Carlo Diacono

Kompożitur u Surmast tal-banda Malti

Carlo Diacono (1 ta’ April 1876 – 15 ta’ Ġunju 1942) kien kompożitur u konduttur prominenti Malti, magħruf għall-kontribuzzjonijiet tiegħu kemm fil-mużika sagra kif ukoll sekulari. Imwieled iż-Żejtun, Malta, Diacono sar figura sinifikanti fl-istorja kulturali Maltija.[1]

Carlo Diacono
Ħajja
Twelid Żejtun, 1 April 1876
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
L-ewwel lingwa Malti
Ingliż
Mewt Ħal Lija, 15 Ġunju 1942
Kawża tal-mewt kawżi naturali (bronkite)
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Ingliż
Taljan
Għalliema Paolino Vassallo
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
direttur mużikali
surmast tal-banda
surmast tal-kappella
maestro
Impjegaturi Soċjeta' Mużikali Beland  (1897 -  1903)
Soċjeta' Filarmonika San Ġorġ  (1913 -
Katidral ta’ San Pawl  (1923 -
Sħubija Soċjeta' Mużikali Beland

Ħajja Bikrija u Edukazzjoni

immodifika

Carlo Diacono twieled iż-Żejtun fl-1 ta’ April 1876. Huwa kien it-tieni iben ta’ Orazio Diacono (mgħaruf ukoll bħala Grezzju)[2] u Francesca Saveria imwielda Darmanin. Dawn iżżewġu fl-24 ta' Gunju fil-Kappella ta' l-lspirtu Santu meta Orazio kellu 47 sena [3]. Tgħammed l-għada fit-2 ta’ April u ingħata l-ismijiet; Carlo, Gwann Battista, Pietru Pawl, Mario, Antonio, Orazio u Salvatore. Ħuħ il-kbir kien Gio Batta magħruf bħala Tittu u kellhom oħthom Karolina.[1]

Orazio Diacono kien mużiċist prim, u fl-1843 għaqqad orkestra li minnha ħarġet il-Għaqda Mużikali Beland fl-1861. Għalhekk wieħed jista jgħid li ibnu Carlo wiret it-talent mużikali mingħand missieru. Carlo Diacono wera talent mużikali minn età żgħira u beda jdoqq il-kwartin u l-orgni. T’għaxar snin[4] ħareġ jdoqq l-ewwel darba mal-Banda Beland kien fil-Ġimgħa l-Kbira.[1]

Fl-1887 huwa daħal jistudja il-Liċeo.[5]

Ta’ 15-il sena ikkompona Innu f’ġieħ Santa Katerina fuq versi tal-poeta Żejtuni Dun Mikiel Cassar.[5] Is-sena ta’ wara f’Novembru tal-1892, ta’ 16-il sena idderiġa idderiega b'xejn il-mużika tal-Quddiesa tat-'Te Deum' u tal-Matutin fil-festa ta' Santa Katerina. Dawn kienu suċċess u bis-saħħa t’hekk beda jingħata iktar servizzi.[6]

Ta’ 16-il sena beda ukoll jistudja il-mużika taħt il-Mro. Paolino Vassallo fl-Istitut tal-mużika li kien fetaħ huwa stess.[2] Dam jistudja miegħu għal għaxar snin u tħarreġ fl-istorja u l-forom tal-muzika, fil-kuntrapunt, fuga, orkestrazzjoni, vuci u pjanu.[6] Ta’ 20 sena hu ġie ppreżentat fl-Aula Magna ta' l-Universita Rjali mis-Surmast tiegħu Paolino Vassallo fejn kien daqq ir-romanza tiegħu Ad Una Viola.[1]

Diacono iżżewweġ lil Maria Stella Cannataci (17 ta' Awissu 1888 - 25 ta’ Ġunju 1934) fil-15 ta’ Novembru 1908. Din kienet tigi bint l-avvukat Alfonso M. Cannataci u s-Sinjura Adelaide nee De Domenico[7] u z-zija tal-Isqof Emmanuel Gerada.[8] Huma marru joqgħodu f'dar fi Pjazza l-Kbira ż-Żejtun stess. Huma kellhom 8 ulied, iżda ħamsa minn dawn mietu żgħar.[6] It-tliet ulied ħajjin huma Frankie Diacono (1914-1999), Orazio u Marija Adelaide.[1]

