Heidrun Gerzymisch
Heidrun Gerzymisch (8 ta’ Mejju 1944) hija studjuża tat-Traduzzjoni Ġermaniża[1] u Professur Emeritu fl-Università ta’ Saarland f’Saabrucken, fejn kienet professur fil-Lingwistika tal-Ingliż u x-Xjenza tat-Traduzzjoni mill-1993 sal-2009. Fl-2014 kienet responsabbli għall-iskola internazzjonali li tipprepara l-istudenti għad-dottorat, “MuTra” fiċ-Ċentru GradUS fl-Università ta’ Saarland u tat lekċers tat-traduzzjoni fl-Università ta’ Zurich għax-Xjenzi Applikati (ZHAW).
Tfulija u edukazzjoni
immodifikaGerzymisch twieldet f’Gusow, ħdejn Seelow, il-Ġermanja. Fl-1969 iggradwat mill-Istitut für Ubersetzen und Dolmetschen (Istitut għat-Traduzzjoni u l-Interpretar) fl-Università ta’ Heidelberg bil-grad ta’ ‘Diplom-Ubersetzer’ (M.A. Traduzzjoni) fl-Ingliż u l-Ispanjol u fl-Ekonomija bħala suġett sussidjarju. Dan wara li kienet għamlet apprentistat l-RTP, fi New York (1964) u studjat il-lingwi fil-Polytechnic of Central London (1965) u fl-Università ta’ Zaragoza, fi Spanja (1968). Imbagħad, ħadmet bħala traduttriċi u interpretu freelance, l-aktar fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u tal-ekonomija.
Karriera
immodifikaMill-1979 sal-1993 Gerzymisch kienet lettriċi fl-Istitut für Ubersetzen und Dolmetschen (L-Istitut għat-Traduzzjoni u l-Interpretar) fl-Università ta’ Heidelberg fejn għallmet korsijiet prattiċi tat-traduzzjoni. Fl-1986 gradwat fil-livell ta’ Dottorat (Dr. Phil.) mill-Università Johannes Gutenberg ta’ Mainz-Germersheim b’teżi dwar l-istruttura tal-informazzjoni (analiżi tat-tema u tar-rima) ta’ testi dwar il-kummerċ Amerikan (bil-Ġermaniż).
Fl-1987-1988, 1990 u 1991 kienet professur fid-Dipartiment tat-Traduzzjoni u l-Interpretar f’Monterey Institute of International Studies, f’Monterey, Kalifornja. Fl-1992 temmet l-istudji postdottorali fix-Xjenza tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Heidelburg. Fl-1993 kienet professura fuq bażi temporanja fil-qasam tax-xjenza tat-traduzzjoni fl-Istitut für Ubersetzen und Dolmetschen fl-Università ta’ Heidelberg. Imbagħad ġiet offruta l-pożizzjoni permanenti bħala ta’ professur tal-Lingwistika Ingliża u x-Xjenza tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Saarland, fejn baqgħet tgħallem sal-2009.
Hi kienet ta’ spiss tkun mistiedna tgħallem f’universitajiet bħal fl-Istitut tat-Traduzzjoni u l-Interpretar fl-Università Karlu fi Praga fl-1999, fl-Istitut tat-Traduzzjoni u l-Interpretar Teoretiku u Applikat fl-Università ta’ Graz fl-2002, fl-Istitut tat-Traduzzjoni u l-Interpretar fl-Università tax-Xjenzi Applikati f’Zurich (ZHAW) mill-2008 sal-2018, u anke fiċ-Ċentru tal-Istudji tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Vjenna fl-2010.
Fl-1994 Heidrun Gerzymisch waqqfet iċ-Ċentru għar-Riċerka Avvanzata fit-Traduzzjoni (ATRC) fl-Università ta’ Saarland, u fl-1996 waqqfet "Stiftung zur Förderung des wissenschaftlichen Nachwuchses im Übersetzen und Dolmetschen" (“Fondazzjoni għall-Promozzjoni ta’ Studjużi żgħażagħ fit-Traduzzjoni u l-Interpretar”). Bejn l-1999 u l-2007, l-ATRC organizzat serje ta’ konferenzi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea (Marie Curie Euroconferences) fl-Universitajiet ta’ Aarhus, Copenhagen, Praga, Saarbrucken u Vjenna. Aktar tard, dan wassal biex titwaqqaf l-iskola internazzjonali li tipprepara l-istudenti għad-dottorat, MuTra. Fl-2010, MuTra ġiet integrata fiċ-Ċentru GradUS fl-Università ta’ Saarland.
Gerzymisch kienet responsabbli għall-Kumitat tal-Premju tal-Istudjużi Żgħażagħ (Young Scholar Prize) fi ħdan l-EST (Soċjetà Ewropea għall-Istudji tat-Traduzzjoni).
Referenzi
immodifika- ^ Mirosława Ziaja-Buchholtz (2002). Reflections of the master: the reception of Henry James in Poland 1877-2000. Wydawn. Uniwersytetu Mikołaja Kopernika w Toruniu. p. 135. ISBN 978-83-231-1386-7.