Ekosistema u Relitt tal-Pajsaġġ Kulturali ta' Lopé-Okanda

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Gabon

L-Ekosistema u r-Relitt tal-Pajsaġġ Kulturali ta' Lopé-OkandaIl, magħrufa wkoll bħala l-Park Nazzjonali ta' Lopé (bil-Franċiż: Parc national de la Lopé) huwa park nazzjonali fil-Gabon ċentrali. Lejn it-Tramuntana s-sit jikkonfina max-xmara Ogooué u lejn in-Nofsinhar jikkonfina mal-Katina Muntanjuża ta' Chaillu. Il-park b'kollox ikopri madwar 4,912-il kilometru kwadru. Għalkemm l-art hija miksija l-iktar bil-foresti tal-monsuni, fit-Tramuntana tal-park hemm ukoll l-aħħar fdalijiet ta' savannas tal-ħaxix li nħolqu fl-Afrika Ċentrali matul l-aħħar era glaċjali, jiġifieri 15,000 sena ilu. Is-sit kien l-ewwel żona protetta fil-Gabon meta fl-1946 inħolqot ir-Riżerva tal-Organiżmi Selvaġġi ta' Lopé-Okanda, fl-2007 il-park nazzjonali u l-pajsaġġ ta' madwar ta' Lopé-Okanda żdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-bijodiversità, iż-żona tranżizzjonali unika tas-savanna u tal-foresti, u l-petroglifiċi spettakolari fir-reġjun.

L-għelejjel tax-xmara tal-Park Nazzjonali ta' Lopé.

Ekoloġija

immodifika
 
L-iljunfanti tal-foresti fis-savanna tal-park.

Il-Park Nazzjonali ta' Lopé għandu temp niexef meta mqabbel mal-kumplament tal-Gabon, peress li jinsab fid-"dell" tax-xita tal-Katina Muntanjuża ta' Chaillu. Barra minn hekk, hemm medda baxxa fejn tinżel ix-xita tul ix-xmara Ogooué.[1] B'hekk, il-pajsaġġ fih mużajk kumpless ta' foresti tropikali u savannas densi. Il-konfini (jew ecotone) bejn iż-żewġ ħabitats inbidlet mill-aħħar era glaċjali, u l-foresta tropikali twessgħet għal ġos-savanna, għalkemm il-klima niexfa għenet biex l-ekosistema tas-savanna tibqa' tippersisti fit-Tramuntana tal-park.

Minħabba l-ambjent kumpless, il-park nazzjonali fih bijodiversità tassew kbira b'bosta speċijiet. Ġew irreġistrati iktar 1,550 speċi ta' pjanti sa issa, u ħafna mir-reġjuni tal-park għadhom ma ġewx esplorati kompletament. Fi stħarriġ tal-bebbux tal-art fil-park, instabu 74 speċi minn 12-il familja differenti.[2] Il-park jipprovdi ħabitat kritiku għal-leopard, u jipproteġi popolazzjonijiet f'saħħithom tal-ispeċijiet tal-priża tagħha, inkluż il-ħanżir selvaġġ aħmar tax-xmara, il-buflu tal-foresti Afrikan, u l-far tal-kannamiela.[3] Fost l-ispeċijiet l-oħra ta' mammiferi hemm il-pangolin ġgantesk u l-pangolin tas-siġar fil-periklu ta' estinzjoni, li spiss jikkondividu l-bejtiet mal-ispeċijiet ta' friefet il-lejl Microchiroptera.[4]

Storja tal-bniedem

immodifika
 
Il-Wasmannia auropunctata (speċi ta' nemla) hija speċi aljena invażiva li huwa maħsuba li hija l-kawża tat-tnaqqis tad-diversità tal-ispeċijiet ta' insetti tas-siġar u tal-eliminazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-araknidi.

Il-Park Nazzjonali ta' Lopé u l-inħawi tal-madwar fihom evidenza ta' okkupazzjoni umana kważi kontinwa matul dawn l-aħħar 400,000 sena. Il-wied tax-xmara Ogooué huwa ferm inqas miksi bil-foresti mill-inħawi tal-madwar, u b'hekk joffri pajsaġġ fil-beraħ li jaf intuża bħala kuritur u rotta ta' migrazzjoni mill-kosta tal-Afrika għan-naħa iktar interna tal-kontinent. L-eqdem għodod ta' Żmien il-Ħaġar magħrufa attwalment ġew skoperti f'Elarmékora fiż-żona ċentrali tal-wied, flimkien ma' diversi siti arkeoloġiċi oħra ta' Żmien il-Ħaġar.[5] Fin-Neolitiku, bejn 3,500 u 2,000 sena ilu, il-poplu Bantu jaf uża l-wied matul l-espansjoni tal-poplu Bantu, u ħalla warajh il-fdalijiet ta' mannari tal-ġebel illostrat u l-bċejjeċ tal-fuħħar. Matul dak iż-żmien inbnew villaġġi żgħar fuq il-qċaċet tal-għoljiet b'fosos kbar għall-iskart. Iktar 'il quddiem, meta tfaċċat il-produzzjoni tal-ħadid fil-wied madwar 2,000 sena ilu, il-villaġġi fil-qċaċet tal-għoljiet kibru, u bdew jiffjorixxu l-fran tal-ħadid fil-qrib u l-agrikoltura. Għalkemm ġew skoperti iktar minn 1,600 petroglifiċi li jmorru lura għall-ħabta tal-bidu tal-produzzjoni tal-ħadid, milli jidher il-wied ġie abbandunat għall-ħabta tas-600 u l-1200 W.K., qabel ma reġa' ġie popolat mill-poplu Okanda attwali fis-sekli 14 u 15.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika tal-park.

