Gammelstad
Gammelstad, magħrufa wkoll bħala l-parroċċa ta' Gammelstad, (bl-Iżvediż: Gammelstads kyrkstad) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tinsab ħdejn il-belt ta' Luleå, l-Iżvezja, fin-naħa tat-Tramuntana tal-Golf ta' Bothnia. Hija l-aqwa eżempju ppreservat tal-parroċċi li fl-imgħoddi kienu mifruxa kullimkien fit-Tramuntana tal-Iskandinavja.
Il-parroċċa tinsab xi għaxar kilometri 'l fuq mix-xmara Lule. Fiċ-ċentru tal-parroċċa hemm il-Knisja ta' Nederluleå tas-seklu 15, imdawra b'424 dar tal-injam. Id-djar kienu jintużaw biss nhar ta' Ħadd u meta kien ikun hemm festivals reliġjużi biex jilqgħu lill-fidili mill-kampanja tal-madwar li ma setgħux jerġgħu lura d-dar tagħhom fl-istess jum minħabba d-distanza u l-kundizzjonijiet diffiċli tal-ivvjaġġar.[1]
Peress li l-binjiet huma tal-injam, jeħtieġu manutenzjoni regolari biex jiġi evitat it-taħsir mill-elementi jew mis-susa. Twettqu stħarriġiet biex jiġi ddokumentat il-livell ta' taħsir eżistenti, u l-borra titneħħa regolarment matul ix-xitwa.[2]
Storja
immodifikaIl-parroċċa ta' Gammelstad bdiet bħala insedjament kummerċjali, u saret l-enfasi ta' osservanzi reliġjużi għall-komunitajiet tal-bdiewa u tar-raħħala fir-reġjun. Gammelstad hija eżempju ppreservat b'mod eċċezzjonali ta' parroċċa tal-Iskandinavja. Tali insedjamenti huma uniċi, minħabba li kienu msawra mill-ħtiġijiet reliġjużi u soċjali tal-abitanti ta' reġjun, iktar milli minn forzi ekonomiċi u ġeografiċi.
Id-diversi djar tal-injam li nbnew madwar il-knisja kienu jintużaw nhar ta' Ħadd biss, jew inkella f'festivals reliġjużi bħala akkomodazzjoni fejn il-fidili kienu jibqgħu għal lejl minflok joqogħdu jivvjaġġaw għal distanzi twal jew f'kundizzjonijiet perikolużi tal-klima naturali fl-istess jum. L-iżvilupp ta' Gammelstad f'parroċċa minflok f'raħal merkantili hija riżultat dirett tal-olzar naturali tal-art li wassal biex il-port tar-raħal ma setax jintuża iktar fis-seklu 17, u b'hekk iċ-ċittadini kellhom jirrilokaw lejn iċ-ċentru kummerċjali tal-komunità. L-insedjament il-ġdid ħa l-isem ta' Luleå, filwaqt li s-sit bikri ta' madwar il-knisja ngħata l-isem ta' Gammelstad (jiġifieri Ċentru Storiku jew Raħal Antik). Ir-rilokazzjoni taċ-ċentru kummerċjali ppreservat l-insedjament uniku ta' Gammelstad, u b'hekk ma ntmessitx mill-industrijalizzazzjoni tar-reġjun li seħħet iktar 'il quddiem fis-seklu 19.[3]
Il-pjanta ta' Gammelstad baqgħet ippreservata għalkollox kif kienet oriġinarjament. Ir-raħal kiber b'mod organiku tul id-diversi sekli, b'żidiet li kienu jfeġġu dejjem mill-knisja, u b'toroq madwar iċ-ċentru tal-parroċċa fil-ġnub tal-għolja tal-parroċċa. Fl-imgħoddi kien inbena ħajt madwar il-knisja, madankollu l-ħajt li hemm attwalment huwa rikostruzzjoni. L-iżvilupp kien waqaf għalkollox wara nofs is-seklu 17. Illum il-ġurnata, ma tantx fadal wisq insedjamenti-parroċċi Skandinavi, u Gammelstad hija l-iktar eżempju ppreservat ta' din ix-xorta ta' insedjament, u b'hekk hija mħarsa mill-UNESCO.[3]
Binjiet
immodifikaHemm total ta' 520 binja fi ħdan il-parroċċa ta' Gammelstad. Dawn il-binjiet jinkludu 404 dar tal-parroċċa maqsuma f'madwar 552 kamra separata, u 116-il binja oħra. Id-djar tal-injam tal-parroċċa li servew bħala akkomodazzjoni fuq medda qasira ta' żmien għall-fidili, faċċata tagħhom hemm djar ikbar li huma iktar konvenzjonali għall-uffiċjali u għall-merkanti li kienu jgħixu b'mod permanenti fl-insedjament. Iż-żewġ tipi ta' akkomodazzjoni jinsabu madwar il-knisja tas-seklu 15, l-unika binja tal-ġebel tal-parroċċa, b'daqs li jirrifletti l-prosperità tar-reġjun. Binjiet notevoli oħra jinkludu l-Kappella ta' Bethel, id-Dar tas-Separatisti, il-Binja Parrokkjali, il-Matmura ta' Tithe, ir-Residenza tas-Sindku, ir-Residenza tal-Kaptan, u l-Binja għall-Viżitaturi (qisha lukanda żgħira).[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-parroċċa ta' Gammelstad ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]
Referenzi
immodifika- ^ Fast, April; Thomas, Keltie (2004). Sweden: The Culture. Crabtree Publishing Company. pp. 20. ISBN 077879329X.
- ^ Kaslegard, Anne (2011). Climate Change and Cultural Heritage in the Nordic Countries. Nordic Council of Ministers. p. 16. ISBN 9289321954.
- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Church Town of Gammelstad, Luleå". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-02.