Chris u Moira

duo Malti magħrufa għall-parteċipazzjoni fil-Eurovision Song Contest 1994

Chris u Moira kienu duo Malti, iffurmat minn Moira Stafrace u Christopher Scicluna. Huma magħrufa l-aktar għax irrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1994.

Ħajja u karrieraEdit

Stafrace twieldet Malta fl-1970. Ta’ 12-il sena bdiet il-karriera tagħha fil-kant.  Xtrat kitarra u bdiet tkanta ma’ diversi gruppi. Ħadet sehem f’bosta festivals fejn rebħet bosta premjijiet. Fl-1992 ingħatat il-premju għall-Aħjar Personalità fl-industrija tal-mużika ta’ pajjiżha.  Fl-1993 iltaqgħet u tħabbet mal-kitarrist, Chris Scicluna. Is-sena ta' wara huma żżewġu.

Scicluna twieled Malta fl-1959 u beda l-istudju tal-mużika ta' 8 snin u qatta' l-biċċa l-kbira tas-snin tmenin jaħdem freelance fir- Renju Unit. Huwa Irrekordja l-ewwel album tiegħu fl-1979 'Starlights' bħala kompożitur u kantant. Fl-1990 huwa deher fl-abum 'Ever Changing Moods' tal-grupp Malti Getting Closer. Meta l-kanzunetta 'This Time' ta' William Mangion intgħażlet biex tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1993 huwa ħa sehem bħala kitarrist. Kien hemm l Chris iltaqa' ma' Moira li kienet waħda mill-kantanti li akkumpanjaw lil Mangion. Fl-1994 huma kkomponew il-kanzunetta More than Love, li rrappreżentat lil Malta fil-konkors tal-Eurovision f'Dublin. Huma kklassifikaw fil-5 post b’97 punt – wieħed mill-aħjar riżultati għal Malta matul is-snin f'dan il-konkors.

Fl- 1999, id-duo rritorna għall-Eurovision, din id-darba kitbu kanzunetta bl-isem Believe 'n Peace għall-girlband Times Three . Il-kantanta ewlenija tal-grupp kienet oħt Moira. Kemm Chris kif ukoll Moira kienu fuq il-palk bħala kantanti fl-isfond.

Scicluna miet fit-18 ta' Frar 2022, fl-età ta’ 62 sena.[1]

ReferenziEdit

  1. ^ "Chris Scicluna, star of 1994 Eurovision song More Than Love, passes away". MaltaToday.com.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-18.