Fortifikazzjonijiet fuq in-Naħa tal-Karibew tal-Panama: Portobelo-San Lorenzo
Il-Fortifikazzjonijiet fuq in-Naħa tal-Karibew tal-Panama: Portobelo-San Lorenzo huma kostruzzjonijiet militari li nbnew mill-Imperu Spanjol matul is-sekli 17 u 18 fuq in-naħa tal-Karibew tal-Provinċja ta' Colón fil-Panama. Il-fdalijiet jinsabu mal-kosta tal-Provinċja ta' Colón. Fid-dawl tal-importanza kulturali tagħhom, is-siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 bħala eżempji mill-aqwa tal-arkitettura militari tas-sekli 17 u 18 li jiffurmaw parti mis-sistema difensiva li nbniet mill-monarkija Spanjola biex jipproteġu l-kummerċ trans-Atlantiku.[1]
Pożizzjoni
immodifikaIl-fortifikazzjonijiet ta' Portobelo u ta' San Lorenzo jinsabu bejn wieħed u ieħor 80 kilometru (50 mil) minn xulxin mal-kosta Atlantika tal-Panama. L-istrutturi militari ta' Portobelo pprovdew irpar ta' sigurtà fuq in-naħa tal-Karibew tal-port tal-Panama, filwaqt li l-fortifikazzjoni ta' San Lorenzo pproteġew il-bokka tax-xmara Chagres. Il-port kien inbena bħala terminal alternattiv tal-Karibew għal dak ta' Nombre de Dios għan-navigazzjoni tul l-Istmu tal-Panama. L-iskop primarju kien li tiġi evitata r-rotta bl-art li kienet tintlaqat sew matul ix-xhur bix-xita. L-aċċess tax-xmara Chagres-Cruces kien jgħaqqad flimkien ir-rotta terrestri u l-mogħdijiet fuq l-ilma li nbnew bħala alternattiva għall-approċċ lejn Portobelo permezz tal-Camino Real u l-Belt tal-Panama. Il-fortifikazzjonijiet fuq in-naħa tal-Karibew tal-Panama ġew stabbiliti mill-Imperu Spanjol.
Sfond
immodifikaFl-1502, Kristofru Kolombu nqabad f'maltempata qalila f'nofs ta' baħar, u kien imġiegħel jiżbarka f'villaġġ tul l-Istmu tal-Panama. Skont leġġenda, huwa semmiha "Puerto Bello" (jiġifieri "Port Sabiħ").[2][3] Fl-1586, Juan Bautista Antonelli ħejja l-pjanti għall-ewwel fost il-fortifikazzjonijiet biex l-aċċess għall-Bajja ta' Portobelo u l-bokka tax-xmara Chagres ikunu siguri, u bnihom sas-snin 90 tas-seklu 16. Madankollu, ir-raħal ta' San Felipe de Portobelo, ġie stabbilit fl-20 ta' Marzu 1597. Matul is-sekli, Portobelo żviluppa f'stabbiliment Spanjol strateġiku fid-Dinja l-Ġdida peress li kien ikkollegat sew mal-Belt tal-Panama permezz ta' triq pavimentata tal-ġebel. L-importanza tal-port bħala post ewlieni għat-trażbord għall-Konkwistaturi Spanjoli kienet marbuta mal-ħżin temporanju tad-deheb u tal-fidda misruqa mill-minjieri tal-Inka. Huma kienu jittrasportaw it-teżor misruq fuq karovani tal-ħmir min-naħa tal-Paċifiku tal-Istmu tal-Panama lejn Portobelo fuq in-naħa tal-Karibew, qabel ma finalment kienu jibagħtuh bil-baħar lejn ir-re ta' Spanja.[4]
Peress li l-importanza tal-villaġġ kibret, it-tħassib rigward is-sigurtà ġie indirazzat bil-kostruzzjoni ta' fortifikazzjonijiet militari mill-1600 sal-aħħar fortifikazzjonijiet mal-bajja f'Santiago u f'Fernando fl-1753. B'kollox inbnew 10 fortifikazzjonijiet differenti fuq l-għoljiet ta' wara l-port ta' Portobelo, u b'hekk sar "l-iżjed punt iffortifikat sew taħt il-kontroll kostali ta' Spanja fl-Amerki".[5] Ħafna mill-fortifikazzjonijiet ġew attakkati u ġġarrfu; il-fortifikazzjonijiet li nbnew fl-1753 biss baqgħu jeżistu f'kundizzjoni tajba, peress li l-Ammirall Vernon evita lil Portobello matul l-aħħar battalja. Iktar kmieni, Sir Francis Drake ma rnexxilux jattakka l-forti peress li miet bid-deni u ndifen fil-bajja. Madankollu fl-1596 kien ta n-nar lil Nombre De Dios. It-tebut taċ-ċomb tiegħu li ġie midfun fil-baħar għandu ismu fuqu. Fl-1597, wara l-perjodu qasir ta' Drake, l-Imperu Spanjol iddeċieda li jiffortifika l-port peress li t-teżor ġie ttrasferit lejn Portobelo. Il-Forti ta' San Felipe kien l-ewwel li nbena fid-daħla tal-port u ġie ffortifikat b'35 kanun. Il-Forti ta' San Jeronimo nbena fuq in-naħa tal-Lvant, filwaqt li l-Forti ta' Santiago de la Gloria nbena fuq in-naħa tal-Punent tal-bajja. Dawn il-fortijiet inbnew b'ħitan magħmula mill-ġebel tal-qroll mejjet, li kien b'saħħtu daqs il-granit. Fl-1668, il-pirata minn Wales Sir Henry Morgan attakka lil Portobelo, u uża slielem wesgħin biżżejjed biex jifilħu tliet irġiel f'daqqa telgħin mal-ħitan tal-fortifikazzjonijiet. Għal xahar sħiħ, il-pirati okkupaw il-belt, iżda ma ġiet irrapportata l-ebda ħsara sostanzjali lill-istrutturi difensivi. Fl-1688 il-pirata Ingliż Bartholomew Sharp u l-pirata Franċiż La Sound attakkaw il-fortifikazzjoni u kkawżaw ħsarat estensivi. L-attakki li saru fl-1744 ma affettwawx il-fortijiet iżda l-istruttura doganali ġarrbet ħsarat konsiderevoli.