L-Ekosistema u r-Relitt tal-Pajsaġġ Kulturali ta' Lopé-Okanda ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[6]

Turiżmu u konservazzjoni

immodifika

Il-park fih impjant żgħir tar-riċerka msejjaħ Mikongo li huwa mmexxi mis-Soċjetà Żooloġika ta' Londra, ibbażata fil-villaġġ magħruf bl-istess isem tal-impjant. Hemm ukoll infrastruttura li tilqa' t-turisti fil-bażi, b'diversi abitazzjonijiet u sala kbira tal-ikel fil-beraħ, ħames metri biss 'il bogħod mill-foresta tropikali. Il-park jospita wkoll iċ-Ċentru tat-Taħriġ tas-CEDAMM, ċentru edukattiv internazzjonali tal-konservazzjoni tal-Entità ta' Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi.

Minħabba t-tibdil fil-klima globali, l-ekosistema tal-foresti densi qed tespandi fl-ekosistema tas-savanna fit-Tramuntana, u dan qed iwassal għat-telf tad-diversità tal-ħabitats fil-park.[7] B'hekk, il-ħruq ikkontrollat annwali tas-savanna jsir fil-park biex jitnaqqas l-impatt tal-espansjoni tal-veġetazzjoni forestali u biex tiġi pprovduta l-veġetazzjoni meħtieġa għad-dieta tal-bufli tal-foresti.[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Palla, Florence; Picard, Nicolas; Abernethy, Kate A.; Ukizintambara, Tharcisse; White, Elizabeth C.; Riéra, Bernard; Rudant, Jean-Paul; White, Lee (15 November 2011). "Structural and floristic typology of the forests in the forest-savanna mosaic of the Lopé National Park, Gabon". Plant Ecology and Evolution. 144 (3): 255–266.
  2. ^ Fontaine, Benoît; Gargominy, Olivier; Neubert, Eike (December 2007). "Land Snail Diversity Of the Savanna/Forest Mosaic In Lopé National Park, Gabon". Malacologia. 49 (2): 313–338.
  3. ^ Henschel, P.; Abernethy, K. A.; White, L. J. T. (March 2005). "Leopard food habits in the Lope National Park, Gabon, Central Africa". African Journal of Ecology. 43 (1): 21–28.
  4. ^ Lehmann, David; Halbwax, Michel Louis; Makaga, Loïc; Whytock, Robbie; Ndindiwe Malata, Lisa‐Laure; Bombenda Mouele, Wesley; Momboua, Brice Roxan; Koumba Pambo, Aurélie Flore; White, Lee J. T. (September 2020). "Pangolins and bats living together in underground burrows in Lopé National Park, Gabon". African Journal of Ecology. 58 (3): 540–542.
  5. ^ Braucher, Regis; Oslisly, R; Mesfin, I; Ntoutoume Mba, P; Team, Aster (2021). "In situ-produced 10 Be and 26 Al indirect dating of Elarmékora Earlier Stone Age artifacts: first attempt in a savannah forest mosaic in the middle Ogooué valley, Gabon". Philosophical Transactions of the Royal Society B: Biological Sciences. 377 (1849).
  6. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ecosystem and Relict Cultural Landscape of Lopé-Okanda". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-01.
  7. ^ Ukizintambara, Tharcisse; White, Lee; Abernethy, Kate; Thébaud, Christophe (December 2007). "Gallery forests versus bosquets: conservation of natural fragments at Lopé National Park in central Gabon". African Journal of Ecology. 45 (4): 476–482.
  8. ^ van der Hoek, Yntze; Lustenhouwer, Ivo; Jeffery, Kathryn J.; van Hooft, Pim (March 2013). "Potential effects of prescribed savannah burning on the diet selection of forest buffalo ( Syncerus caffer nanus ) in Lopé National Park, Gabon". African Journal of Ecology. 51 (1): 94–101.