Egon Schiele

(Rindirizzat minn Egon Shiele)

Egon Schiele (twieled fit-12 ta' Ġunju 1890 – miet fil-31 ta' Ottubru 1918) kien pittur figurattiv importanti Awstrijak tas-seklu 20. Il-pitturi u d-disinji tiegħu magħrufa għall-intensità, mimlija forom u figuri mibrumin u mgħawġin, jagħmluh wieħed mill-aqwa esponenti tal-Espressjoniżmu. Minħabba din l-intensità f'xogħlu u l-mewt bikrija tiegħu, fl-immaġinazzjoni tal-poplu sar jissimbolizza "l-artista ttormentat". Schiele pinġa xi mitt ritratt tiegħu nnifsu.

Egon Schiele
Ħajja
Isem propju Egon Leo Adolf Ludwig Schiele
Twelid Tulln an der Donau (en) Translate, 12 Ġunju 1890
Nazzjonalità Ċislejtanja
Grupp etniku Awstrijaċi
Mewt Vjenna, 31 Ottubru 1918
Post tad-dfin Ober Sankt Veiter Friedhof (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (pandemija tal-influwenza 1918-1920)
Familja
Konjuga/i Edith Schiele (en) Translate
Koppja/i Wally Neuzil (mul) Translate
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Akademie der bildenden Künste Wien
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Christian Griepenkerl (mul) Translate
Gustav Klimt (mul) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
tipografu
disinjatur
litografu
fotografu
arkitett
skultur
Parteċipant
Post tax-xogħol Neulengbach (en) Translate
Vjenna
Český Krumlov
Influwenzat minn Gustav Klimt (mul) Translate
Moviment espressjoniżmu
Moviment artistiku ritratt
figure painting (en) Translate
awtoritratt
arti pajsaġġistika
allegorija

Bijografija

immodifika

Edukazzjoni

immodifika

Egon Schiele twieled Tulln fuq id-Danubu. Missieru, Adolf, kien jaħdem mal-Ferroviji Statali Awstrijaċi bħala kap tal-istazzjon; ommu, Marie, kienet minn Krumau fil-Boemja. Meta kien tifel kien imur l-iskola mmexxija minn Stift Klosterneuburg fejn dak li kien jgħallmu l-arti, K.L. Strauch, induna bit-talent artistiku tiegħu u nkoraġġih ħafna.

Meta Schiele kellu 15-il sena, missieru miet u kien jieħu ħsiebu zijuh (ħu ommu), Leopold Czihaczec, li kien inkwitat ħafna bin-nuqqas ta' interess ta' Schiele fl-iskola, imma fl-istess ħin induna bil-passjoni u talent li kellu għall-arti. Fl-1906 Schiele daħal il- Kunstgewerbeschule (l-iSkola ta' l-Arti u l-Artiġġjanat ), Vjenna, fejn Gustav Klimt kien studja. Fl-ewwel sena hemm, Schiele ntbagħat l-Akademie der Bildenden Künste, Vjenna, akkademja iżjed tradizzjonali, fuq l-insistenza ta' xi membri tal-fakultà. Hemm studja il-pittura u d-disin, imma l-konservatoriżmu tal-iskola xebbgħu u telaq fl-1909.

