Emmanuel Galea

isqof Malti

Emmanuel Galea (Isla, 10 ta’ Marzu 1891 – 21 ta’ Awwissu 1974) kien Isqof Malti u Direttur tal-Istitut ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun.

Emmanuel Galea
isqof titulari

9 Ġunju 1942 -
Dioceses: Tralles in Asia titular see (en) Translate
isqof awżiljarju

9 Ġunju 1942 -
Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta
Ħajja
Twelid L-Isla, 10 Marzu 1891
Nazzjonalità Malta
Mewt 21 Awwissu 1974
Post tad-dfin Żejtun
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
Isqof Kattoliku

Huwa kien l-iżgħar fost ħames ulied ta’ Ġużeppi Galea u Carmela mwielda Camilleri. Kellu trobbija reliġjuża tajba ħafna. Iż-żewġ ħutu l-oħra subien ukoll saru saċerdoti. Ħa l-edukazzjoni fl-iskola primarja tal-Isla u wara fil-Liċeo.

Wara li ddeċieda li jsir saċerdot, fl-1909 daħal fis-Seminarju Maġġuri u fl-Universita’ ta’ Malta fejn iggradwa bil-Baċellerat fil-Letteratura fl-1913 u Duttur tat-Teoloġija fl-1916. Wara li temm l-istudji tiegħu ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1915, flimkien ma’ ħuħ, Dun Franġisk. Hekk saru tliet aħwa qassisin, għax qabilhom kien diġà ordna ħuhom Salvu. Kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem il-Katekiżmu lit-tfal żgħar u lill-adulti. Kien anke juża projector żgħira biex jgħallem aħjar. Sentejn wara, fl-1917, nħatar Kanonku Teologu tal-Kolleġjata tal-Isla, fejn baqa’ jservi sas-sena 1932 meta nħatar Kanonku tal-Katidral ta’ Malta. Fl-1921, l-Arċisqof Mawru Caruana bagħtu Ruma biex jistudja l-Liġi Kanonika minn fejn kiseb id-Dottorat mill-Università Gregorjana.

Meta rritorna Malta mill-istudji, Galea nħatar Prefett tal-Istudji u Professur tal-Letteratura Latina fis-Seminarju Arċiveskovili. Fl-1930 nħatar Professur tal-Liġi Kanonika fl-Università ta’ Malta, u fl-istess sena l-Arċisqof Caruana għażlu bħala Segretarju Ġenerali tiegħu u Difensur taż-Żwieġ fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Fl-1940 nħatar Vigarju Ġenerali. Kien ukoll Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ u tas-sezzjoni tal-Gradwati tal-Azzjoni Kattolika. Meta fl-istess sena miet f’daqqa Mons. Ġużeppi Depiro, Galea intalab mill-Isqof Caruana biex ikun Direttur tal-Istitut ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun, kariga għal qalbu wisq u li baqa’ jżomm sa mewtu, għax ħallietu jgħin lill-iktar persuni għal qalbu, it-tfal u l-foqra.

Fl-istess żmien kompla bil-missjoni tiegħu li jqarar kuljum fil-parroċċi tal-Isla, taż-Żejtun u ta’ Ħal Tarxien, fejn ħuh Dun Salv kien kappillan. Kien idur ħafna postijiet jipprietka u jieħu sehem attiv fil-Missjoni ż-Żgħira.

Ikkonsagrat Isqof

immodifika

Nhar id-9 ta’ Ġunju 1942, Monsinjur Galea kien nominat Isqof Titulari ta’ Tralles u Awżiljarju tal-Isqof ta’ Malta. Fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, fil-5 ta’ Lulju 1942 Galea kien ikkonsagrat Isqof fil-Katidral tal-Imdina. Iċ-ċelebrazzjoni kienet mill-aktar sempliċi bil-Katidral imneżża’ minn kull tiżjin u kwadri. Kien waqt l-attakki mill-ajru (il-Luftwaffe blitz) li bomba kbira splodiet wara l-Katidral f’dak il-ħin. In-nies kienet telgħet bi ħġarha għaċ-ċelebrazzjoni; min bil-mixi, min b’xi karozza, aktar tieqaf milli timxi, kulħadd bl-aħjar mod li sab. Il-Konsagrazzjoni tmexxiet mill-Arċisqof Mawru Caruana, nofsu marid, assistit mill-Isqof Mikiel Gonzi u mill-Arċidjaknu tal-Katidral. Wara l-quddiesa l-Isqof il-ġdid ħareġ fil-gallarija tal-Palazz biex isellem u jbierek il-folla kbira li nġabret hemm.

