Foss ta' Messel

sit paleontoloġiku qrib il-villaġġ ta' Messel, il-Ġermanja

Il-Foss ta' Messel (bil-Ġermaniż: Grube Messel) hija barriera li ma għadhiex tintuża qrib il-villaġġ ta' Messel (Landkreis Darmstadt-Dieburg, Hesse) madwar 35 kilometru (22 mil) fix-Xlokk ta' Frankfurt am Main, il-Ġermanja. Ix-shale bituminuż kien jiġi estratt minn hawnhekk. Minħabba l-abbundanza ta' fossili ppreservati sew li jmorru lura għal nofs il-perjodu Eoċen, il-foss għandu importanza ġeoloġika u xjentifika sinifikanti. Iktar minn 1,000 speċi ta' pjanti u ta' annimali nstabu fis-sit. Wara li kważi s-sit kien sar miżbla, reżistenza lokali qawwija eventwalment waqqfu li l-pjanijiet li kien hemm u l-Foss ta' Messel tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-9 ta' Diċembru 1995.[1] Għadhom isiru skoperti xjentifiċi sinifikanti dwar l-evoluzzjoni bikrija tal-mammiferi u tal-għasafar fil-Foss ta' Messel, u kulma jmur is-sit qed isir sit turistiku wkoll.

Veduta tal-Foss ta' Messel.

Il-faħam kannella u iktar 'il quddiem ix-shale taż-żejt kienu jiġu estratti b'mod attiv minn dan is-sit mill-1859. Il-foss sar magħruf għall-ewwel darba għall-bosta fossili tiegħu għall-ħabta tal-1900, iżda l-iskavi xjentifiċi serji bdew biss għall-ħabta tas-snin 70 tas-seklu 20, meta l-prezzijiet taż-żejt niżlu f'daqqa u b'hekk it-tħaffir għaż-żejt mill-barriera ma kienx iktar vijabbli ekonomikament. L-estrazzjoni kummerċjali tax-shale taż-żejt waqfet fl-1971 u nbniet fabbrika tas-siment fil-barriera li falliet is-sena ta' wara. L-art kienet ippjanata li tintuża bħala miżbla, iżda l-pjanijiet qatt ma twettqu u l-istat ta' Hesse xtara s-sit fl-1991 sabiex jiġi żgurat l-aċċess xjentifiku. Fil-ftit snin bejn it-tmiem tal-estrazzjoni u l-1974, meta l-istat beda jħejji s-sit għar-rimi tal-iskart, kollezzjonisti dilettanti kienu jitħallew jiġbru l-fossili. Id-dilettanti żviluppaw "teknika ta' trasferiment" li ppermettitilhom jippreservaw id-dettalji fini tal-fossili ż-żgħar. Dan il-metodu għadu jintuża fil-preservazzjoni tal-fossili sa llum il-ġurnata.[2]

Ħafna mill-eżemplari magħrufa mis-sit ġew minn kollezzjonisti dilettanti u fl-1996 amnistija fir-rigward ta' fossili li kienu nġabru fl-imgħoddi daħlet fis-seħħ, bit-tama li l-kollezzjonijiet b'sjieda privata jerġgħu jgħaddu għand sjieda pubblika u jkunu disponibbli għax-xjenza.

Karatteristiċi tad-depożiti

immodifika
 
Mappa li turi l-pożizzjoni tal-villaġġ u l-lokalità tal-fossili Messel qrib Frankfurt fil-Lbiċ tal-Ġermanja. Il-mappa l-kbira turi l-pożizzjonijiet tal-primati ta' Messel 1–7 (Tabella 1) fi ħdan l-iskavi tax-shale taż-żejt ta' Messel.

