Donald Trump
Donald John Trump (14 ta' Ġunju 1946) kien President tal-Istati Uniti tal-Amerika u huwa wkoll negozjant biljunarju Amerikan. Huwa diġà kien magħruf ħafna, anke bħala personalità televiżiva, qabel ħareġ bħala kandidat għal President tal-Istati Uniti għall-Elezzjoni Presidenzjali tal-2016. Trump huwa ċ-chairman u l-president ta' The Trump Organization u l-fundatur ta' Trump Entertainment Resorts.
Negozju
immodifikaImwieled fi New York City , huwa bin Fred Trump, li ispirah jidħol fir-real estate. Kien jaħdem mal-kumpanija ta' missieru, Elizabeth Trump & Son, filwaqt li jistudja l-business f'Wharton, u ngħaqad mal-kumpanija fl-1968 hekk kif iggradwa. Fl-1971, beda jmexxiha hu u taha isem ġdid: "The Trump Organization". Bena lukandi, golf courses, u bini f'Manhattan u fi bliet oħra li ħafna drabi jġibu ismu. Ir-reality show fuq NBC, The Apprentice, kabbarlu l-popolarità tiegħu. It-tliet żwiġijiet tiegħu ġibdu ħafna l-attenzjoni tal-media.
Politika
immodifikaFis-16 ta' Ġunju 2015, Trump ħabbar il-kandidatura tiegħu għal President u fittex li jkun innominat mill-Partit Repubblikan. Trump mexxa kampanja populista li tappella għall-klassi tal-ħaddiema u dawk li huma bla xogħol, u dawk inkwetati bl-immigrazzjoni u bit-theddida terroristika. Għamel għedewwa mill-Ispaniċi, business leaders, u Repubblikani oħra, u ippropona li ma jidħlux iktar Musulmani fl-Istati Uniti.
Kampanja elettorali
immodifikaClinton kellha distakk sew fuq ir-Repubblikan Donald Trump fi kważi s-sondaġġi nazzjonali kollha li saru matul l-2016. Iżda fil-bidu ta’ Lulju 2016, u fl-aħħar ġimagħtejn tal-kampanja elettorali, Trump u Clinton kienu ras imb’ras fis-sondaġġi wara l-konklużjonijiet tal-FBI rigward l-investigazzjoni tal-emails tagħha. F’Lulju d-Direttur tal-FBI James Comey ikkonkluda li Clinton kienet "traskurata għall-aħħar" fil-mod kif trattat materjal klassifikat tal-gvern.
Lejn l-aħħar ta’ Lulju 2016, Trump kien ġab l-ewwel vantaġġ fuq Clinton b’erba’ punti perċentwali iktar minnha wara l-Konvenzjoni Nazzjonali Repubblikana. Iżda meta ftit wara, saret il-Konvenzjoni Demokratika Clinton reġgħet ġiet minn fuq b’seba’ punti perċentwali.
Iżda ħdax-il jum biss qabel l-elezzjoni, nhar it-28 ta’ Ottubru 2016, id-Direttur tal-FBI Comey innotifika lill-Kungress Amerikan li l-FBI beda jinvestiga emails oħra li kienu għadhom kif sabu f’device elettroniku ta’ dik li kienet deputy chief of staff ta’ Clinton. Clinton sejħet lill-FBI biex joħroġ mill-ewwel kull informazzjoni fuq dawn l-emails “ġodda” u qalet li kienet kunfidenti li l-FBI se terġa’ tasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm bażi għal prosekuzzjoni kriminali, konklużjoni li l-FBI waslet għaliha jumejn biss qabel l-elezzjoni.
Id-dħul ta' Musulmani fl-Istati Uniti
immodifikaWaħda mill-ewwel ordnijiet eżekuttivi li ffirma Trump kienet tipprojbixxi d-dħul ta’ nies minn seba’ pajjiżi fil-maġġoranza tagħhom Musulmana. Din l-ordni kkawżat kaos fl-ajruporti Amerikani, qasmet familji u qanqlet protesti kbar. Imħallef ma damx ma ssospenda din l-ordni fil-waqt li l-Aġent Avukat-Ġenerali li sostniet li din l-ordni mhix kostituzzjonali u ma tistax tiġi difiża mid-Dipartiment tal-Ġustizzja, ġiet imkeċċija. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja pprova jirrevoka din is-sospensjoni imma mħallef qatagħha kontrih. Trump spiċċa jgħajjar dan l-imħallef. Fl-appell, it-tliet imħallfin qatgħuha unanimament kontra l-gvern.
