Filippu Neri, magħruf ukoll bħala l-Appostlu ta' Ruma (Firenze, 22 ta' Lulju 1515Ruma, 25 ta' Mejju 1595) kien saċerdot Taljan, magħruf għat-twaqqif ta' soċjetà ta' qassisin sekulari msejħa "Il-Kongregazzjoni tal-Oratorju".

Filippu Neri
Ħajja
Twelid Firenze, 21 Lulju 1515
Mewt Ruma, unknown value
Familja
Missier Francesco di Neri
Omm Lucrezia di Andrea da Mossiano
Edukazzjoni
Alma mater La Sapienza
Lingwi Taljan
Latin
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
saċerdot
Moviment Counter-Reformation (en) Translate
Festa
26 ta' Mejju

Filippu Neri twieled f'Firenze, l-Italja, bin Francesco Neri, nutar u iktar tard alkemista, u Lucrezia da Mosciano. Kien it-tieni wild minn erbgħa. Sentejn qablu kienet twieldet Katerina (li iktar tard kellha żewġ ulied it-tnejn sorijiet), tliet snin warajh Elisabetta (li xehdet fil-Kawża ta' Kanonizzazzjoni tiegħu) u Antonio li miet tarbija.

Meta kellu ħames snin tilef 'l ommu, iżda hu u ż-żewġ ħutu l-oħra ġew imrobbija b'imħabba kbira mit-tieni mara ta' missierhom, Alessandra di Michele Lensi. Sa minn meta kien għadu żgħir, kellu dispożizzjonijiet tant ħelwin li kienu jsejħulu t-"Twajjeb Pippo" (Pippo Buono). L-ewwel edukazzjoni ħadha d-dar imbagħad għand ċertu Clemente, u mbagħad fil-Kunvent ta' San Marco f'Firenze, li għal xi żmien kien immexxi minn Savonarola.

Żgħożija

immodifika

Huwa għex Firenze sakemm kellu 18 -il sena, meta ntbagħat għand zijuh, Bartolomeo Romolo, f'Cassino (qabel imsejjaħ San Germano) biex isir kummerċjant. Iżda fl-istess żmien beda jħoss is-sejħa reliġjuża, sa bena kappella żgħira fuq għolja jisimha "Montagna Spaccata" fejn kien imur jitlob kuljum fis-skiet. Zijuh li kien sar iħobbu wisq, u ma kellux eredi, ried iħallilu kollox imma Filippu ma aċċettax għax ried jgħix fil-faqar.

Fl-1534 mar Ruma bħala pellegrin u hemm iltaqa' ma' Galeatto Caccia, Fjorentin bħalu u kap tad-Dwana, li tah kamra fqira fejn joqgħod u xi ħaġa żgħira x'jiekol kuljum, bil-patt li jedukalu ż-żewġ uliedu, Michele u Ippolito (dawn iktar tard saru wieħed saċerdot u l-ieħor patri Ċertożin). Dam f'din il-ħajja għal sbatax-il sena, imma fl-istess żmien, studja l-filosofija mad-Dumnikani, u t-teoloġija mal-Agostinjani. Fi tmiem l-1537 biegħ il-kotba li kellu u flushom tahom lil żagħżugħ Kalabriż fil-bżonn, jismu Gugliemo Sirleto, li iktar tard sar Kardinal.

Fit-talb tiegħu Filippu beda jkun mistiku u kontemplattiv. Beda ukoll jiġbor xi żgħażagħ miegħu biex flimkien jitolbu, jistudjaw ir-reliġjon, iżuru l-isptarijiet u jagħmlu atti oħra ta' karità, l-iktar fl-isptar ta' San Ġakbu, fejn hemm sar ħabib kbir ta' San Kamillu de Lellis. F'Pentekoste tal-1544, waqt li kien qed jitlob fil-katakombi ta' San Sebastjan, Filippu Neri għadda minn esperjenza soprannaturali, li fiha qalbu kibret. Wara din l-esperjenza ħalla d-dar fejn kien ospitat u mar jgħix ta' eremita fit-toroq ta' Ruma, u kien jorqod taħt il-portiku ta' xi knisja jew fejn isib. Huwa u jimxi f'Campo dei Fiori u fl-inħawi ta' Trastevere kien ikun hemm żgħażagħ li jiżżufjettaw bih kif jarawh. Huwa ma kienx jitlef din l-okkażjoni, u kien ikompli jiżżufjetta magħhom u jirbaħhom bis-simpatija tiegħu. Imbagħad wara li jiċċajta kien jinbidel f'daqqa fi predikatur u jgħidilhom: “Fratelli, state allegri, ridete pure, scherzate finché volete, ma non fate peccato!” ("L-aħwa, kunu ferħana, idħku, iċċajtaw kemm tridu, imma tagħmlux dnub.")

Fl-1548, bl-għajnuna tal-konfessur tiegħu, Persiano Rossa, waqqaf il-"Fratellanza tat-Trinità tal-Pellegrini", li l-membri tagħha kienu lajċi u kienu jieħdu ħsieb il-pellegrini u l-morda.

