Enzo Gusman
Enzo Gusman (9 ta' Awwissu 1947 – 18 ta' Diċembru 2021) kien kantant Malti mwieled f'Tas-Sliema, Malta . [1] Kien l-attur komiku Malti Johnnie Navarro li skopra lil Enzo u stiednu bħala kantant residenti fuq programm tiegħu TIC TAC trażmess fuq is-sistema tal-Cable Radio tar-Rediffusion[2].
Enzo Gusman | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Tas-Sliema, 9 Awwissu 1947 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | Kanada, 18 Diċembru 2021 |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kantant bankier xandar kantawtur |
Enzo rebaħ il-Malta Song Festival ħames darbiet. Fl-1965, Enzo kellu karriera fil-qasam bankarju f'Malta li kompla fiha anke meta fl-1979 emigra lejn il- Kanada.
Wara li emigra, xorta reġa' qatta' diversi snin jgħix Malta.
Bħala kantant, Enzo pparteċipa f'diversi festivals internazzjonali tal-kanzunetti, bħal World Popular Song Festival, Tokyo, il-Ġappun; Festival Internacional De la Canción, Viña del Mar, iċ-Ċili; Olympiad De La Chanson, Ateni, il-Greċja; Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Lixandra, Lixandra Eġittu; Castlebar International Song Festival, Castlebar, l-Irlanda; Cavan International Song Festival Cavan, l-Irlanda; Istanbul International Song Festival, Istanbul, it-Turkija; Festival Menschen und meer Rostock, DDR; u Festival Golden Orpheus Slantchev Bryag, il-Bulgarija. L-akbar jisba tiegħu f'dan il-qasam kienet meta rebaħ l-Ewwel Premju fil-Golden Orpheus Festival fil-Bulgarija. Fl-Irlanda, ingħażel bħala l-Aqwa Artist Barrani fil-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta ta’ Cavan, u fit-Turkija ġie ddikjarat bħala l-Aqwa Interpretu fil-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta ta’ Istanbul.[3]
Huwa kiteb u kkompona diversi kanzunetti tiegħu stess, li komplew ikunu popolari ħafna f'Malta u fid-dijaspora Maltija diversi snin wara li ħarġu. F'Malta kien wkoll personalità magħrufa sew tar-radju u tat-televiżjoni. [1]
Enzo kien miżżewweġ lil Carmen Schembri, kantanta magħrufa fix-xena tal-mużika ħafifa Maltija u kellhom żewġt ibniet, Johanna u Greta. [1]
F'Awwissu 2020, membri tal-familja ċaħdu xnigħat li Enzo kien miet, għalkemm iddikjaraw li qed jirċievi kura intensiva, wara waqgħa.[4]
Fis-7 ta’ Awwissu 2021, waqt il-festival L-Għanja tal-Poplu, Enzo ingħata rikonoxximent speċjali għall-kontribut kbir tiegħu fix-xena mużikali ta’ Malta. Waqt din l-attività, Enzo wassal video-messaġġ qasir ta' ringrazzjament mis-sodda tal-irkupru tiegħu fil-Kanada. [5]
Huwa miet fit-18 ta’ Diċembru 2021 fid-dar tiegħu fil-Kanada.[6]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Maltese Biographies Of The Twentieth Century, Albert G. Storace, Malta 1997, p. 341
- ^ M3P On-Line: http://www.m3p.com.mt/wiki/Enzo_Gusman Retrieved: 19 Jan 2019
- ^ The Journal Of The Maltese Diaspora, Maltese Newsletter 103, November 2015, p. 10
- ^ Rumours that Enzo Gusman has passed away are false. The Malta Independent 19 August 2020. On-Line:https://www.independent.com.mt/articles/2020-08-19/local-news/Legendary-Maltese-singer-Enzo-Gusman-passes-away-6736226258 Accessed: 10 August 2021
- ^ TVM 08 August 2021. Enzo pays tribute to the Maltese during l-Għanja tal-Poplu – tomorrow he celebrates his 74th birthday. On-Line:https://www.tvm.com.mt/en/news/watch-enzo-pays-tribute-to-the-maltese-during-l-ghanja-tal-poplu-tomorrow-he-celebrates-his-74th-birthday/ Accessed 10 August 2021
- ^ "Enzo Gusman dies aged 74". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-18.