François Couperin
François Couperin ([fʁɑ̃swa kupʁɛ̃]; twieled fl-10 ta' Novembru 1668 – miet fil-11 ta' Settembru 1733)[1] kien kompożitur Barokk, organist u klaviċembalist Franċiż. Huwa kien magħruf bħala Couperin le Grand ("Couperin il-Kbir") biex jiġi distint minn membri oħra tal-familja Couperin li kellhom talent mużikali.
François Couperin | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Pariġi, 10 Novembru 1668, 10 Diċembru 1668 |
Nazzjonalità | Franza |
Mewt | Pariġi, 11 Settembru 1733 |
Familja | |
Missier | Charles Couperin |
Ulied |
uri |
Tribù | familja Couperin |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Franċiż Ġermaniż |
Għalliema |
Jacques Thomelin Charles Couperin |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kompożitur organist daqqaq tal-viola da gamba klaviċembalist |
Moviment |
mużika klassika mużika Barokka |
Moviment artistiku | mużika Barokka |
Strument/i tal-mużika |
orgni vjolin |
Bijografija
immodifikaCouperin twieled f'familja mużikali prominenti. Missieru Charles kien organist fil-Knisja ta' Saint-Gervais f'Pariġi, kariga li qabel kellu ħu Charles, Louis Couperin, virtuoso u kompożitur tat-tastieri rinomat b'karriera qasira minħabba li miet żgħir. Meta kien għadu tifel, François x'aktarx li ngħata l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika mingħand missieru, iżda Charles miet fl-1679. Il-kunsill tal-Knisja ta' Saint-Gervais qabbdet lil Michel Richard Delalande biex ikun l-organist il-ġdid bil-qbil li François jissostitwih malli jagħlaq 18-il sena.
Meta kellu 11-il sena, François trabba u ġie mgħallem mill-organist Jacques-Denis Thomelin, li kien jaħdem kemm fil-qorti kif ukoll fil-Knisja ta' St Jacques-de-la-Boucherie. Il-bijografu Évrard Titon du Tillet kiteb li Thomelin ittratta lit-tifel estremament tajjeb, u sar qisu t-tieni missier tiegħu. It-talent ta' François x'aktarx li ħareġ fid-dieher qabel iż-żmien għaliex sal-1685 il-kunsill tal-knisja diġà kienet bdiet tagħtih salarju, minkejja li ma kellu l-ebda kuntratt.
Meta għalaq wieħed u għoxrin sena, Couperin tilef ukoll lil ommu, Marie (imwielda Guérin), iżda tul il-bqija ta' ħajtu u tal-karriera tiegħu x-xorti daħqitlu. Fl-1689 huwa żżewweġ lil Marie-Anne Ansault, bint familja għanja. Is-sena ta' wara ġew ippubblikati l-Pièces d'orgue tiegħu, ġabra ta' biċċiet mużikali bl-orgni għall-quddiesa li ġew imfaħħra minn Delalande, li jaf għenu bil-proġett. Tliet snin wara, Couperin ħa post Thomelin fil-qorti ta' Lwiġi XIV. Il-ħatra wasslitu biex jiltaqa' ma' wħud mill-ifjen kompożituri ta' żmienu kif ukoll mal-aristokrazija. L-iktar mużika tal-kamra bikrija tiegħu tmur lura għal dan iż-żmien. Couperin ingħata d-dmirijiet tal-qorti fl-istess żmien li ngħata dawk bħala organist fil-Knisja ta' Saint-Gervais, filwaqt li kien jikkomponi wkoll.
Approvazzjoni rjali għall-pubblikazzjoni
immodifikaHuwa kiseb privileġġ irjali għal 20 sena biex jippubblika fl-1713 u użah minnufih biex joħroġ l-ewwel volum (minn erbgħa) tax-xogħlijiet tiegħu bil-klaviċembalu, Pieces de clavecin. Fl-1716 ħareġ manwal għad-daqq tal-klaviċembalu, kif ukoll ġabriet oħra għat-tastieri u mużika tal-kamra. Fl-1717 Couperin ħa post wieħed mill-iktar kollegi eminenti tiegħu, Jean-Henri d'Anglebert, bħala ordinaire de la musique de la chambre du roi pour le clavecin, waħda mill-ogħla ħatriet possibbli għal mużiċist tal-qorti. Madankollu, l-involviment tiegħu fl-attivitajiet mużikali tal-qorti jaf naqas wara l-mewt ta' Lwiġi XIV fl-1715.
Is-saħħa ta' Couperin marret għall-agħar b'mod kostanti matul is-snin 20 tas-seklu 18. Is-servizzi ta' kuġin kienu meħtieġa sal-1723 fil-Knisja ta' Saint Gervais, u fl-1730 il-kariga ta' Couperin bħala klaviċembalist tal-qorti ngħatat lil bintu Marguerite-Antoinette. Il-pubblikazzjonijiet finali ta' Couperin kienu Pièces de violes (1728) u r-raba' volum tal-biċċiet mużikali bil-klaviċembalu (1730). Il-kompożitur miet fl-1733. Il-binja fejn kien jgħix Couperin flimkien mal-familja tiegħu mill-1724 għadha teżisti u tinsab fil-kantuniera bejn rue Radziwill u rue des Petits Champs. Il-kompożitur ħalla minn tal-inqas tliet ulied: Marguerite-Antoinette, li baqgħet taħdem bħala klaviċembalist tal-qorti sal-1741, Marie-Madeleine (Marie-Cécile), li saret soru u jaf ħadmet bħala organist fl-Abbazija ta' Maubuisson, u François-Laurent, li skont sorsi kontemporanji ħalla l-familja wara l-mewt ta' missieru.
Xogħlijiet
immodifikaCouperin irrikonoxxa d-dejn tiegħu lill-kompożitur Taljan Corelli. Huwa introduċa l-format tat-trio sonata ta' Corelli fi Franza. Couperin ikkompona żewġ trio sonata kbar. L-ewwel, Le Parnasse, ou L'Apothéose de Corelli ("Parnassus, jew l-Apoteożi ta' Corelli"), ikkomponiha biex juri d-dejn kbir li kellu fil-konfront ta' Corelli u ġiet ippubblikata fl-1724. L-oħra, L'Apothéose de Lully, ġiet ippubblikata sena wara u kkomponiha biex jagħti ġieħ lil Jean-Baptiste Lully. Fiha uża stili Franċiżi u Taljani tal-mużika Barokka, sabiex jirrikonċilja ż-żewġ stili differenti ħafna f'dik li Couperin sejjaħ réunion des goûts (riunjoni ta' gosti). Fl-istess sena li ġiet ippubblikata L'Apothéose de Corelli, Couperin ippubblika sett ta' għaxar biċċiet mużikali, "Nouveaux concerts, ou Les goûts réunis", li wkoll kienu jikkombinaw dawn iż-żewġ stili differenti tal-mużika Barokka.
L-iktar ktieb famuż tiegħu, L'art de toucher le clavecin ("L-Arti tad-Daqq tal-Klaviċembalu", li ġie ppubblikat fl-1716), fih suġġerimenti dwar it-tqegħid tas-swaba', il-mess, l-ornamentazzjoni u karatteristiċi oħra tat-teknika tat-tastieri, kif ukoll tmien preludji bin-noti tal-biċċiet mużikali fl-ewwel żewġ kotba tiegħu ta' mużika bil-klaviċembalu u Allemande biex juri l-istil Taljanizzat.
L-erba' volumi ta' mużika bil-klaviċembalu ta' Couperin, li ġew ippubblikati f'Pariġi fl-1713, fl-1717, fl-1722, u fl-1730, fihom iżjed minn 230 biċċa mużikali individwali, u huwa ppubblika wkoll ktieb ta' Concerts Royaux ("Kunċerti Rjali") li jistgħu jindaqqu bħala biċċiet individwali bil-klaviċembalu jew bħala biċċiet mużikali żgħar tal-kamra. L-erba' kollezzjonijiet għall-klaviċembalu biss huma raggruppati f'ordres, sinonimu ta' suites, li fihom żifniet tradizzjonali kif ukoll biċċiet mużikali b'titli deskrittivi. Huma notevoli għall-indikazzjoni dettaljata tal-ornamenti min-naħa ta' Couperin, li fil-biċċa l-kbira tal-mużika bil-klaviċembalu ta' dak iż-żmien kienu jitħallew għad-diskrezzjoni tal-mużiċist. L-ewwel u l-aħħar biċċiet mużikali f'ordre kien ikollhom l-istess tonalità, iżda l-biċċiet mużikali tan-nofs seta' jkollhom tonalitajiet oħra relatati mill-qrib. Dawn il-volumi kienu ammirati minn Johann Sebastian Bach, li skambja ittri ma' Couperin, u iktar 'il quddiem minn Brahms u minn Ravel. Dan tal-aħħar fassal memorjal għall-kompożitur f'Le Tombeau de Couperin ("Il-Memorjal ta' Couperin).
Bosta mill-biċċiet mużikali tat-tastieri ta' Couperin għandhom titli pittoreski evokattivi (bħal "L-imtieħen iż-żgħar" u "Il-barrikati misterjużi") u jesprimu burdata permezz ta' għażliet ta' noti, armoniji avventurużi u dissonanzi (ħfief). Dawn ġew imqabbla ma' poeżiji b'tonalità tal-minjaturi. Dawn il-karatteristiċi attiraw lil Richard Strauss, li orkestra wħud minnhom.
Il-mużika bil-pjanu ta' Johannes Brahms ġiet influwenzata mill-mużika tat-tastieri ta' Couperin. Brahms daqq il-mużika ta' Couperin fil-pubbliku u kkontribwixxa għall-ewwel edizzjoni kompluta tal-Pièces de clavecin ta' Couperin minn Friedrich Chrysander fis-snin 80 tas-seklu 19.
Il-kompożitur modern Ingliż Thomas Adès ħa tliet biċċiet mużikali minn settijiet differenti tas-suites ta' Couperin u orkestrahom fix-xogħol tiegħu "Tliet Studji minn Couperin" (bl-Ingliż: Three Studies from Couperin).
L-espert tal-mużika bikrija Jordi Savall kiteb li Couperin kien "l-iprem mużiċist poeta", li kien jemmen fil-"kapaċità tal-Mużika [b'M kapitali] li tesprimi ruħha fil-proża u fil-poeżija", u li "jekk nidħlu fil-poeżija tal-mużika niskopru li fiha grazzja li hi isbaħ mis-sbuħija stess".[2]
Orgni
immodifikaKollezzjoni waħda biss ta' mużika bl-orgni għadha teżisti ta' Couperin, il-Pièces d'orgue consistantes en deux messes ("Biċċiet għall-Orgni li Jikkonsistu minn Żewġ Quddisiet"), u l-ewwel manuskritt tfaċċa għall-ħabta tal-1689-1690.[3][4] Meta kellu 21 sena, Couperin x'aktarx li la kellu l-fondi u lanqas ir-reputazzjoni biex jikseb pubblikazzjoni mifruxa, iżda x-xogħol ġie approvat mill-għalliem tiegħu, Michel Richard Delalande, li kiteb li l-mużika kienet "sabiħa ħafna u jistħoqqilha tingħata lill-pubbliku".[5] Iż-żewġ quddisiet kienu maħsuba għal udjenzi differenti: l-ewwel waħda għall-parroċċi jew għall-knejjes lajċi ("paroisses pour les fêtes solemnelles"), u t-tieni waħda għall-kunventi jew għall-abbaziji ("couvents de religieux et religieuses"). Dawn il-quddisiet huma maqsuma f'ħafna movimenti f'konformità mal-istruttura tradizzjonali tal-Quddiesa bil-Latin: Kyrie (ħames movimenti), Gloria (disa' movimenti), Sanctus (tliet movimenti), Agnus (żewġ movimenti), u Offertoire u Deo gratias addizzjonali għall-konklużjoni ta' kull quddiesa.
Couperin segwa t-tekniki li kienu jintużaw fil-quddisiet minn Nivers, Lebègue, u Boyvin, kif ukoll predeċessuri oħrajn tal-era Barokka Franċiża. Fil-Quddiesa tal-paroisses, huwa juża kant ta' innijiet sempliċi mill-Missa cunctipotens genitor Deus bħala cantus firmus f'żewġ movimenti tal-Kyrie u fl-ewwel moviment tas-Sanctus; is-suġġett tal-Fugue tal-Kyrie oriġina mill-inċipit ta' innu. Il-Quddiesa għall-couvents ma fiha l-ebda kant ta' innijiet sempliċi, peress li kull kunvent u monasteru kien ikollu l-innijiet mhux standard tiegħu. Couperin jitbiegħed mill-predeċessuri tiegħu b'ħafna modi. Pereżempju, il-melodiji tar-Récits huma strettament ritmiċi u iktar direzzjonali minn eżempji preċedenti tal-ġeneru. Willi Apel kiteb, "din il-mużika turi sens ta' ordni naturali, vitalità, u immedjatezza ta' sentimenti li toħroġ mill-mużika tal-orgni Franċiża bħal żiffa friska".[6]
L-itwal biċċa mużikali fil-kollezzjoni hija l-Offertoire sur les grands jeux tal-ewwel Quddiesa, li hija simili għal overture Franċiża estiża fi tliet sezzjonijiet kbar: preludju, fugue kromatika f'tonalità minuri, u fugue qisha gigue. Bruce Gustafson sejjaħ il-moviment "kapulavur tal-għaġeb tar-repertorju klassiku Franċiż". It-tieni Quddiesa fiha wkoll Offertoire b'format simili, iżda din il-Quddiesa mhix ikkunsidrata kapulavur daqs l-ewwel waħda: Apel kiteb, "Inġenerali, [Couperin] ma tax l-istess attenzjoni lil din il-Quddiesa, li kitibha għal abbaziji mudesti, bħalma ta lill-Quddiesa l-oħra, li hu stess ċertament ippreżenta fi btajjel importanti fl-orgni tal-Knisja ta' Saint-Gervais".[7]
Referenzi
immodifika- ^ Beaussant, Philippe (1990). François Couperin; translated from the French by Alexandra Land. Amadeus Press. ISBN 0-931340-27-6. p. 348.
- ^ Savall, Jordi (2005), François Couperin: Les Concerts Royaux (CD liner notes), Alia Vox, AV9840,
Couperin est le musicien-poète par excellence, qui croit en la capacité de la Musique à s'exprimer avec «sa prose et ses vers»...si on entre dans sa profonde dimension poétique, on découvre qu'ils [referring to the occasional pieces such as Les Concerts Royaux] sont porteurs d’une grâce qui est, «plus belle encore que la beauté...».
- ^ Gustafson, Bruce (2004). "France". In Alexander Silbiger (ed.). Keyboard Music Before 1700. New York: Routledge. pp. 115–116.
- ^ Apel, Willi (1972). The History of Keyboard Music to 1700. Bloomington: Indiana University Press. pp. 736–738.
- ^ Gustafson, Bruce (2004). "France". In Alexander Silbiger (ed.). Keyboard Music Before 1700. New York: Routledge. pp. 115–116.
- ^ Apel, Willi (1972). The History of Keyboard Music to 1700. Bloomington: Indiana University Press. pp. 736–738.
- ^ Apel, Willi (1972). The History of Keyboard Music to 1700. Bloomington: Indiana University Press. p. 738.
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': François Couperin (François Couperin) |