Is-superfiċe attwali tal-Foss ta' Messel ikopri bejn wieħed u ieħor 60 metru (200 pied) taħt l-art lokali u għandha erja ta' madwar 0.7 km2 (0.27 mili kwadri). Is-saff tal-qiegħ tax-shale taż-żejt oriġinarjament kien estiż sa fond ta' 190 metru (620 pied). 47 miljun sena ilu fl-Eoċen meta ffurmaw id-depożiti ta' Messel, iż-żona kienet 10° iktar lejn in-Nofsinhar milli hi attwalment. Il-perjodu kien qrib ħafna tal-Klima Ottimali tal-Eoċen Bikri u l-klima u l-ekoloġija tas-sit kienu differenti ħafna, u kienu kkaratterizzati minn temperatura annwali medja ta' 22°C u minn sensiela kbira ta' lagi tat-tip maar imdawra b'foresti subtropikali folti li kienu jsostnu bijodiversità inkredibbli. Il-qiegħ tal-lag ta' Messel x'aktarx li kien il-punt ċentrali għad-drenaġġ mix-xmajjar u mill-qaliet fil-qrib.[3]

Id-depożiti tal-foss iffurmaw matul l-Epoka tal-Eoċen tal-perjodu Paleoġen, madwar 47 miljun sena ilu, abbażi tad-datazzjoni ta' frammenti tal-bażalt taħt l-istrati bil-fossili.[4] Ix-shale taż-żejt, iffurmat mid-depożiti anossiċi neżlin bil-mod il-mod ta' tajn u ta' veġetazzjoni mejta fuq il-qiegħ tal-lag, huwa l-blata primarja fis-sit. Is-sedimenti tiegħu huma estiżi 13-il metru (43 pied) 'l isfel u jinsabu fuq pedament iktar antik tal-ġebel tar-ramel. Il-fossili fi ħdan ix-shale juru ċarezza u preservazzjoni notevoli minħabba l-karatteristiċi uniċi tad-depożiti tal-lag, għaldaqstant il-Foss ta' Messel jirrappreżenta Konservat-Lagerstätte. L-istratifikazzjonijiet ta' fuq tal-lag x'aktarx li kienu jsostnu varjetà ta' organiżmi, iżda l-qiegħ kien soġġett għal ftit tfixkil mill-kurrent, u b'hekk kattar ambjent tassew anossiku. Dan ipprevjena ħafna speċijiet epifawnali u infawnali milli jabitaw din in-niċċa, għaldaqstant il-bijoturbament kien minimu. It-taqlib tas-saffi tal-lag (ikkawżat minn varjazzjonijiet staġonali) baxxa l-kontenut tal-ossiġenu qrib is-superfiċe u wassal għal "mewta" perjodika tal-ispeċijiet akkwatiċi. Flimkien ma' rata relattivament baxxa ta' depożiti, 0.1 mm (0.0039 pulzieri) fis-sena, dan ħoloq ambjent mill-aqwa għall-preservazzjoni tal-fawna u tal-flora.

Tnixxijiet ta' gass vulkaniku

immodifika
 
Ftit mix-shale taż-żejt ta' Messel fil-qalba tal-foss.

Huwa maħsub li ż-żona madwar il-Foss ta' Messel kienet ġeoloġikament u tettonikament attiva matul l-Eoċen. Xjenzati ewlenin ħarġu bl-ipoteżi li avvenimenti simili ħafna għat-tnixxijiet ta' gass vulkaniku tal-1986 fil-Lag ta' Nyos, il-Kamerun, jistgħu jwasslu għal depożiti kbar ta' speċijiet mhux akkwatiċi (Franzen & Koster, 1994). Bidliet perjodiċi taħt is-superfiċe x'aktarx wasslu għat-tnixxija ta' konċentrazzjonijiet kbar ta' gassijiet reattivi (bħad-diossidu tal-karbonju u s-sulfur tal-idroġenu) fil-lag u fl-ekosistemi fil-qrib, u b'hekk qatlu lill-organiżmi suxxettibbli. Matul dawn it-tnixxijiet, l-għasafar u l-friefet il-lejl jaf waqgħu fil-lag jew qrib is-superfiċe tiegħu u l-annimali terrestri setgħu nqatlu meta kienu qrib ix-xatt tal-lag. Peress li l-lag kien fond ħafna, l-annimali li waqgħu fih għerqu 'l isfel fl-ilma bi ftit ossiġenu u ftit batterji, u baqgħu ppreservati b'mod notevoli, mirduma minn saffi suċċessivi ta' tajn li iktar 'il quddiem issolidifika, u b'hekk dan ipproduċa aggregazzjoni ta' fossili ta' kwalità, kwantità, integrità u varjetà eċċezzjonali. Madankollu, ipoteżijiet oħra tressqu wkoll, u ssuġġerew xi tkattir ta' ċjanobatterji li wassal għall-avvelenament tal-annimali. Din l-ipoteżi ġiet meqjusa meħtieġa sabiex tiġi spjegata l-okkorrenza ta' fossili eċċellenti tul is-sekwenza sedimentarja sħiħa (Koenigswald u oħrajn, 2004).