Din l-ordni ta' Trump kienet kritikata għaliex l-ebda ċittadin minn dawn is-seba’ pajjiżi ma wettaq xi attentat terroristiku fl-Amerika mill-2001 ’il hawn. L-anqas min kien involut fl-attentati ta’ 9/11 ma kien jiġi minn xi wieħed minn dawn is-seba’ pajjiżi. Imma Trump ried din l-ordni ħalli jwettaq in parti l-wegħda elettorali tiegħu li ma jħallix Musulmani jidħlu l-Amerika.
Immigranti
immodifikaF'Mejju 2017 sar magħruf li Aġenti Federali tal-Immigrazzjoni fl-Amerka qed jarrestaw mal-400 immigrant kuljum. Fl-ewwel 100 jum ta’ Trump bħala President, ġew arrestati 41,318 immigrant, żieda ta’ 37.6% fuq l-istess perjodu fis-sena ta’ qabel. Madwar 3 minn kull 4 minn dawk arrestati għandhom rekord kriminali, inkluż membri ta’ gangs u nies imfittxija fuq qtil.
Però l-ikbar żieda hija fl-immigranti arrestati u li m’għandhomx rekord kriminali. Jiem wara li nħatar fil-kariga, Trump iffirma ordni eżekuttiva biex kull min jinstab fl-Istati Uniti illegalment, jiġi deportat.
Oppożizzjoni qawwija kontra t-trattament tal-immigranti ġiet minn ħafna bnadi, fosthom l-Isqfijiet Amerikani. L-Isqof Joe Vásquez stqarr li huma kontra l-ordni li jiġi sospiż għal 120 ġurnata, il-programm li bih refuġjati jibdew ħajja ġdida fl-Istati Uniti. Dwar is-sospensjoni tal-programm għar-refuġjati Sirjani biex jidħlu fl-Istati Uniti, l-Isqof Vásquez sostna li r-reliġjon m’għandux ikun fattur għad-deċiżjoni jekk l-Istati Uniti tassistix persuni vulnerabbli li jkunu ħarbu minħabba l-persekuzzjoni.
Relazzjonijiet maċ-Ċina u l-Asja
immodifikaFtit jiem biss wara l-ħatra tiegħu, il-President Trump iffirma ordni eżekuttiva biex pajjiżu joħroġ mill-ftehim ekonomiku li kien jeżisti bejn l-Istati Uniti u pajjiżi Asjatiċi. Dan il-ftehim li kien ferm imbuttat mill-amministrazzjoni t’Obama kien iffirmat minn tnax-il pajjiż u kien jolqot mal-40% tal-ekonomija tad-dinja.
Il-President il-ġdid kien ikkritika bl-aħrax dan il-ftehim ekonomiku li skontu jmur kontra l-interessi tal-Amerka. Intant Trump ħabbar li se jkun qed jaqta’ b’mod massiċċ it-taxxi fuq kumpaniji li jżommu l-bażi tagħhom fl-Istati Uniti. Trump ħabbar dan waqt li fil-Whitehouse kien qed jiltaqa’ ma diversi sidien ta’ negozji kbar fil-pajjiż.
Il-President Amerikan qal li se jkun qed jimponi taxxa ferm għola fuq dawk il-kumpaniji li jmexxu l-manifattura tagħhom barra mill-pajjiż. Dawn ir-rimarki waslu fl-ewwel ġurnata ufficjali tiegħu fil-White House wara protesti kbar li saru direttament fil-konfront ta’ Trump.
Il-kuntatti mar-Russja
immodifikaFtit wara l-ħatra ta' Trump bħala President, Michael Flynn irriżenja minn National Security Adviser. Flynn instab li gideb lill-amministrazzjoni u speċjalment lill-viċi-president Mike Pence dwar il-kuntatti tiegħu mal-ambaxxatur Russu wara t-tkeċċija ta’ 35 diplomatiku Russu mill-amministrazzjoni Obama. Huwa magħruf li Trump irreżista din it-tkeċċija għax kien ilu jaf bil-komportament ta’ Flynn. Madankollu, Flynn ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja wara li l-Washington Post akkużatu li gideb.
Din ir-riżenja kompliet titfa’ dawl xejn sabiħ fuq in-natura vera tar-rapporti bejn Trump u r-Russi. Skont indiskrezzjonijiet li ġew ippubblikati mill-istampa Amerikana u li ħarġuhom l-istess membri tas-servizzi sigrieti, il-kampanja elettorali ta’ Trump kellha kuntatti regolari mad-diplomatiċi Russi qabel l-elezzjoni.
