Hugo Chávez
Hugo Chávez (twieled fit-28 ta' Lulju 1954 – miet fil-5 ta' Marzu 2013) kien il-President tal-Veneżwela mill-1999 sal-mewt tiegħu fl-2013. Huwa kien wieħed mill-aktar mexxejja kontroversjali fl-Amerika Latina tal-aħħar snin tas-seklu għoxrin u l-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin. Il-popolarità tiegħu kienet marbuta mal-kariżma populista tiegħu. Il-Veneżwelani tawh mandat elettorali għar-raba' darba bħala President f'Ottubru 2012 – għalkemm b'distakk inqas qawwi mill-elezzjoni ta' qabel. Huwa rebaħ din l-elezzjoni b'55 fil-mija tal-voti, għalkemm huwa kien marid wisq biex jattendi għall-inawgurazzjoni tiegħu f'Jannar 2013.
Tfulija u żgħożija
immodifikaImwieled fit-28 ta' Lulju 1954 f'familja fqira fl-Istat ta' Barinas fil-pjanuri tat-trobbija tal-baqar, Hugo Rafael Chávez Frías kien it-tieni f'familja ta' sitt aħwa.
Il-ġenituri tiegħu, li kienu għalliema, ma kellhomx flus biżżejjed biex irabbuh huma stess, b'hekk hu u ħuh il-kbir trabbew minn nannithom Rosa, li kienet devota Kattolika Rumana.
Meta kellu 17-il sena, huwa nesa l-ħolma bikrija tiegħu li jilħaq plejer tal-baseball u minflok mar fil-kapitali Caracas biex jistudja f'akkademja militari, fejn daħal erba' snin wara.
Chávez qatt ma ħa tagħlim formali, huwa żviluppa interess partikolari lejn il-karattri romantiċi fl-Istorja tal-Amerika Latina, fosthom Che Guevara u Simón Bolívar, l-eroj tal-Indipendenza tal-Veneżwela tad-19-il seklu li fuqu Chávez huwa rappurtat li kellu "ossessjoni".
Huwa semma l-moviment politiku tiegħu għal Bolívar, u jingħad li kien jemmen li huwa kien ir-inkarnazzjoni ta' Bolívar innifsu.
Il-Kolp ta' Stat
immodifikaMeta kellu 23 sena, Chávez kien iżżewweġ lill-ewwel mara tiegħu Nancy Colmenares, li minnha kellu żewġt subien u tifla. Magħha waqqaf moviment rivoluzzjonarju sigriet li kien jiltaqa' klandestinament ma' gruppi tax-Xellug pajżana.
Fl-1992, huwa għamel attentat ta' Kolp ta' Stat.
Għalkemm il-Kolp ta' Stat sfaxxa, huwa xandar messaġġ televiżiv li għamlu popolari mil-lejl għan-nhar: li r-rivoluzzjoni kienet spiċċat "għalissa".
Wara li ngħata proklama u nħeles qabel mill-ħabs, huwa reġa' biddel it-tattika tiegħu għal darb'oħra, u issa fittex li jikseb l-appoġġ tiegħu mill-Parlament.
President tal-Veneżwela
immodifikaKien matul il-kampanja elettorali tal-1997, wara li kien diġà ddivorzja lill-ewwel mara tiegħu, li ltaqa' mat-tieni mara tiegħu Marisabel Rodríguez u żżewwiġha. Ma' Rodriguez Chávez kellu tifel.
Matul il-kampanja elettorali Chávez ħaddem il-kariżma tiegħu kollha biex jilħaq lill-masses u l-appell anti-neoliberali appella sew lill-fqar kif ukoll mal-klassi medja.
F'Diċembru 1998, huwa kiseb rebħa kbira meta kkontesta għall-ewwel darba għall-Elezzjonijiet Presidenzjali kontra avversarji finanzjati aktar b'saħħtu minnu, meta rebaħ 56% tal-vot.
Din ir-rebħa qablet ta' taħt fuq ftehim fl-aħħar 40 sena li permezz tiegħu l-akbar żewġ partiti fil-pajjiż kienu jaqsmu l-poter.
Chávez kellu appoġġ qawwi li permezz tiegħu wettaq bidliet kostituzzjonali kbar, li wassal għal bidliet kostituzzjonali kbar li saħħew il-Gvern u fl-2000 kiseb mandat akbar bi kważi 60% tal-voti.
F'April 2002, għaxar snin wara li mexxa l-kolp ta' Stat, Chávez kważi sofra kolp ieħor minn uffiċjali għolja tal-Armata, huwa kien reġa' lura fil-poter kważi 48 siegħa wara.