 
Fossila tal-mammiferu primittiv Kopidodon bil-kontorn jidher tal-pil.

Il-Foss ta' Messel jipprovdi l-aqwa evidenza ppreservata ta' flora u fawna Geiseltaljana li qatt ġiet skoperta sa issa, b'iktar minn 1,000 speċi identifikati. Il-biċċa l-kbira tas-siti l-oħra diġà jqisu ruħhom ixxurtjati jekk ikun fihom skeletri parzjali, mentri Messel jipprovdi preservazzjoni estensiva ta' integrità strutturali, fejn saħansitra ġew ippreservati l-pil, ir-rix u l-"kuluri tal-ġilda" ta' xi speċijiet. Il-preservazzjoni mhux tas-soltu qanqlet għadd ta' interpretazzjonijiet raġunati mill-qrib. Il-marki sintomatiċi b'għamla ta' "gidma" fuq iż-żewġ naħat tal-vini tal-weraq fuq werqa fossilizzata ġew identifikati bħala l-gidma fatali ta' tip ta' nemla parasitizzata b'mod terminali mill-fungu Ophiocordyceps unilateralis, li milli jidher, dak iż-żmien kif ukoll fi żminijietna, kien jikkmanda l-imġiba tagħha, sabiex jirrilaxxa l-ispori tiegħu minn post favorevoli; dan huwa l-iżjed kampjun konkret bikri ta' manipolazzjoni tal-imġiba minn fungu.[5]

 
Il-qsim tax-shale b'sikkina kbira biex jiġu żvelati l-fossili.

Id-diversità ta' speċijiet hija notevoli parzjalment bis-saħħa tal-ipoteżi tat-tnixxijiet perjodiċi ta' gassijiet. Sommarju qasir ta' wħud mill-fossili li nstabu fis-sit jinkludi:

  • Disa' pari ta' fossili ta' fkieren jitgħammru. Il-fkieren tal-ilma, Allaeochelys crassesculpta, kienu in coitus (fl-att ta' tgħammir).[6] Dawn huma pari ta' fekruna maskili u oħra femminili, b'denb il-fekruna maskili mdaħħal taħt il-fekruna femminili, li huwa l-mod li bih jitgħammru. Il-mewt tal-pari x'aktarx li kienet waħda rapida. X'aktarx li l-fkieren kienu bdew jitgħammru fl-ilmijiet tal-wiċċ tal-lag antik. Meta bdew jinżlu iktar fil-fond, mietu minħabba t-tnixxija ta' gass vulkaniku tossiku. Imbagħad indifnu fis-sediment ta' qiegħ il-lag. Fkieren ta' dan it-tip għadhom jeżistu. Dawn tilfu l-qxur ta' rettili tagħhom, u l-ġilda tagħhom tassorbi l-ossiġenu mill-ilma. Normalment dan huwa vantaġġ għaliex jgħinhom jibqgħu taħt l-ilma għal perjodi twal. Madankollu, taħt kundizzjonijiet anossiċi, dan huwa żvantaġġ, minħabba li jiġu assorbiti wkoll id-diossidu tal-karbonju u l-veleni dissolti.
  • Iktar minn 10,000 ħuta fossilizzata ta' bosta speċijiet.
  • Eluf ta' insetti akkwatiċi u terrestri, uħud b'kuluri distinti li għadhom ippreservati.
  • Kwantità kbira ta' mammiferi żgħar, fosthom żwiemel nani, ġrieden kbar, primati, annimali li jgħixu f'moħba fl-art (qniefed, marsupjali u pangolini), antenati tal-wikkiela tan-nemel u friefet il-lejl. L-eżemplari ta' friefet il-lejl fossilizzati pprovdew ħjiel dwar l-evoluzzjoni tal-ekolokalizzazzjoni.[7]
  • Għadd kbir ta' għasafar, b'mod partikolari speċijiet predaturi.
  • Kukkudrilli, żrinġijiet, fkieren tal-ilma, salamandri u rettili jew anfibji oħra.
  • Fdalijiet ta' iktar minn 30 speċi distinta ta' pjanti, inkluż weraq tal-palm, frott, trab dakkari, injam, ġewż u vinji.