Karriera u Kisbiet

immodifika

Diacono kellu numru ta’ studenti li kien jgħallem teorija, kompożizzjoni, kant u pjanu. Apparti li kien Maestro di Cappella ta’ diversi parroċċi, kien ukoll direttur tal-kor tas-subien ta' San Gakbu, u ta' dak tax-xebbiet ta' Santu Rokku, t-tnejn fil-Belt, kif ukoll tal-kor tas-Seminaristi u tal-kulleġġ ta' San Alwigi B'Kara. Apparti minn hekk kien eżaminatur tal-pjanu fl-iskola ta' l-Arti I-Belt kif ukoll musical advisor tat-Teatru Rjal.[9]

Naraw li Diacono kellu taħt idejh id-direzzjoni ta’ żewġ baned. L-ewwel waħda kienet propju dik ta’ Beland, u kien surmast bejn 1892 u 1903. Fl-1893 ktieb l-ewwel żewġ marċi għall-Banda Beland: "Il Saluto della Sera" u "Il Trionfo"[7]. Huwa nħatar Direttur Onorarju tal-Banda, meta dan iddeċieda li ma jkompliex.[6]

It-tieni banda li kienet taħt id-direzzjoni tiegħu kienet tal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla. Probabilment dan kien bejn l-1913 u l-1915 u ir-relazzjoni ma din il-banda inbniet propju minħabba Mro. Paolino Vassallo li xi kultant kien jitolbu sabiex jistotwixxih.[6]

Fit-18 ta’ Novembru 1899, permezz tal-Arċipriet Dun Lawrenz Degabriele[4], inħatar organista fil-Parroċċa taż-Żejtun b’digriet tal-Kurja. Ma din il-kariga kellu onorjarja ta’ 16s 8d. Wara supplika li għamel lil Mons. Pietru Pace, din l-onorarja ġiet irdoppjata fl-1906.[6]

Fl-1904 Diacono kien is-surmast li għallem lil koristi u atturi prinċipali li ħadu sehem fl-opra Frazir ta’ Paolino Vassallo li ttellgħet fit-Teatru Rjal.[10]

Il-mużika tiegħu ġiet esegwita fil-British Empire Exhibition ġewwa Wembley fl-1924 fejn ġiet ikklassitikata fit-tielet post u mogħtija midalja u ċertifikat. Fis-sena 1938 ġiet esegwita wkoll fil-Bażilika ta' Massenzju ġewwa Ruma, fl-1942 gewwa l-Kajr fl-Egittu, u fl-1957 ġewwa New York fl-Istati Uniti. [5][11]

Fl-1937 accetta li jidderiġi 35 banda li daqqew flimkien fuq Kastilja u fil-Main Guard għal okkażjoni tal-Ġubilew tal-Fidda tar-Re Ġorġ V. [5] [11]

Cappella Diacono

immodifika

Il-Papa San Piju X, fit-22 ta’ Novembru 1903, xandar ir-riforma tal-mużika ekkleżjastika magħrufa bħala il-Motu Propju[6]. B’din ir-riforma il-Papa xtaq li l-mużika tkun inqas teatrali u iktar addattata għal knisja moderna. Sa dan iż-żmien f’Malta kien hawn żewġ Cappelli tal-mużika prominenti, dik tal-Familja Nani u tal-Familja Buġeja. Kien f’dan iż-żmien li Diacono ħataf l-opportunita’ biex jibda jikkomponi mużika skond il-parametri tal-Motu Propju.[6] Naraw li fl-1904 huwa kiteb disa’ repositorji ġodda waqt il-prietki tat-tliet sighat fil-knisja taż-Żejtun.[12]

Fl-1910 huwa ikkompona żewġ quddiesat skond il-Motu Propju u bgħathom Ruma għall-approvazzjoni. Dawn ġew milqugħa tajjeb ħafna u ntbatu ittri ta’ tifħir u rikonoxximent. Quddiesa minnhom li kitiblu lura fuqha Dun Lorenzi Perosi, il-Maestro tal-Kappella Sistina tal-Vatican,[10]  saret kunċert fit-Teatru Manoel.[1]

Permezz tal-mużika tiegħu skond il-Motu Propju, Diacono beda jikseb il-fama madwar il-ġżejjer Maltin. Huwa kkompona diversi antifoni li bdew jindaqqu f’diversi parroċċi. [12]

Fl-1920 huwa ġie maħtur Maestro di Cappella tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Wara il-mewt ta’ Mro. Paolino Vassallo Diacono, fl-1923,  ġie maħtur bħala Maestro di Cappella tal-Katidral u tal-Kon-Katidral mill-Arċisqof Mauro Caruana.[12]  Kawża t’hekk kellu jmur joqgħod il-Belt Valletta, iżda xorta kien jinżel xi ftit f’raħal twelidu taż-Żejtun.[13]

