturi mad-destin tal-persunaġġi ta' It-Tempesta.
Arti
immodifika- Min-nofs is-seklu 18, id-drammi ta' Shakespeare, fosthom It-Tempesta, bdew jidhru bħala s-suġġetti tal-pittura.[17] Madwar 1735, William Hogarth pinġa l-pittura Xena m'It-Tempesta: "fantasija sentimentali, barokka bl-ilbies fl-stil ta' Van Dyck u Rembrandt".[18] Il-pittura hi msejsa fuq it-test ta' Shakespeare, u ma fiha l-ebda rappreżentazzjoni tal-palk.[19]
- Henry Fuseli, f'pittura ordnata mill-Boydell Shakespeare Gallery (1789) immudella 'l Prospero fuq Leonardo da Vinci.[20]
- Dawn il-xbihat tad-dramm tas-seklu 18 juru li Prospero kien meqjus bħala ċ-ċentru morali: dawk li dak iż-żmien kienu jaraw il-pitturi ta' Hogarth u Fuseli kien jkunu aċċettaw l-għaqal u l-awtorità ta' Prospero.[21]
- Il-pittura ta' John Everett Millais, Ferdinand miġbud minn Ariel (1851) hi waħda mill-pitturi Pre-Rafaeliti bbażati fuq id-dramm. Tard fis-seklu 19, l-artisti kellhom it-tendenza li jipinġu 'l Caliban bħala l-"ħolqa mitlufa" Darwinjana b'fatizzi ta' ħuta jew xadina, kif jidher f' Caliban ta' Noel Paton.[22]
- Charles Knight ipproduċa il-Pictorial Edition of the Works of Shakespeare[23] fi tmien volumi (1838–43). Ix-xogħol ipprova jittraduċi l-kontenut tad-drammi f'forma illustrata. Ipprova jagħmel hekk mhux biss għall-azzjonijiet imma wkoll għall-immaġni u metafori: il-vers ta' Gonzalo dwar in-"nies tal-muntanji bil-gangala bħall-barrin"[24] hu interpretat bi stampa ta' raħli Żvizzeru bil-gozzu.[25]
- Fl-1908, Edmund Dulac ipproduċa edizzjoni ta' Shakespeare's Comedy of The Tempest b'riassunt tat-trama u kummentarju eruditi ta' Arthur Quiller-Couch, b'legatura rikka u illustrat b'40 akwarell. L-istampi jenfasizzaw il-kwalità msaħħra tad-dramm u jevitaw in-naħa mudlama. Mill-40, 12 biss juru l-azzjoni diretta tad-dramm, l-oħrajn huma bbażati fuq x'jiġri qabel jibda d-dramm jew xbihat bħal: "ħames qamiet taħt, qiegħed missierek"[26] jew "ħsejjes u melodiji ħelwin li jagħtu gost u ma jweġġgħux".[27] .[28]
Mużika
immodifikaIt-Tempesta għandha iżjed mużika minn kull dramm ieħor ta' Shakespeare u dehret iżjed popolari bħala suġġett għall-kompozituri mill-parti l-kbira tad-drammi ta' Shakespeare. L-istudjuża Scholar Julie Sanders dan tattribwih lill-"mużikalità u l-liriżmu li jħossu li fih" id-dramm.[29]
- Iż-żewġ arranġamenti tal-għanjiet f' It-Tempesta li setgħu intużaw f'rappreżentazzjonijiet matul ħajjet Shakespeare għadhom jeżistu. Dawn huma "Full Fathom Five"[30] u "Where The Bee Sucks There Suck I"[31] fil-pubblikazzjoni tal-1659 Cheerful Ayres or Ballads, li fiha huma attribwiti lil Robert Johnson, li kien jikkomponi regularment għall-grupp ta' atturi the King's Men.[32] Kien ħaġa komuni matul l-istorja tad-dramm li l-produtturi jorndnaw arranġamenti kontemporanji ta' dawn iż-żewġ għanjiet, kif ukoll ta' "Come Unto These Yellow Sands".[33][34]
- Ralph Vaughan Williams kiteb il-mużika għal "Full Fathom Five" u "The Cloud-Capp'd Towers".[35][36]
- It-Tempesta influwenzat bosta kanzunetti miktuba fit-tradizzjonijiet folk u hippie: pereżempju, xi verżjonijiet ta' "Full Fathom Five" kienu rrekordjati minn Marianne Faithfull għal Come My Way fl-1965 u minn Pete Seeger għal Dangerous Songs!? fl-1966.[37]
- Fost dawk li kitbu mużika tal-akkompanjament għal It-Tempesta kien hemm:
- Arthur Sullivan: Il-mużika li kkompona biex jieħu l-lawrja fl-1861, kienet ġabra akkompanjamenti għal It-Tempesta.[38] Din wara mmodifikaha u espandiha u kellha rappreżentazzjoni fil-Crystal Palace fl-1862, sena wara li kien mar lura Londra, u mill-ewwel kienet sensazzjonali.[39]
- Ernest Chausson: F-1888 kiteb mużika tal-akkompanjament għal La tempête, traduzzjoni Franċiża ta' Maurice Bouchor.[40]
- Jean Sibelius: Il-mużika tal-akkompanjament tiegħu għal It-Tempesta kitibha għal produzzjoni lussuża fit-Teatru Rjali ta' KopenĦagen.[41] Fiha rrappreżenta l-persunaġġi permezz tal-istrumentazzjoni.L-iżjed li ntgħoġbot kienet ir-rappreżentazzjoni ta' Prospero bl-arpi u l-perkussjoni, għax tiġbor fiha "l-ambigwità tidwi tal-perunaġġ".[42]
- Malcolm Arnold, Lennox Berkeley, Arthur Bliss, Engelbert Humperdinck, Hector Berlioz, Willem Pijper u Henry Purcell.
- Hemm mill-inqas 46 opra jew semi-opra bbażati fuq It-Tempesta.[43] Fosthom insibu:
- Frederic Reynolds ipproduċa verżjoni operatika fl-1821, bil-mużika ta' Henry Bishop.
- Fost l-opri l-oħra ta' qabel is-seklu 20 ibbażati fuq It-Tempesta insibu La Tempesta (1850) ta' Fromental Halévy u Bouře (1894) ta' Zdeněk Fibich.
- Fost l-opri tas-seklu 20 insibu Stormen ta' Kurt Atterberg (1948) u Der Sturm ta' Frank Martin (1955).
- Fost l-opri tas-seklu 21 insibu The Tempest ta' Thomas Adès 2004 u Prospero ta' Luca Lombardi (2006).
- Fost ix-xogħlijiet orkestrali hemm il-fantasija It-Tempesta ta' Pëtr Il'ič Čajkovskij (1873), il-poeżija sinfonika Bouře ta' Fibich (1880), il-poeżija sinfonika The Tempest ta' John Knowles Paine (1876), l-ouvreture ta' Benjamin Dale (1902), il-preludju orkestrali ta' Arthur Honegger (1923), u Prosperos Beschwörungen ta' Egon Wellesz (ħames xogħlijiet 1934–36).
Is-Sonata għall-Pjanu nru 17, fuq Re minuri, Op. 31, nru 2, ta' Ludwig van Beethoven (1802) ingħatat is-sottotitlu "It-Tempesta" xi żmien wara l-mewt ta' Beethoven għax jgħidu li meta saqsewh fuq it-tifsira ta' din is-sonata, Beethoven wieġeb "Aqraw It-Tempesta". Imma din l-istorja qalha il-bijografu tiegħu, Anton Schindler, li mhux dejjem ta' min jorbot fuqu.[44]
Ċinema
immodifika- The Tempest, (1960) film ta' George Schaefer ispirat minn dramm, jaħdmu Maurice Evans fil-parti ta' Prospero, Richard Burton ta' Caliban, Lee Remick ta' Miranda u Roddy McDowall ta' Ariel. Din il-verżjoni hi fidila ħafna għat-test ta' Shakespeare.
- The Tempest, (1979) film ta' Derek Jarman ispirat minn dramm.
- Prospero's books, (1991) film ta' Peter Greenaway ispirat minn dramm. an 87-year-old John Gielgud li kellu 87 sena ħadem il-parti ta' Prospero.
- The Tempest, (2010) film ta' Julie Taymor li fih Prospero u mara bl-isem ta' Prospera, parti li taħdimha Helen Mirren.
Referenzi u noti
immodifika- ^
You taught me language; and my profit on't
Is, I know how to curse. The red plague rid you
For learning me your language! (425-7)—(425-7)
- ^ "All the infections that the sun sucks up/From bogs, fens, flats on Prospero fall, and make him by inchmeal a disease!"
- ^ "Misery acquaints a man with strange bedfellows!"