Saċerdot

immodifika

Fit-23 ta' Mejju 1551, ta' 36 sena, ġie ordnat qassis, ħalla dik il-kamra li kien joqgħod fiha u mar jgħix fil-Presbiterju ta' San Ġlormu ma' Dun Rossa u qassisin oħra li kienu jgħixu bil-karità. Hawn intefa' għall-appostolat billi filgħodu kien jgħaddih fil-konfessjonarju u filgħaxija kien ilaqqa' n-nies biex jitolbu, ikantaw u jitkellmu fuq il-ħwejjeġ tar-ruħ. Kien ukoll jorganizza pellegrinaġġi għall-knejjes u katakombi biex isaħħaħ il-fidi ta' dawk li kienu jmorru miegħu.

Għalih il-qrar kien sors ta' djalogu mal-"penitenti", u dan kien jagħmlu kuljum minn sbieħ il-jum sa nofsinhar. Minn dawn id-djalogi beda l-ewwel nukleu tal-hekk imsejjaħ Oratorio": minn dawn xi uħud saru saċerdoti, bdew jgħixu ħajja komunitarja u Filippu sar ir-rettur tagħhom u għamlilhom regola.

Il-vjaġġ ta' San Franġisk Saverju, fil-Lvant Imbiegħed, ħeġġeġ lil Filippu Neri imur missjunarju f'dawk l-artijiet imma qassis mill-Chiesa di Tre Fontane, ma tahx parir favorevoli u ddeċieda li jiddedika ħajtu għan-nies ta' Ruma. L-ewwel Oratorju fl-1558 beda fil-knisja fqira ta' San Girolamo della Carità. Xi ekkleżjastiċi għolja bdew jgħiru għalih u jikkritikawh, fosthom il-kardinal Virgilio Rosari, li sa wasal biex ma ħallihx iqarar, xi ħaġa li kienet tant għal qalbu. L-istess kardinal baqa' sakemm miet fl-1559, ixerred kalunnji fuq Filippu Neri.

L-Oratorju

immodifika

Fl-1559, Filippu Neri sar ħabib mal-kardinal Milaniż San Karlu Borromeo, u dan tal-aħħar spiss kien imur jieħu pariri mingħand Filippu fuq kwistjonijiet “jaħarqu”. Borromeo għamel minn kollox biex jipperswadi lil Filippu Neri imur Milan biex iwaqqaf komunità bħal ma kellu f'Ruma imma bla suċċess.

Fl-1575 Papa Girgor XIII approva l-Kongregazzjoni tal-Oratorio u tahom il-Knisja ta' Santa Maria in Vallicella, li saret is-sede tagħhom. Neri kien bniedem attiv ħafna: irnexxielu jdaħħal fit-talb u fil-qari tal-Bibbja preghiera nies komuni, artisti, mużiċisti, u xjenzati; u beda skola għat-tfal. Fi żmien meta l-pedagoġija kienet awtoritarja huwa kien jitratta mat-tfal tat-triq b'paċenzja u ħlewwa: tibqa' magħrufa l-eżortazzjoni tiegħu bid-djalett Romanesk: "State bboni ...se potete!" (Oqogħdu bil-għaqal... jekk tistgħu). Frażi ċelebri oħra tiegħu hija: "Te possi morì ammazzato... ppe' la fede!" (Jirra joqtluk... għall-fidi!")

Mewt u kanonizzazzjoni

immodifika

Ftit qabel miet, Papa Klement VIII ried jagħmlu kardinal imma Filippu ma aċċettax u filwaqt li ħares 'il fuq qallu "Paradiso, Paradiso", jiġifieri li kien jippreferi wisq iktar il-Ġenna minflok. Filippu miet fi tmiem il-jum tal-25 ta' Mejju 1595, festa ta' Korpus, fl-età ta' 80 sena wara li kien qatta' l-ġurnata iqarar u jirċievi viżti. Hu ġie beatifikat minn Pawlu V fl-1615, u kanonizzat minn Gregorju XV fl-1622. Il-festa tiegħu hi ċċelebrata fis-26 ta' Mejju fil-kalendarju tradizzjonali u fil-25 ta' Mejju fil-kalendarju riformat. Il-ġisem tiegħu jinsab meqjum fil-Chiesa Nuova.

Kappella ta' San Filippu Neri f'Ħal-Għaxaq

immodifika

Il-Kappella ta' San Filippu Neri bdiet tinbena fit-23 ta’ Jannar 1761 minn Dun Ġwann Filippu Zammit Mifsud fuq art proprjetà tal-familja, u tlestiet fit-3 ta’ Lulju tal-1762. Il-perit kien Sebastiano Saliba, u l-bennej kien missier Dun Ġwann Filippu. Il-kappella tbierket nhar id-29 ta’ Mejju 1763 minn Dun Ġwann Filippu stess. It-titular tal-kappella, xogħol il-pittur Malti Rokku Buhagiar juri il-Madonna bil-Bambin u San Filippu Neri u ħafna anġli.

Ħoloq esterni

immodifika