Wara il-mewt tiegħu, il-Cappella Diacono għaddiet f’idejn ibnu il-Mro Frank Diacono. It-tielet direttur tal-Cappella Diacono kien il-Mro Dun Ġwann Galea. Dun Ġwann Galea baqa d-direttur ta’ din il-Cappella sal-2015, meta eżegwixxa l-aħħar servizz tiegħu fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ġewwa Bormla. B’hekk naraw li fl-1 ta’ Jannar 2016, ħa f’idejh id-direzzjoni ir-raba direttur il-Mro. Ray Sciberras li sa ftit xhur qabel kien assistent direttur ta’ Dun Ġwann Galea. L-ewwel servizz ta’ Mro. Sciberras kien fil-parrocca taż-Żejtun ft-okkazjoni tal-400 sena Matriċi.  Apparti minn hekk, Mro. Sciberras fl-2016 inawgura riforma ġdida, dik li l-membri tal-Cappella jkollhom uniformi.[12]

L’Apino

immodifika

Waħda mix-xogħlijiet l-aktar magħrufa u popolari ta’ Diacono hija L’Alpino. Din l-opra fi tlett atti  ittellgħet f’April tal-1918 fit-Teatru Rjal taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ettore Perosio.[6] Din l-opra marret in xena 9 darbiet flimkien ma żewġ Soiree d’Honneur.[14]

Fl-1946, L’Apino ġiet ippreżentata fir-Radio City Opera House, Ħamrun, minn ibnu Frankie.[7]

Oratorju ‘San Paolo’

immodifika

Dan l-oratorju ġie ikkomponut għall-okkazzjoni tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913, b'lirika tal-Bormliż il-Profs. Mons. Giovanni Formosa. Il-ħsieb kien li dan jindaqq fit-Teatru Rjal żda minħabba xi kumplikazzjonjiet ma ndaqqx.[1] Dan l-oratoju ttella fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann nhar il-Ġimgħa, 8 ta' Mejju 2009, għaċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena Pawlina 2008-9. [8] [15]

Xogħlijiet Magħżula[7]

immodifika

Antifoni

immodifika
  • Hodie Egressa Est (Bormla, Malta)
  • Gloriose Virginis Marie (Isla, Malta)
  • Beata Mater (Marsaxlokk, Malta)
  • Beata Mater - Madonna tal-Ġilju (Mqabba, Malta)
  • 'O Salutaris Hostia (Rabat, Malta)
  • In sepulchrum (Ħaż-Żebbuġ, Malta)
  • Hodie Philippus (Ħaż-Żebbuġ, Malta)

Innijiet

immodifika
  • Adore Te
  • Innu lil Santa Katerina
  • A Santa Caterina – (Del Sacri Ministri)
  • Fra le Braccia della Vergine
  • O Roma Felix
  • lnviolata
  • Tota Pulchra
  • O Sacrum Convivium
  • L'Ave della Sera
  • De la Terra del Ciel
  • Domine Salva Nos Perimus
  • Ave Verum
  • Preghiera alla Vergine
  • A Maria (lnno ai Giovani)
  • Notte di Natale
  • Ninni Nanna
  • Ave Signor
  • Ave Maria per Voce di
  • Contralto
  • La Salveregina
  • Hosanna Filio David
  • Padre Nostro
  • 2 Oremus pro Pontefice
  • Sei Mio
  • Con che Fidente Affetto
  • Għall-Banda Beland: "Il Saluto della Sera" (1893)
  • Għall-Banda Beland: “Il Trionfo” (1893)

Oratorji

immodifika
  • San Paolo (1913) - fi tlett atti.
  • Transitu di S. Antonio - f’att wieħed
  • Cantico di Frate Sole - f’att wieħed
  • L’Alpino (1918)
  • Villa Azzura (mhux kompluta)

Mewt u Legat

immodifika

Carlo Diacono miet nhar il-15 ta’ Ġunju 1942 fit-8.15 ta’ filgħodu, fl-eta’ ta 66 sena. Huwa miet f’nr. 42, Triq il-Kbira, Ħal Lija[5], ġewwa d-dar li kienu qed joqgħodu fiha matul it-Tieni Gwerra Dinjija.[16] Il-kawża tal-mewt tiegħu kienet bronkite, minħabba li kellu jqatta iljieli sħaħ fl-umdita ġewwa x-xelters.[13] Peress li kien Maestro di Cappella tal-Katidral tal-Imdina, huwa kellu dritt li jindifen hemm. Iżda x-xewqa tiegħu kienet li jindifen f’raħal twelidu, iż-Żejtun u hekk sar.[14]

