Distrett ta' At-Turaif

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Arabja Sawdija

Id-Distrett ta' At-Turaif huwa distrett storiku li jinsab f'Al-Dir'iyah, fil-Majjistral ta' Riyadh, u jitqies bħala wieħed mill-iżjed siti politiċi u storiċi importanti fl-Arabja Sawdija, u kien jirrappreżenta l-belt kapitali tad-dinastija Sawdija. Kien ir-residenza oriġinali tal-familja rjali Sawdija u l-ewwel belt kapitali tal-pajjiż mill-1727 sa meta l-Ottomani serqu l-inħawi fl-1818.[1][2]

Il-Palazz ta' Saad ibn Saud.

Id-Distrett ta' At-Turaif ġie stabbilit fis-seklu 15 bi stil arkitettoniku Najdi; dan is-sit storiku tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-31 ta' Lulju 2010.[1]

Id-diversi palazzi f'din iż-żona b'oażi u l-istil arkitettoniku u dekorattiv Najdi għenu biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Barra minn hekk, id-Distrett ta' At-Turaif kien l-ewwel ċentru storiku b'setgħa unifikanti fil-Peniżola tal-Arabja. F'nofs is-seklu 18, Al-Dir'iyah saret il-belt kapitali ta' Stat Għarbi indipendenti, u b'hekk tirrappreżenta fażi importanti fl-insedjament uman tal-Peniżola tal-Arabja ċentrali.

Fl-1818, l-Ottomani serqu r-rikkezzi tad-distrett fl-Assedju ta' Diriyah. Id-distrett ġie abbandunat u n-nies marru jgħixu f'Riyadh. L-inħawi baqgħu abbandunati sas-sena 2000, meta l-Awtorità għall-Iżvilupp ta' Ad-Diriyah ġiet ikkummissjonata biex twettaq proġett impressjonanti ta' restawr bl-għan li dan l-insedjament jiġi ttrasformat f'destinazzjoni turistika internazzjonali. Għalkemm id-distrett tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, ma tantx huwa magħruf fuq livell internazzjonali.[3]

Palazzi u monumenti storiċi

immodifika

Fost il-palazzi u l-monumenti storiċi tad-Distrett ta' At-Turaif hemm:[4]

  • il-Palazz ta' Salwa;
  • il-Palazz ta' Saad bin Saud;
  • id-Dar tal-Mistednin u l-Banjijiet ta' At-Turaif;
  • il-Moskea tal-Imam Mohammad bin Saud.

Programm ta' restawr ta' At-Turaif

immodifika

F'Diċembru 2018, l-Arabja Sawdija nediet programm ta' restawr tad-Distrett Storiku ta' At-Turaif bl-għan li s-siti arkeoloġiċi tad-distrett jiġu ddokumentati u biex id-distrett jiġi ttrasformat f'mużew fil-beraħ.

Il-proġett kien parti mill-pjan għat-turiżmu tal-Arabja Sawdija li għandu l-għan li jżid it-turiżmu lokali fil-pajjiż u li huwa parti mill-Viżjoni Sawdija għall-2030.

Il-Mużew Ħaj ta' At-Turaif ingħata l-istatus ta' "Rebbieħ Nazzjonali" fil-kategorija tal-Proġett Soċjali, Kulturali u tal-Wirt tas-Sena fil-Premjijiet tal-Proġetti MEED tal-2020.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Id-Distrett ta' At-Turaif f'ad-Dir'iyah ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "At-Turaif District in ad-Dir'iyah". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
  2. ^ "Al-Turaif: How Saudi Arabia is bolstering future tourism by reviving past treasures". Arab News (bl-Ingliż). 2018-12-11. Miġbur 2023-11-01.
  3. ^ Goppion. "Atturaif Living Museum - Projects". Goppion (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
  4. ^ "Turaif Quarter | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2023-11-01.
  5. ^ "MEED names Saudi Arabia's best projects". Arab News (bl-Ingliż). 2020-03-25. Miġbur 2023-11-01.