Il-Maltin kienu ħerqana li jkollhom isqof ġdid minħabba li l-Arċisqof Caruana kien kiber ħafna u ma kienx għadu jiflaħ. Il-Gvern Ingliż kien ilu jinsisti mal-Vatikan biex l-Arċisqof Caruana jiġi mogħti għajnuna għat-tmexxija tal-poplu Malti. Wara korrispondenza li ħadet fit-tul, l-Arċisqof Caruana ntalab il-parir tiegħu mill-Vatikan u hu mill-ewwel irrakkomanda lil Mons. Emanuel Galea bħala Awżiljarju tiegħu. Il-Papa Piju XII kien innomina lil Mons. Galea bħala Isqof Awżiljarju għal Malta. Għalkemm Mons. Galea ma xtaqx li jaċċetta din in-nomina għax bħala Isqof beża’ li se jkun bogħod min-nies u għaliex ma ried bl-ebda mod itellef lill-Isqof Gonzi milli jsir Arċisqof ta’ Malta wara Mons. Caruana imma għall-kelma tal-Arċisqof aċċetta. L-Arċisqof Caruana innominah mill-ewwel Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi u beda jaqdi l-ministeru tiegħu b’ħeġġa u entużjażmu ta’ żagħżugħ kbir, dejjem b’imħabba, rispett u ubbidjenza liema bħalha lejn iż-żewġ Arċisqfijiet, l-ewwel Caruana u wara Gonzi. Gonzi ikkonfermah bħala Vigarju Ġenerali ftit ġranet wara li sar Arċisqof ta’ Malta.

Bħala Isqof, Monsinjur Galea ta l-kontribut validu tiegħu mhux biss għall-Knisja f’Malta iżda wkoll għall-Knisja Universali, speċjalment waqt il-Konċilju Vatikan II bejn l-1962 u l-1965. Kien preżenti għal diversi mis-sessjonjiet tal-Konċilju u għamel l-interventi tiegħu fuq id-duttrina tal-kolleġjalità tal-Isqfijiet, l-attività missjunarja tal-Knisja, l-importanza tad-devozzjoni Marjana fil-formazzjoni saċerdotali, il-liberta’ reliġjuża u l-Knisja fid-dinja tal-lum.

Kien iħobb idur il-parroċċi jamministra s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, jagħti l-pussess lill-kappillani, jieħu sehem fil-festi liturġiċi tal-parroċċa, u jagħmel l-eżerċizzji tar-Randan kull fejn mitlub. Kien kittieb assidwu ta’ artikli qosra li kien jużahom b’ħila biex iwassal it-tagħlim tal-Knisja.

Fl-1965, fil-50 sena tal-ordinazzjoni tiegħu, fuq rakkomandazzjoni tal-Arċisqof Gonzi, Papa Pawlu VI ħatar lill-Isqof Galea Assistent tat-Tron Papali. Fl-1969, il-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi tatù l-Midalja tad-Deheb għall-Mertu għall-atti bla qies temporali u spiritwali b’riżq il-poplu Malti.

L-Isqof Emanuel Galea kompla bl-attività pastorali sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Huwa miet fil-21 t’Awwissu 1974 wara marda qasira fl-età ta’ 83 sena. Il-korp tiegħu tqiegħed għall-qima tal-fidili fl-Istitut taż-Żejtun tant għal qalbu u kienu ħafna li ffurmaw kjuwijiet twal biex isellmulu għall-aħħar darba. Il-funeral, li għalih attendew folol kbar u ħafna saċerdoti, tmexxa mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u ndifen fiċ-ċimiterju ta’ San Girgor iż-Żejtun. Wara ġie trasferit fl-Istitut li tant kien għal qalbu.