- ^ "I'll kiss thy foot. I'll swear myself thy subject."
- ^ "hinder them from what this ecstasy/May now provoke them to".
- ^
As I foretold you, were all spirits and
Are melted into air, into thin air:
And, like the baseless fabric of this vision,
The cloud-capp'd towers, the gorgeous palaces,
The solemn temples, the great globe itself,
Ye all which it inherit, shall dissolve
And, like this insubstantial pageant faded,
Leave not a rack behind. We are such stuff
As dreams are made on, and our little life
Is rounded with a sleep. Sir, I am vex'd;
Bear with my weakness; my, brain is troubled:
Be not disturb'd with my infirmity:
If you be pleased, retire into my cell
And there repose: a turn or two I'll walk,
To still my beating mind.—(163-77)
- ^ "But this rough magic/I here abjure" (50-1).
- ^ "Some heavenly power guide us/Out of this fearful country." (105-6)
- ^ "For you, most wicked sir, whom to call brother/Would even infect my mouth, I do forgive thy rankest fault" (131-2).
- ^ "thrice-double ass"(296)
- ^ Virginia u Vaughan, p. 87–8
- ^ Virginia u Vaughan, p. 91
- ^ Virginia u Vaughan, p. 92
- ^ Virginia u Vaughan, p. 110–11
- ^ Virginia u Vaughan, p. 107
- ^ Virginia u Vaughan, p. 109
- ^ Orgel
- ^ Orgel
- ^ Orgel p. 72–3
- ^ Orgel; Vaughan u Vaughan p. 83–5
- ^ Vaughan u Vaughan (1999: 83–4
- ^ Vaughan u Vaughan
- ^ Edizzjoni Illustrata tax-xogħlijiet ta' Shakespeare
- ^ "mountaineers dewlapped like bulls"
- ^ Orgel
- ^ "full fathom five thy father lies"
- ^ "sounds and sweet airs that give delight and hurt not".
- ^ Orgel p. 85–8
- ^ Sanders p.42
- ^ "Ħames Qamiet sħaħ"
- ^ Fejn Terda' n-Naħla Hemm Nerda' Jien"
- ^ Vaughan u Vaughan p. 18–20.
- ^ Ejjew fuq Dawn ir-Ramliet Sofor
- ^ Sanders p. 31
- ^ "It-Torrijiet b'Rashom fis-Sħab"
- ^ Kennedy p. 316–7
- ^ Sanders p. 189
- ^ Jacobs p. 24
- ^ Lawrence; Sullivan
- ^ Blades u Holland; Gallois
- ^ Ylirotu
- ^ Sanders p. 36
- ^ Wilson
- ^ Tovey p. 285
Biblijografija
immodifika- Blades James Holland James, Celesta, The New Grove Dictionary of Music and Musicians, Ed: Sadie Stanley Tyrrell John, 2003, vol. 5, Oxford University Press, Oxford, isbn 978-0-19-517067-2
- Gallois, Jean, Ernest Chausson, The New Grove Dictionary of Music and Musicians, Ed: Sadie Stanley Tyrrell John, 2003, vol. 5, Oxford University Press, Oxford, isbn 978-0-19-517067-2
- Jacobs Arthur, Arthur Sullivan – A Victorian Musician, 1986, Oxford University Press, Oxford, isbn 0-19-282033-8
- Lawrence Arthur H., An illustrated interview with Sir Arthur Sullivan, 1897, vol. xiv, ħarġa 84, The Strand Magazine, George Newnes [1]
- Orgel Stephen, Prospero's Wife, Representations, vol. 8, Ottubru 1984, pp. 1–13.
- Sanders Julie, Shakespeare and Music: Afterlives and Borrowings, 2007, Polity Press, Cambridge, isbn 978-0-7456-3297-1 .
- Tovey Donald Francis, A Companion to Beethoven's Pianoforte Sonatas, Ams Pr, 1931, isbn 978-0-404-13117-3
- Vaughan Virginia Mason, Vaughan Alden T., The Tempest, The Arden Shakespeare, 1999, isbn 978-1-903436-08-0 .
- Wilson, Christopher R., William Shakespeare, The New Grove Dictionary of Opera, Ed: Sadie Stanley, Wilson Christopher R., 1992, vol. 4, Oxford University Press, Oxford, isbn 978-0-19-522186-2
- Ylirotu Jeremias, Sibelius: Incidental Music for the Tempest, op. 109. 2005, [2]
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': It-Tempesta |