Dan wassal biex Chávez iħarrax l-attitudni tiegħu kontra kull oppożizzjoni, sew interna kif ukoll esterna.
Mewt u funeral
immodifikaChávez tilef il-battalja mal-kanċer fl-eta' ta' 58 sena, wara 14-il sena fil-poter. Ħabbar dan il-viċi president Nicolas Maduro. Sorsi qrib il-Gvern f'Caracas qalu li Chávez kien waqa' f'koma ġurnata qabel miet, u l-għada miet kaġun ta' problemi respiratorji u wara li l-kanċer kien infirixlu għall-pulmun.
L-aħbar ta' mewtu xxukkjat lill-miljuni ta' Veneżwelani – fil-parti kbira nies foqra li kienu jħobbuh talli investa ħafna mill-ġid iġġenerat miż-żejt f'benefiċċji soċjali. Chávez kien ilu aktar minn sena marid bil-kanċer u għamel diversi operazzjonijiet f'Kuba filwaqt li ilu ma jidher fil-pubbliku għal diversi xhur. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Elias Jose Juana Milano ddikjara sebat'ijiem ta' luttu filwaqt li l-funeral se jsir nhar il-Ġimgħa. Il-Viċi President ħa l-presidenza sakemm jħabbar elezzjoni fi żmien tletin ġurnata.
'Il fuq minn għoxrin Kapijiet ta' Stat attendew għall-funeral tal-President Chávez, bil-poplu Venezwelan jissieħeb f'espressjoni ta' luttu kollettiv għall-mexxej xellugi kariżmatiku li bidel il-wiċċ tal-politika tal-Amerika t'Isfel. Filwaqt li l-mewt ta' Chávez anki tat ir-ruħ lil ħafna avversarji tiegħu li dejjem xlewh bħala dittatur – folol kbar ta' Chavistas (sostenituri tal-mexxej rivoluzzjonarju) ħonqu l-pjazez madwar l-Akkademja tal-Pulizija f'Caracas fejn fl-aħħar jiem għaddew l-għexieren tal-eluf tan-nies minn maġenb it-tebut tal-President.
Il-Gvern tal-Venezwela stqarr li 'l-imħabba li wrew in-nies għall-President kienet inkredibbli' fost rapporti li l-katavru tiegħu se jispiċċa bbalzmat qabel jitpoġġa għall-wiri għall-eternità f'mużew militari – l-istess bħalma kien seħħ fil-każ tal-Mexxejja komunisti Lenin, Stalin u Mao Tse-tung, wara mewthom.
Kien anki konfermat li l-katavru tal-President se jibqa' espost bl-unuri kollha tal-Istat għal ġimgħa oħra fejn jistgħu jarawh miljuni oħra ta' Venezwelani li jridu jagħtu tislima personali lil bniedem li jibqa' mfakkar bħala wieħed mill-aktar mexxejja kariżmatiċi u kontroversjali mhux biss fl-Amerika Latina iżda anki fid-dinja. Aktar tard illum – u dritt wara l-funeral – Nicolas Maduro, is-suċċessur 'preferut' ta' Chávez ħa l-ġurament bħala l Aġent President tal-Venezwela.
Fost il-mexxejja li marru Caracas biex jagħtu l-aħħar tislima lil Chávez kien hemm alleati ewlenin bħall-President tal-Ekwador Rafael Correa, il-mexxejja attwali u preċedenti tal-Brażil, Dilma Rousseff u Luiz Inacio Lula da Silva u l-President ta' Kuba Raul Castro.
F'kumment li għadda waqt il-funeral, Castro qal li Chávez 'telaq mingħajr ma sofra telfa elettorali waħda', b'referenza għall-erba' rebħiet konsekuttivi tal-Venezwelan fl-elezzjonijiet għall-Presidenza ta' pajjiżu u s-sensiela tal-elezzjonijiet l-oħra li saru waqt tmexxija li damet għal erbatax-il sena.
Il-President tal-Arġentina Cristina Fernandez, li kienet ħabiba kbira ta' Chávez, kienet fost l-ewwel mexxejja li marru fil-Venezwela biex isellmu lill-Mexxej Venezwelan iżda din telqet mill-pajjiż mingħajr ma attendiet għall-funeral. Il-President tal-Iran Mahmoud Ahmadinejad kien preżenti ukoll għaċ-ċerimonja, l-istess bħal delegazzjoni mill-Istati Uniti.
Ħoloq esterni
immodifika- (ES) Blogg personali uffiċjali
- Profil ta' Hugo Chávez fuq BBC News
- Intervista ma' Hugo Chávez fuq The Progressive