Fama ta’ qdusija

immodifika

Monsinjur Galea kien bniedem ta’ talb u devot kbir tal-Madonna. Spiss kont tarah bil-kuruna tar-rużarju f’idejh. Kuljum kien iqatta’ ħin twil quddiem is-Sagrament Imqaddes. Kemm bħala qassis u bħala isqof kien magħruf bħala “appostlu tal-Konfessjonarju”. Kien jinkoraġġixxi t-talb għall-qassisin u beda l-adorazzjoni bil-lejl darba f’xahar għall-qdusija tagħhom.

Min-natura tiegħu Galea kien bniedem riservat u qatt ma kien isemmi l-merti tiegħu, u ċirku żgħir ta’ ħbieb kienu jafu tassew il-ġid li kien jagħmel. Anke f’ħajtu Galea kien magħruf bħala bniedem qaddis. Wara l-ħsara li sofriet l-Isla fl-Aħħar Gwerra huwa għex l-iktar iż-Żejtun fejn id-dar umli tiegħu dejjem kienet miftuħa għal min xtaq parir jew solliev. L-omeliji tiegħu dejjem kienu mfittxa minn ħafna nies u ħafna kienu jiġu mill-bogħod biex jisimgħuh. Kien hu fit-28 ta’ Lulju 1962 li għamel l-omelija funebri ta’ San Ġorġ Preca fil-Knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun.

L-Ewwel Presepju Mekkaniku

immodifika

“Għandi ħolma!” qal il-Monsinjur Emmanuel Galea lil neputih Pawlu Pavia. Kien l-1945 u Malta kienet għadha kif għaddiet miż-żmien qalil tal-gwerra. L-isqof kien mar joqgħod iż-Żejtun minħabba l-attakki kontinwi fuq l-Isla u matul dak iż-żmien huwa kien laħaq bħala direttur tal-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu. Hemmhekk sab presepju b’pasturi li kienu jagħmlu movimenti żgħar permezz ta’ spaga li t-tfal tal-istitut stess kienu jiġbdu minn taħt il-mejda. Kien presepju ħelu imma l-isqof kien jitħasseb meta jara lit-tfal qed jagħmlu dak ix-xogħol.

Għalhekk huwa ddeċieda li jibni presepju ieħor, ħafna ikbar minn dak li kien hemm u fuq kollox kellu jkun l-ewwel presepju f’Malta li kellu jkun immekkanizzat bl-elettriku. L-isqof stess xammar il-kmiem biex flimkien ma’ neputih bena l-presepju bil-kartapesta u bil-kolla. Imbagħad Pawlu ra kif għamel u bil-ftit affarijiet li kien hemm dak iż-żmien, huwa bena għadd ta’ pasturi u b’mod inġenjuż irnexxielu jimmekkanizzahom kollha b’mutur wieħed!

Il-presepju nfetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba fil-Milied tal-1947. Dakinhar kien inqala’ pandimonju sħiħ! In-nies ġiet minn kullimkien għax presepju bħal dak qatt ma kienet rat. Sa kellha tiġi l-pulizija biex iżżomm il-kontroll tal-folla. Forsi llum ftit jafu li dan huwa presepju daqshekk storiku. Wara sittin sena taħt ir-responsabbiltà ta’ Pawlu Pavia, illum dan il-presepju qed jiġi kkurat min-neputi tiegħu Joseph Pavia li matul din l-aħħar sena huwa għamel bosta xogħlijiet biex taha aktar ħajja lil dan il-presepju antik. Fosthom huwa ħadem ukoll fuq kummentarju li f’ħames lingwi differenti jirrakkonta din il-ġrajja ħelwa tal-presepju.