Il-funeral sar l-għada, is-16 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina ż-Żejtun.Il-funeral kellu jkun privat u wara il-korteo kellu jibqa sejra għad-difna ġewwa ic-Ċimiterju ta’ Santu Rokku, Iżda ħuħ Tittu, flimkien mal-Arċipriet u xi nies miż-Żejtun irranġaw sabiex jitqiegħed fl-Oratorju tas-Sagrament biex n-nies jkollhom ċans jagħtu l-aħħar tislima. Wara dan, ir-reffiegħa bdew it-triq biex joħduh għad-difna, iżda dak il-ħin inqala ‘air raid’. Mħeġġin min nies, ir-reffiegħa baqgħu sejrin saċ-ċimiterju u ħallewh fil-kamra apposta li hemm sakemm spiċċa l-air raid.[13]

Xahar wara mewtu saret quddiesa reqiuem fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Il-mużika kienet taħt id-direzzjoni ta’ ibnu, il-Mro Frankie Diacono u fiha ndaqqet Dies lrae. Preżenti għal din il-quddiesa kienu diversi mużiċisti u kantanti li taw is-servizz tagħhom b’xejn, kif ukoll diversi rappreżentanti ta’ diversi baned u knejjes li Carlo Diacono kien Maestro di Cappella jew surmast.[13]

Rikonoxximent

immodifika

Sena wara il-mewt tiegħu, fl-1943, il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila li kien ammiratur kbir tiegħu, kiteb poeżija bħala tifkira.[7]

Bħala tifkira iż-Żwieten ħasbu biex mafkar fejn kien joqgħod Carlo Diacono f’Misraħ Girgor Bonnici. Dan il-bust tal-bronz sar mill-iskultur Ċensu Apap u inkixef nhar il-Ħadd 19 ta' Novembru 1967 minn ibnu Frank Diacono.[5] Fl-istess ġurnata infetħet ukoll eżibizzjoni tal-ħajja u x-xogħolijiet ta’ Carlo Diacono fil-Bini Parrokkjali taż-Żejtun kif ukoll Akkademja Mużiko-Letterarja.[7]

Fl-1992, bħala tifkira tal-50 sena mill-anniversarju tal-mewt tiegħu, il-Kumitat tal-Għaqda Mużikali Beland ikkommisjonat lil artist Sandro Debono għal bust tas-Surmast Diacono sabiex jitqiegħed f’post prominenti ġewwa s-sede tal-każin.[9]

Għall-okkażjoni tal-140 anniversarju minn twelidu, fi-2016 l-għaqda Wirt iż-Żejtun ikkummissjonat ir-restawr tal-bust tal-bronż u l-konservazzjoni tal-lapida li hemm miegħu, lil Jane Mary Vella. Meta tlesta r-restawr il-bust u l-lapida inkixfu nhar it-Tlieta. 6 ta' Ġunju 2016. [8] [17] [18]

Fil-Każin tal-Banda Beland ġewwa ż-Żejtun ittellgħet wirja, li-Ħadd, 6 ta' Novembru 2016, li damet miftuħa sas-27 tal-istess xahar ad unur is-Surmast Carlo Diacono.[8]