Din li ġejja hija lista parzjali biss:

 
Darwinius masillae (olotip) - turija tal-preservazzjoni notevoli fil-Foss ta' Messel.
 
Masillamys fil-kollezzjoni ta' Senckenberg.

Mammiferi

immodifika
Darwinius masillae, identifikat fl-2009 bħala primat adapiformi;[8]
Kopidodon, ċimolestan estint tas-siġar;
Leptictidium, mammiferu omnivoru estint li joqmos (tal-familja leptiktida);
Propalaeotherium, antenat bikri taż-żwiemel;
Ailuravus, roditur;
Peradectes, metaterjan;
Palaeochiropteryx, farfett il-lejl;
Lesmesodon, jenodontid żgħir;
Eomanis, pangolin bikri;
Eurotamandua, pangolin bla qoxra qisu wikkiel in-nemel;
Europolemur, primat;
Hyrachyus, antenat tar-rinoċeronti;
Paroodectes, mammiferu karnivoru bikri;
Pholidocercus, qanfud bikri;
Macrocranion, qanfud bikri denbu twil;
Masillamys, roditur bikri;
Messelobunodon, artjodattilu bikri;
Godinotia, primat bikri;
Buxolestes, ċimolestan semiakkwatiku qisu lontra.

Għasafar

immodifika
Palaeotis, strutjonid bikri;
Strigogyps sapea (qabel Aenigmavis), karjamiformi;
Eocoracias, koraċiformi bikri b'kuluri magħrufa;
Messelornis, l-għasfur ta' Messel; speċi ta' gruiformi;
Masillastega, sulid tal-ilma ħelu;
Lapillavis, antenat possibbli ta' trogonid;
Cypseloramphus, apodiformi;
Messelasturidae (Messelastur u Tynskya), antenati karnivori tal-pappagalli moderni;
Palaeoglaux, kokka bikrija b'rix enigmatiku mas-sider;
Paraprefica, potù bikri;
Paraortygoides, galliformi;
Masillaraptor, falkuniformi bikri;
Parargornis, apodiformi bikri;
Messelirrisor, buċerotiformi żgħir antenat tad-daqquqa tat-toppu u daqquqiet oħra;
Selmes (anagramma ta' "Messel"), għasfur wikkiel il-ġrieden bi swaba' kbar;
Gastornis (qabel Diatryma), anseriformi kbir li ma jtirx;
Hassiavis, membru taċ-ċipselomorfi;
Quasisyndactylus, membru tal-alċediniformi;
Vanolimicola, ċaradriformi possibbli;[9]
Litornitid attwalment mingħajr isem, paleonjat qisu pispisella, l-ewwel speċi ta' dan it-tip fl-Eoċen Nofsani fl-Ewropa.[10]
Asiatosuchus, kukkudrill kbir;
Diplocynodon, alligatur;
Hassiacosuchus, alligatur durofagu;
Bergisuchus, kukkudrilliformi sebekożukkjan;
Eoconstrictor, sriep twal żewġ metri antenati tal-boa Neotropikali, Boinae[11]
Messelophis, boa viviparu żgħir;[12]
Messelopython, l-eqdem antenat magħruf tal-pituni;[13]
Cryptolacerta, gremxula b'affinitajiet mal-anfisbaenjani;
Geiseltaliellus, gremxula b'affinitajiet mal-Corytophaninae;
Allaeochelys crassesculpta, fkieren akkwatiċi antenati tal-Carettochelys.
 
