Geirangerfjord
Geirangerfjord (bin-Norveġiż: Geirangerfjorden)[1][2][3] huwa fjord fir-reġjun ta' Sunnmøre tal-kontea ta' Møre og Romsdal, in-Norveġja. Jinsab għalkollox fil-Muniċipalità ta' Stranda. Huwa fergħa twila 15-il kilometru (9.5 mili) tas-Sunnylvsfjorden, li min-naħa tiegħu huwa fergħa tal-iStorfjorden (Fjord il-Kbir), parti mill-Fjords Norveġiżi tal-Punent. Il-villaġġ żgħir ta' Geiranger jinsab fit-tarf nett tal-fjord fejn ix-xmara Geirangelva tnixxi għal ġo fih.
Fjord
immodifikaIl-fjord huwa wieħed mill-iżjed siti turistiċi li jżuruh nies fin-Norveġja. Fl-2005 tniżżel bħala parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien ma' Nærøyfjord.[4] Dan l-istatus issogra li jitneħħa minħabba l-pjanijiet ikkontestati biex jinbnew arbli tal-elettriku minn naħa għall-oħra tal-fjord.
Hemm lanċa li ġġorr il-karozzi, li tintuża wkoll bħala mawra għat-turisti, li tiġi operata minn Fjord1 Nordvestlandske. Topera għat-tul minn naħa għall-oħra tal-fjord bejn l-irħula żgħar ta' Geiranger u Hellesylt. Il-fjord huwa skedat li fih joperaw biss vapuri b'emissjonijiet żero mill-2026.
Tul il-ġnub tal-fjord hemm għadd ta' rziezet li issa jinsabu abbandunati. Sar xi restawr mill-assoċjazzjoni Storfjordens venner. L-iżjed li jżuruhom nies fosthom huma dawk ta' Skageflå, ta' Knivsflå u ta' Blomberg. Ir-razzett ta' Skageflå huwa aċċessibbli wkoll bil-mixi minn Geiranger, filwaqt li t-tnejn l-oħra jirrikjedu vjaġġ bid-dgħajsa. Il-fjord fih ukoll diversi kaskati impressjonanti bħall-Kaskati tas-Seba' Aħwa Bniet.
Magdalene Thoresen, il-kunjata ta' Henrik Ibsen, stqarret dwar l-inħawi:
Dan il-fjord huwa mdawwar minn uħud mill-iżjed muntanji weqfin tal-kosta kollha tal-Punent. Huwa dejjaq ħafna u ma fih l-ebda żona kostali abitabbli, peress li l-irdumijiet għoljin u s-saffi ppuntati jibqgħu neżlin sal-ilma. Kaskati bir-ragħwa jinżlu fil-fjord mill-qċaċet ippuntati. Madankollu hemm xi ftit irziezet fil-muntanji hawnhekk, u wieħed mit-tnejn li hemm fl-inħawi tant għandu aċċess perikoluż, permezz ta' mogħdijiet li jserrpu mal-irdumijiet weqfin u permezz ta' pontijiet imwaħħlin mal-muntanji bil-boltijiet u bl-anelli tal-ħadid, li huma xhieda tal-qawwa notevoli tal-invenzjoni li qanqlu fil-bniedem l-isfidi tan-natura.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Fjords Norveġiżi tal-Punent ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[4]
Kaskati
immodifikaL-iżjed żewġ kaskati notevoli fil-Geirangerfjord huma l-Kaskati tas-Seba' Aħwa Bniet u l-Kaskata ta' Friaren. Dawn iż-żewġ kaskati jinsabu faċċata ta' xulxin fuq naħat differenti tal-fjord, u l-kaskata tal-aħħar jingħad li qed tipprova tittanta l-aħwa bniet ta' faċċata.
Kaskata oħra fil-fjord tissejjaħ il-Velu tal-Għarusa, peress li l-kaskati jinżlu bil-mod, b'mod delikat fuq naħa waħda bil-blat, u meta wieħed iħares lejha bix-xemx fuqha tidher proprju qisha velu fuq il-blat.
Ċedimenti tal-art
immodifikaIl-Geirangerfjord jinsab mhedded kostantement mill-muntanja ta' Åkerneset li waslet biex titnawwar u ċċedi sa fl-aħħar fil-fjord. Ċediment tal-muntanja x'aktarx li jwassal għal tsunami, li kieku taffettwa diversi rħula fil-qrib, inkluż Geiranger u Hellesylt f'madwar għaxar minuti.
Fil-kultura popolari
immodifika- Il-film tal-2015 The Wave (Bølgen) huwa bbażat fuq il-premessa ta' ċediment tal-blat mill-muntanja ta' Åkerneset li tgħerreq ir-raħal ta' Geiranger.
- Il-cartoons Frozen uża l-pajsaġġi ta' Geirangerfjord u ta' Nærøyfjord bħala bażi għall-pajsaġġ ta' Arendelle.[5]
Gallerija
immodifika-
Veduta panoramika ta' Geirangerfjord.
-
Veduta panoramika ta' Geirangerfjord.
-
Geirangerfjord minn Dalsnibba.
-
Is-Seba' Aħwa Bniet (De syv søstrene) u l-kaskata ta' Friaren.
-
Ritratt storiku tal-fjord bil-kaskati tas-Seba' Aħwa Bniet.
-
Il-kaskati tas-Seba' Aħwa Bniet neżlin fi Geirangerfjord.
Referenzi
immodifika- ^ Maxtone-Graham, John. 2000. Liners to the Sun. Dobbs Ferry, NY: Sheridan House, p. 422.
- ^ Saintot, A. et al. 2011. Inheritance of Ductile and Brittle Structures in the Development of Large Rock Slope Instabilities: Examples from Western Norway. In: Michel Jaboyedoff (ed.), Slope Tectonics, pp. 27–78. Londra: The Geological Society of London, p. 62.
- ^ Gutiérrez, Mateo. 2005. Climatic Geomorphology. Transl. G. Benito et al. Amsterdam: Elsevier, p. 87.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "West Norwegian Fjords – Geirangerfjord and Nærøyfjord". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-23.
- ^ Press, BETH J. HARPAZ Associated (2014-06-05). "How Disney's Frozen frenzy is creating a craze for Geirangerfjord". Toronto Star (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-23.