Trump iddefenda l-fatt li hu qasam informazzjoni sensittiva mar-Russja waqt li insista li hu għamel dan ‘bi dritt assolut’ u fl-interessi tal-miżuri anti-terroristiċi li, fost oħrajn, jaċċertaw is-sigurtà tan-nies waqt it-titjiriet. Trump sostna li hu ma għamel xejn illegali bl-iskambju tal-fatti ‘assoċjati mat-terroriżmu u s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru’. Hu, fl-istess ħin, insista li jrid li r-Russja tieħu aktar miżuri konkreti kontra t-terroriżmu u gruppi qattiela bħall-ISIS.
F'Mejju 2017, Trump iltaqa’ mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, fl-Oval Office tal-White House; bl-istampa Amerikana tgħid li hu kien qasam miegħu informazzjoni sigrieta relatata għal xi kumplott potenzjali tal-ISIS. Rapport fil- Washington Post qal, intant, li l-informazzjoni speċifika kienet ġejja minn sieħba tal-Istati Uniti li ma tatx il-permess biex id-dettalji jinqasmu mar-Russja — iżda Trump insista li għandu d-dritt kollu li jaġixxi fl-aħjar interessi tas-sigurtà. Dan meta l-Post qal li Trump kien qasam informazzjoni mill-aktar sigrieta u x’aktarx relatata ‘għall-użu ta’ kompjuters (ta’ tip laptop) fuq l-ajruplani’.
Matul il-kampanja għall-Presidenza tal-Istati Uniti, Donald Trump ikkritika ripetutament lill-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton dwar il-mod kif hi kienet ħadet ħsieb ċertu materjal sensittiv. U waqt li l-President Amerikan għandu l-awtorità biex jiddeklassifika l-informazzjoni, l-azzjoni speċifika ta’ Trump qanqlet kritika kbira mingħand id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni u sejħiet għal spjegazzjoni mingħand il-Partit Repubblikan tiegħu stess.
Il-Liġi tas-Saħħa
immodifikaObamacare kienet liġi mfassla mill-President Barack Obama li ġabet ’il quddiem is-servizzi pubbliċi tas-saħħa. Madankollu, dawn is-servizzi sabu oppożizzjoni kbira minn Trump li tul il-kampanja wiegħed li jwettaq tibdil sostanzjali fihom.
Nhar il-25 ta' Marzu 2017, Trump kellu jirtira l-abbozz ta’ liġi tiegħu dwar is-saħħa wara li ma ntlaqax tajjeb u ma kellux voti biżżejjed biex jgħaddi mill-kungress. Dan wara li l-Ħamis, il-vot dwar is-saħħa kellu jkun pospost ħabba li sab oppożizzjoni minn xi Repubblikani. Madankollu, Trump xorta ta t-tort lid-Demokratiċi li ħadd minnhom ma kien favur l-abbozz ta’ liġi propost.
Għalkemm Trump kien għamilha ċara li jekk ma jivvutawx favur l-abbozz kien se jkollhom jibqgħu b’Obamacare, l-abbozz xorta waħda sab oppożizzjoni minn xi Repubblikani. Dan tant li meta ġie għall-vot, Trump flimkien mal-Ispeaker tal-kamra, Paul Ryan, iddeċidew li jirtirawh.
Kontra l-abort
immodifikaFit-23 ta' Jannar 2017, Trump iffirma azzjoni eżekuttiva li twaqqaf il-fondi mill-Gvern Amerikan lil kull għaqda u organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi jew toffri l-abort. Din il-politika, imsejħa l-"Mexico City Policy" kienet oriġinarjament mnedija waqt l-amministrazzjoni ta' Ronald Reagan, iżda mneħħija fl-2009 mill-amministrazzjoni ta' Obama.
Filwaqt li finanzjament dirett għall-abort ma kienx legali lanqas waqt l-amministrazzjoni ta' Obama, għaqdiet u organizzazjonijiet, anke barranin kienu jirċievu fondi mill-Gvern Amerikan bħala għajnuna għall-promozzjoni ta' abort bħala metodu ta' pjanar għall-familji u trattament għal wara l-abort li dawn kienu joffru. B'din l-azzjoni, l-NGOs mhux se jibqgħu jieħdu ebda fondi.