Perċa bikrija Palaeoperca proxima
Amia jew Cyclurus;
Amphiperca, perċa bikrija;
Palaeoperca, perċa bikrija oħra;
Atractosteus, gar;
Sallura.
Hemiptera
  • Wedelphus dichopteroides
Hymenoptera
 
Fossila ta' ħanfusa ġojjell fejn għadu jidher il-kulur (strutturali) tal-eżoskeletru.
  • Casaleia eocenica
  • CephaloponeCephalopone grandis u Cephalopone potens
  • CyrtoponeCyrtopone curiosa, Cyrtopone elongata, Cyrtopone microcephala u Cyrtopone striata
  • Gesomyrmex pulcher
  • Messelepone leptogenoides
  • Pachycondyla eocenica
  • Pachycondyla lutzi
  • Pachycondyla messeliana
  • Pachycondyla parvula
  • Pachycondyla petiolosa
  • Pachycondyla petrosa
  • ProtoponeProtopone dubia, Protopone germanica, Protopone magna, Protopone oculata, Protopone sepulta u Protopone vetula
  • PseudectatommaPseudectatomma eocenica u Pseudectatomma striatula
  • Titanomyrma gigantea
  • Titanomyrma simillima

Sit ta' wirt ġeoloġiku tal-IUGS

immodifika

L-Unjoni Internazzjoni tax-Xjenzi Ġeoloġiċi (IUGS) tiddeskrivi l-Foss ta' Messel bħala "l-iżjed ġeosit rikk fid-dinja għall-fehim tal-ambjent ħaj tal-perjodu Eoċen, peress li jinkludi fossili ppreservati b'mod eċċezzjonali", u żiedet is-sit fil-lista tagħha ta' 100 "sit ta' wirt ġeoloġiku", ippubblikata f'Ottubru 2022. L-organizzazzjoni tiddefinixxi Sit ta' Wirt Ġeoloġiku tal-IUGS bħala "post ewlieni b'elementi u/jew bi proċessi ġeoloġiċi ta' importanza xjentifika internazzjonali, li jintuża bħala referenza, u/jew li jagħti kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tax-xjenzi ġeoloġiċi matul l-istorja".[14]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Foss ta' Messel ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Aċċess

immodifika

Il-fossili li nstabu fil-foss jintwerew fil-villaġġ ta' Messel[15], fil-Mużew tal-Fossili f'Messel[16], fil-Hessisches Landesmuseum f'Darmstadt (ħames kilometri (3.1 mili) minn Messel), kif ukoll fil-Mużew ta' Senckenberg f'Frankfurt am Main (xi 30 kilometru (19-il mil) minn Messel). Il-viżitaturi jistgħu jipparkjaw qrib il-foss u jimxu madwar 300 metru (0.19 mili) sa pjattaforma biex ikollhom veduta panoramika tal-foss. Id-dħul fil-foss isir biss bħala parti minn żjara speċjali organizzata u ggwidata.

Iktar qari

immodifika
  • Smith, Krister T.; Schaal, Stephan; Habersetzer, Jörg; Herlyn, Hendrik G.; Senckenberg Gesellschaft für Naturforschung (2018). Messel : an ancient greenhouse ecosystem. Stuttgart. ISBN 978-3-510-61411-0. OCLC 1054359916.
  • Harms, Franz-Jürgen; Schaal, Stephan (2005). Current geological and paleontological research in the Messel Formation. Stuttgart: E. Schweizerbart'sche Verlagsbuchhandlung (Nägele u. Obermiller). ISBN 3-510-61381-3. OCLC 64571829.
  • Mangel, Gerd (2011). Faszination Welterbe Grube Messel zu Besuch in einer Welt vor 47 Millionen Jahren (in German). Stuttgart. ISBN 978-3-510-61398-4. OCLC 698592675.
  • Kächler, Ernst Rudolf; Grube-Messel-Verwaltungsgesellschaft (2000). Window to primeval times Messel Pit, world heritage site in the State of Hessen (in German). Wiesbaden: Grube-Messel-Verwaltungsgesellschaft c/o Hessisches Ministerium für Wissenschaft und Kunst. OCLC 174602085.
  • Schaal, Stephan; Ziegler, Willi (1992). Messel : an insight into the history of life and of the earth. Oxford: Clarendon Press. ISBN 0-19-854654-8. OCLC 25747250.
  • Gruber, Gabriele; Micklich, Norbert; Hessisches Landesmuseum Darmstadt (2007). Messel : Schätze der Urzeit (in German). Stuttgart: Theiss. ISBN 978-3-8062-2092-6. OCLC 600404474.
  • Gruber, Gabriele; Sandrock, Oliver; Wappler, Torsten (2018). "DARMSTADT: The Paleontological Collections of Hessisches Landesmuseum Darmstadt". Paleontological Collections of Germany, Austria and Switzerland. Cham: Springer International Publishing. doi:10.1007/978-3-319-77401-5_14. ISBN 978-3-319-77400-8. ISSN 2510-1862.
  • Aubert, Hans-Joachim; Deutsche Unesco-Kommission (2010). UNESCO-Welterbe in Deutschland [eine Publikation der Deutschen Unesco-Kommission und des Auswärtigen Amts der Bundesrepublik Deutschland] = UNESCO world heritage in Germany (in German). Bonn. ISBN 978-3-940785-14-5. OCLC 612325291.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Messel Pit Fossil Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  2. ^ "The Messel Pit Fossil Site - Home". web.archive.org. 2013-02-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-02-07. Miġbur 2023-01-14.
  3. ^ Grein, Michaela; Utescher, Torsten; Wilde, Volker; Roth-Nebelsick, Anita (1 June 2011). "Reconstruction of the middle Eocene climate of Messel using palaeobotanical data". Neues Jahrbuch für Geologie und Paläontologie, Abhandlungen. 260 (3): 305–318.
  4. ^ Mertz, D. F., Renne, P. R. (2005): A numerical age for the Messel fossil deposit derived from 40 Ar/39 Ar dating on a basaltic rock fragment. Courier Forschungsinstitut Senckenberg no 255: pp 7–75.
  5. ^ "'Zombie ants' controlled by parasitic fungus for 48m years". the Guardian (bl-Ingliż). 2010-08-17. Miġbur 2023-01-14.
  6. ^ "Turtles fossilised in sex embrace" (bl-Ingliż). 2012-06-18. Miġbur 2023-01-14.
  7. ^ Habersetzer, J.; Storch, G. (October 1992). "Cochlea size in extant chiroptera and middle eocene microchiropterans from messel". Naturwissenschaften. 79 (10): 462–466.
  8. ^ Franzen, J. L., Gingerich, P. D., Habersetzer, J., Hurum, J. H., Von Koenigswald, W., & Smith, B. H. (2009). Complete primate skeleton from the middle Eocene of Messel in Germany: morphology and paleobiology. PLoS one, 4(5), e5723.
  9. ^ Mayr, Gerald (2017). "A small, 'wader-like' bird from the Early Eocene of Messel (Germany)". Annales de Paléontologie. 103 (2): 141–7.
  10. ^ Mayr, Gerald (2008). "First substantial Middle Eocene record of the Lithornithidae (Aves): A postcranial skeleton from Messel (Germany)". Annales de Paléontologie. 94 (1): 29–37.
  11. ^ Scanferla, A. & K.T. Smith (2020) Exquisitely preserved snake fossils of Messel: insight into the evolution, biogeography, habitat preferences and sensory ecology of early boas. Diversity 12(3): 100.
  12. ^ Chuliver, M., A. Scanferla & K.T. Smith (2022) Live birth in a 47-million-year-old snake. The Science of Nature – Naturwissenschaften 109: 56.
  13. ^ Zaher, H. & K.T. Smith (2020) Pythons in the Eocene of Europe reveal a much older divergence of the group in sympatry with boas. Biology Letters 16: 20200735.
  14. ^ "Lista tal-IUGS" (PDF).
  15. ^ "Home". www.grube-messel.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-01-14.
  16. ^ "Home". Fossilien- und Heimatmuseum Messel (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-01-14.