Fl-2017, Reuben Abela ippublika ktieb fuq il-wirt mużikali ta’ Carlo Diacono fl-okkażżjoni tal-75 sena minn mewtu.[19]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e f ġ Għaqda Banda Żejtun (1992). "Carlo Diacono : mużiċista kbir : ġenju mużikali Malti". Festa ta' Sta. Katarina V.M. patrun taż-Żwieten 1992 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda Banda Żejtun: [2 p.]
  2. ^ a b Camilleri, Carmel (1996). "Is-surmastrijiet Carlo u Frankie Diacono". Programm festiv Santa Marija, Ħ'Attard, 1996 (bil-Malti). Attard: Soċjetà Mużikali ‘La Stella Levantina’: 123–125.
  3. ^ Abela, Joe (2002). "L-antenati Gudjani ta' Carlo Diacono". Festa [Santa Marija, Gudja,] 2002 (bil-Malti). Gudja: Parroċċa tal-Gudja: 13–15.
  4. ^ a b Parroċċa Santa Katarina (1992). "Egħluq il-50 sena mill-mewt tas-surmast Karlu Diacono". Iż-Żejtun : festa ta' Santa Katarina V.M., 1992 (bil-Malti). Żejtun: Parroċċa Santa Katarina: 13.
  5. ^ a b ċ d e f Għaqda Banda Żejtun (2005). "Carlo Diacono : il-kompożitur Żejtuni li ħabb lil Santa Katerina V.M." Festa Ċentinarja [Santa Katarina, Żejtun] 2005 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda Banda Żejtun: 37.
  6. ^ a b ċ d e f ġ g Vella Bondin, Joseph (1992). "Carlo Diacono (1876-1942)". [Festa Santa Katarina V.M.] Żejtun 1992 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda Mużikali Beland: 37–67.
  7. ^ a b ċ d e f Kumitat Organizzativ (1967). Fl-okkażjoni tal-kxif tal-bust tas-Surmast Kompożitur Carlo Diacono, 1876-1942, iż-Żejtun 19 ta' Novembru, 1967 (bil-Malti). Żejtun: Kumitat Organizzativ.
  8. ^ a b ċ d Attard, Mario (2017). "Il-Banda San Ġorġ tfakkar lil wieħed mis-surmastrijiet tagħha : Mro. Carlo Diacono (1876-1942) - 75 sena mill-mewt tiegħu". Leħen il-Banda San Ġorġ Bormla A.D. 1862 Festa Immakulata Kunċizzjoni 2017 (bil-Malti). Cospicua: Soċjetà Filarmonika San Ġorġ: 109–115.
  9. ^ a b Zahra, Frans (1992). "Intervista ma Marija Falzon bint Mro. Carlo Diacono". [Festa Santa Katarina V.M.] Żejtun 1992 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda Mużikali Beland: 23, 25.
  10. ^ a b Bonello, Joseph (4 Settembru 1982). "F'egħluq l-40 sena mill-mewt tal-mużiċista - kompożitur Karlu Diacono". Leħen is-Sewwa (bil-Malti). Malta: Arċidjoċesi ta' Malta: 8.Manutenzjoni CS1: data u sena (link)
  11. ^ a b Vella, Daniel (2011). "Carlo Diacono - 135 sena mit-twelid tiegħu". Festa tas-Salvatur, [Lija], 2011 (bil-Malti). Lija: Soċjetà Sant’ Andrija - Villa Lija: 117–118.
  12. ^ a b ċ d Debono, Charles (2016). "Capella Diacono". Programm tal-festa ta' Marija Immakulata fil-Belt ta' Bormla, festa 2016 (bil-Malti). Cospicua: Kumitat Festa Esterna ta' Marija Immakulata: 84–85.
  13. ^ a b ċ d Zahra, Frans (2002). "60 sena ilu miet Mro. Carlo Diacono : tislima". Festa Santa Katarina V.M., Żejtun 2002 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda Mużikali Beland: 53, 55.
  14. ^ a b Debono, Charles (2017). "Carlo Diacono, 75 sena minn wara mewtu". Festa ta' Santa Katarina V.M., [Żejtun] 2017 (bil-Malti). Żejtun: Parroċċa Santa Katarina: 17, 19.
  15. ^ Aquilina, Sunny (2009). "Oratorio - San Paolo evangelizza i Maltese : 'San Pawl ihabbar il-Vangelu lil Maltin' kompozizzjoni ta' Mro. Carlo Diacono u lirika tal-Profs. Mons. Giovanni Formosa". Programm tal-festa ta' Marija Immakulata, Belt Cospicua, festa 2009 (bil-Malti). Cospicua: Kumitat Festa Esterna ta' Marija Immakulata: 60–63.
  16. ^ Debono, Charles (2002). "60 sena mill-mewt ta' Carlo Diacono". L-Armar : festa [Santa Katarina, Żejtun] 2002 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda ta’ l-Armar 25 ta’ Novembru: 37–38.
  17. ^ "The residence of Carlo Diacono" (bl-Ingliż). Miġbur 6 Diċembru 2024.
  18. ^ Abela, Reuben (2016). "ls-Surmast kompożitur Carlo Diacono". L-Armar : festa Santa Katarina V.M., Żejtun 2016 (bil-Malti). Żejtun: Għaqda ta’ l-Armar 25 ta’ Novembru: 25–27.
  19. ^ Agius, Ritianne (2017-07-01). "Composer Carlo Diacono book on the 75th anniversary of his death" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-06.