Fuq l-ordni tal-Isqof Galea nnifsu, dan il-presepju nħadem biex jirrakkonta l-ħames misteri tal-ferħ. B’hekk kull min iżuru, ma jarax biss il-grotta tal-Bambin imma jifhem ukoll l-istejjer tal-evanġelju li jirrakkuntaw dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dan il-presepju mekkaniku jinsab fl-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fi Triq l-Isqof Emmanuel Galea, ż-Żejtun.

Jinfetaħ il-Proċess Djoċesan tal-Kawża ta’ Beatifikazzjoni

immodifika

Dan kien l-editt tat-2 ta’ Mejju 2003 li bih l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca beda l-proċess għall-Beatifikazzjoni u Kanonizazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Mons. Isqof Emmanuel Galea.

“Fid-Digriet dwar l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet Christus Dominus tal-Konċilju Vatikan II jingħad li l-Isqfijiet ‘imqegħdin mill-Ispirtu s-Santu, huma suċċessuri tal-Appostli bħala rgħajja ta’ l-erwieħ u, flimkien mal-Papa u taħt l-awtorita’ tiegħu, għandhom il-missjoni li jkomplu għal dejjem il-ħidma ta’ Kristu, ragħaj etern. Infatti Kristu ta lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom l-ordni u s-setgħa li jgħallmu ‘l-ġnus kollha, li jqaddsu lill-bnedmin fil-verita’ u li jirgħuhom. Għalhekk l-isqfijiet, bl-Ispirtu s-Santu li ngħatalhom, saru tabilħaqq għalliema tal-fidi, saċerdoti u rgħajja awtentiċi’ (N. 2).

Il-Knisja f’Malta trodd ħajr lil Alla għaliex, speċjalment fl-aħħar seklu li għadu kemm intemm, kellha Isqfijiet li għexu l-vokazzjoni tagħhom ta’ rgħajja tal-merħla ta’ Kristu afdata f’idejhom f’dan l-ispirtu tal-Konċilju u kienu ta’ ġid kbir spiritwali u materjali għas-soċjeta’ Maltija. Fost dawn l-Isqfijiet, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Isqof Emmanuel Galea, li għal aktar minn tletin sena kien Awżiljarju ta’ din l-Arċidjoċesi, kien xempju ta’ kif l-Isqof għandu jwettaq il-mandat li Alla afdalu. Fis-skiet, bl-għerf u bil-ħajja qaddisa tiegħu, Monsinjur Galea kien mhux biss ta’ għajnuna kbira għall-Arċisqof Mikiel Gonzi matul is-snin diffiċli tal-episkopat tiegħu, iżda kien ta sens ta’ direzzjoni lill-parrokat, lis-saċerdoti u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom kuntatt miegħu. Kienet ukoll tispikka l-imħabba tiegħu lejn il-fqar u dawk li kienu fil-bżonn.

...

F’Malta, l-Isqof Galea kien magħruf minn kulħadd għall-qdusija tiegħu. Kienet tispikka l-umiltà tiegħu. Kien bniedem ta’ talb, appostlu tal-konfessinarju u predikatur assidwu. Kulħadd jiftakar l-artikli qosra, iżda mimlijin għerf, li kien jikteb regolarment fil-Leħen is-Sewwa. Ma tistax tintesa l-għajnuna li, matul l-episkopat tiegħu, ta kemm lill-Arċisqof Caruana, u ferm aktar, kif ħafna minna jiftakru, lill-Arċisqof Mikiel Gonzi matul is-snin diffiċli tal-episkopat tiegħu. Il-qdusija, l-għerf, il-prudenza u l-umilta’ tiegħu servew ta’ ġid mhux biss għall-Arċisqof Gonzi, iżda għall-Arċidjoċesi tagħna kollha.

Mitlubin mill-Postulatur tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-istess Isqof Monsinjur Emmanuel Galea biex jingħata bidu għal din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, wara li kkonsultajna rwieħna mal-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof ta' Għawdex, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba tal-Isqof Galea jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B'kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta' dan il-Qaddej ta' Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata mal-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier tal-istess Tribunal.”