 
Awtoritratt ta' Egon Schiele

L-ewwel wirjiet

immodifika

Fl-1907, Schiele sar jaf 'il Gustav Klimt. Klimt kien jgħin l-artisti żagħżagħ b'ġenerożità kbira u ħa interess speċjali f'Schiele minħabba t-talent li ra fih u kien jixtri d-disinji tiegħu, ipartat x'uhud ma' tiegħu stess, isiblu l-mudelli u jintroduċih ma' nies li kienu interessati jixtru x-xogħol tiegħu. Introduċa 'l Schiele wkoll mal-"Wiener Werkstätte", il-grupp tal-arti u l-artiġġjanat li kellu x'jaqsam mas-Seċessjoni Vjenniża. Fl-1908 Schiele kellu l-ewwel wirja f'Klosterneuburg. Is-sena ta' wara ħalla l-Akkademja, meta spiċċa t-tielet sena u ma' xi studenti mxebbgħin bħalu, waqqaf il- "Neukunstgruppe" (Grupp tal-Arti l-Ġdida). Fl-istess sena, 1909, Klimt stieden 'il Schiele biex juri xi xogħol tiegħu fil-Kunstschau ta' Vjenna, fejn kien hemm pitturi ta' Edvard Munch, Jan Toorop u Vincent van Gogh fost oħrajn. F'dawn ix-xogħlijiet l-istil tiegħu, ħieles mill-irbit tar-regoli riġidi u l-konvenzjonijiet tal-akkademja, kien diġà sar espressjonista. Ma' ġenb ritratti ta' ħbiebu u tiegħu stess, wera pitturi li fihom irrappreżenta l-fiżiċità tal-ġisem permezz ta' tagħwiġ aggressiv tal-figuri. Schiele beda jesplora mhux biss il-forma umana imma wkoll is-sesswalità umana li b'din id-distorsjoni tal-forom għamilha ossessjoni erotika u taha tensjoni mimlija emozzjoni qawwija. Schiele uża linja taqta' u inċisiva biex jesprimi t-turmenti tiegħu. Il-kulur f'idejh kiseb valur awtonomu, mhux naturalistiku imma ħadrani, b'riżultati partikularment effikaċi fin-numru kbir ta' akkwarelli u disinji ta' tensjoni alluċinata.

Ħafna nies sabu l-frankezza tax-xogħol tiegħu allarmanti.

Kontroversja

immodifika

Fl-1911, Schiele ltaqa' ma' tfajla ta' sbatax-il sena, Valerie (Wally) Neuzil. Din marret toqgħod miegħu Vjenna u qagħditlu mudella għall-pitturi l-iżjed impressjonanti. Ma tantx nafu fuqha ħlief li qabel kienet timmudella għal Gustav Klimt u setgħet kienet waħda minn namrati tiegħu. Schiele u Wally riedu jaħarbu minn dak li kienu jqisuh l-ambjent magħluq ta' Vjenna u marru joqogħdu fil-belt żgħira ta' Český Krumlov (Krumau) fil-Boemja t'isfel (fejn illum hemm mużew dedikat lil Schiele). Minkejja li Schiele kien jaf xi nies, għax ommu kienet twieldet hemm, il-mod kif kienu jgħixu qajjem ħafna għagħa fost ir-reżidenti u dawn ġegħluhom iħallu l-belt.

Schiele fittex studju rħis u ambjent li jispirah u dawn sabhom Neulengbach, 35-il km lejn il-punent ta' Vjenna u mar joqgħod hemm ma' Wally. Il-mod kif kienu jgħixu Schiele u Wally qajjem ħafna storbju fil-belt u f'April tal-1912 arrestawh għall-korruzzjoni ta' minorenni. Meta l-pulizija ġew l-istudju biex jarrestawh, ikkonfiskaw iżjed minn mitt disinn li kkonsidraw pornografiċi u tefgħuh il-ħabs sakemm tela' l-qorti. Meta deher quddiem l-imħallef l-akkużi ta' seduzzjoni u rapiment waqqagħhom imma sabu ħati li wera disinji erotiċi fejn jistgħu jarawhom it-tfal. L-imħallef ħaraq waħda mid-disinji fuq xemgħa fil-qorti stess, imma billi Schiele diġà kien għamel wieħed u għoxrin ġurnata maqful, tah sentenza ta' tlett ijiem il-ħabs biss. Waqt li kien il-ħabs Schiele pinġa serje ta' 12-il pittura li juru l-ħruxija taċ-ċelel tal-ħabs.

Fl-1914 Schiele ltaqa' ma' Edith Harms li kienet toqgħod fl-istess triq faċċata tal-istudju u li kienet it-tifla ta' mastru-ċavettier. Is-sena ta' wara telaq 'il Wally u tgħarras ‘l Edith u minkejja xi oppożizzjoni mill-familja tagħha, iżżewiġha f'Ġunju ta' 1915.