Għal iktar minn żewġ sekli wara li nbnew l-aħħar fortifikazzjonijiet fl-1753, il-fortijiet u s-swar ġew ittraskurati għalkollox u nħakmu mill-ħaxix ħażin, sa ma l-Gvern tal-Panama ddeċieda li jirrestawrhom. Wara li l-Panama saret pajjiż indipendenti, Spanja abbandunat il-Forti ta' San Lorenzo fl-1821. Wara l-fużjoni tal-Panama mal-Kolombja, il-forti ntuża bħala ħabs. Imbagħad intuża bħala Uffiċċju Postali għall-kunsinna tal-posta mir-Renju Unit għall-Amerka Latina. Fir-raħal ta' Chagres u taħt il-forti max-xatt tal-Punent tax-xmara Chagres, bosta vjaġġaturi avventurużi stabbilew ruħhom matul il-Ferneżija għad-Deheb ta' California tal-1849. Bil-wasla tal-linji ferrovjarji fl-1850, l-importanza tar-rotta interoċeanika tax-xmara Chagres battiet.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaFl-1989, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO ddeżinja l-Fortifikazzjonijiet fuq in-Naħa tal-Karibew tal-Panama: Portobelo-San Lorenzo bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
F'Lulju 2012, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO niżżel lil Portobelo u l-Forti ta' San Lorenzo fil-qrib fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu, minħabba t-tħassib ambjentali, in-nuqqas ta' żamma, u l-iżviluppi urbani bl-addoċċ.[6]
Skont il-qafas legali tal-Panama, dawn il-fortifikazzjonijiet huma protetti bil-Liġi Nru 14/1982, aġġornata bil-Liġi Nru 58/2003 b'rabta mal-wirt storiku. L-istrutturi storiċi li nstabu taħt l-ilma huma koperti bil-Liġi Nru 32/2003.
Arkitettura
immodifikaIl-Bajja ta' Portobelo fiha bosta fortifikazzjonijiet li jirreplikaw id-disinni Ewropej tal-arkitettura militari u li nbnew matul il-perjodu kolonjali (1596–1599). L-istrutturi li nbnew fis-snin bikrin kellhom stil Medjevali (skont id-disinni Spanjoli ta' Antonelli). Madankollu, fis-seklu 18, l-istrutturi nbnew bir-rinnovazzjoni ta' karatteristiċi neo-Klassiċi (ta' Salas u Hernandez (1753–1760)), kif joħroġ fid-dieher fil-Forti ta' Santiago, fil-Forti ta' San Jeronimo, fil-Forti ta' San Fernando u fil-Forti ta' San Lorenzo. L-istruttura doganali li ġarrbet xi ħsarat fl-1744 reġgħet inbniet u issa tintuża bħala mużew. Il-kanuni li nqerdu matul id-diversi attakki biex ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw jinsabu fil-beraħ jissaddu u l-karrijiet tal-injam tagħhom imtlew bis-susa jew tneħħew. Madankollu, il-fortijiet jinsabu f'kundizzjoni ppreservata sew.
Il-fortifikazzjonijiet ta' San Fernando jinkludu:
- il-Batterija t'Isfel, il-Batterija ta' Fuq u l-Fortizza fil-Quċċata tal-Għolja;
- il-Batterija tal-Forti ta' San Jerónimo.
Il-fortifikazzjoni ta' Santiago jinkludu:
- il-Kastell ta' Santiago de la Gloria ("il-Kastell tal-Glorja"), il-Batterija u l-Fortizza fil-Quċċata tal-Għolja;
- il-Fortizza l-Antika ta' Santiago;
- il-Fdalijiet tal-Castillo del Hierro (il-Kastell tal-Ħadid);
- is-sit ta' La Trinchera;
- il-Batterija ta' Buenaventura;
- is-sit ta' San Cristóbal.
Is-sit tax-xmara Chagres jinkludi:
- il-Kastell ta' San Lorenzo (oriġinarjament "San Lorenzo el Real del Chagres");
- il-Batterija ta' Fuq.
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ "Fortifications on the Caribbean Side of Panama: Portobelo-San Lorenzo - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-06.
- ^ Woods, Sarah (2009). Panama. Bradt Travel Guides. ISBN 978-1-84162-260-6. p. 45.
- ^ Katzman, Patricia (2005). Panama. Hunter Publishing, Inc. ISBN 978-1-58843-529-3. p. 136.
- ^ Showker, Kay; Brennan, Mary (2008). Caribbean Ports of Call: Eastern and Southern Regions: A Guide for Today's Cruise Passengers. Globe Pequot Press. ISBN 978-0-7627-4538-8. p. 397.
- ^ Whitney, Tisha (1982). Cruising World. ISSN 0098-3519. p. 96.
- ^ "Global Heritage Fund | GHF". web.archive.org. 2015-04-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-08. Miġbur 2025-01-06.