Il-Gwerra

immodifika

L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet għada sejra u tlett ijiem wara t-tieġ ta' Schiele, bagħtu għalih għas-servizz militari. L-uffiċjali tal-armata rrispettaw it-talent artistiku tiegħu u ttrattawh tajjeb. Hekk, qatt ma kellu jmur jiġġieled. Kull ma kellu x'jgħamel kien li joqgħod għassa mal-priġunieri tal-gwerra Russi u għalhekk seta' jkompli jpinġi. Fl-1917 irritorna Vjenna fejn seta' jikkonċentra fuq il-karriera tiegħu. Ix-xogħol prolifiku ta' dak iż-żmien juri l-maturità ta' artista li kellu ħakma totali fuq it-talenti tiegħu. Fl-1918 stednuh jieħu sehem fid-49 wirja tas-Seċessjoni li saret Vjenna u aċċettawlu ħamsin pittura li dendlu fis-sala prinċipali. Din l-esibizzjoni kienet suċċess kbir għal Schiele u wara l-prezzijiet tal-pitturi tiegħu għolew ħafna u kellu bosta kummissjonijiet għar-ritratti. Fl-istess sena kellu wirjiet li rnexxew ħafna ukoll, Zürich, Praga u Dresden.

Schiele ħa parti f'bosta wirjiet ta' gruppi, fosthom dawk tal-Neukunstgruppe f'Praga fl-1910, Budapest, is-Sonderbund u Kolonja fl-1912 u bosta esibizzjonijiet Seċessjonisti f'Munich mill-1911 ‘l hemm. Fl-1913, il-Galerie Hans Goltz, Munich, tellgħet l-ewwel wirja ta' Schiele waħdu. Esibizzjoni oħra ta' Schiele waħdu saret Pariġi fl-1914.

Fir-rebbiegħa ta' l-1918, l-influwenza Spanjola, li biha mietu iżjed minn 20 miljun ruħ fl-Ewropa, waslet Vjenna. Edith li kienet ilha tqila sitt xhur, ħaditha u mietet fit-28 ta' Ottubru. Schiele miet ukoll tlett ijiem biss wara martu; kellu 28 sena. Fit-tlett ijiem bejn il-mewt ta' martu u tiegħu, Schiele ħażżeż xi ritratti tagħha; dawn kienu l-aħħar xogħlijiet tiegħu.

Ix-xogħol

immodifika

Dan hu tipiku ħafna, bl-linji kważi mnaqqxin, qawwijin, enerġitiċi u żguri minnhom nfishom, xi drabi vjolenti. Schiele jpinġi l-ġisem uman b'mod remarkabbli li l-iskeletru ma jinħebiex taħt il-laħam, d-disinn isegwi l-loġika tal-movimenti u l-qagħda, u hekk joħroġ tliet dimensjonijiet, minflok tnejn bħal ma jiġri spiss fil-każ ta' pitturi oħra. Schiele kien jistudja l-qagħda tal-pazjenti fl-isptar psikjatriku kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-marjunetti bl-ispag. Ir-ritratti u n-nudi tiegħu huma maqbudin f'pożi mhux tas-soltu, xi drabi qishom karikaturi u xi minn daqqiet għandhom ix-xeħta ta' pupi "bla ġogi".

Schiele pinġa xi mitt awtoritratt, xi minn daqqiet juri ruħu għarwien, wiċċu mixrub u tturmentat, jew imwerreċ ikrah, allużjoni umoristika għal kunjomu "schielen" li bil-Ġermaniz tfisser "twerriċa", u xi kritiċi ostili ipprofitaw ruħhom minn din il-logħba tal-kliem.

Il-pitturi tiegħu bla dubju kienu u għadhom jipprovokaw ‘il min jarahom, iqajmu fihom ċertu "malaise" minħabba r-referenza għall-mewt u l-erotiżmu, imma wkoll minħabba l-kuluri ħadranin tad-dekompożizzjoni u t-taħsir.

Gallerija

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika