Soċjeta' Mużikali Beland

Banda iż-Żejtun, Malta

Is-Soċjetà Mużikali Beland twaqqfet fiż-Żejtun fl-1861 minn Mro. Orazio Diacono bil-kollaborazzjoni ta' Mro. Michelino DeFerraris; wara trasformazzjoni tal-orkestra li kienet teżisti mill-1832. Il-fondazzjoni hi ppruvata b'numru ta' marċi funebri miktuba fl-1861, bis-sehem ukoll tal-Banda Beland fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun u servizzi fi Bliet u rħula bħal f'Ħal Ghaxaq (1867), ir-Rabat u l-Belt Valletta (1870).

L-isem Beland ingħata lil din is-Soċjetà f'fażi ta' tiġdid snin ilu. Dan l-isem oriġina mill-kunjom Ġermaniż tal-Barunessa Isabelle Von Bylandt, omm il-GranMastru Hompesh li fl-1797 ta t-titlu ta' Belt liż-Żejtun b'Città Beland.

Id-direzzjoni tal-Banda Beland kienet dejjem f'idejn Surmastrijiet lokali stabbiliti, fosthom Mro. Angelo Mifsud, Ignazio Catania, Antonio Miruzzi, Carmelo Scicluna, Gio Batta Cassar, Carlo Diacono, Carmelo Baldacchino, Hector Dalli, Orazio Cachia, Frank Mercieca, Ray Sciberras, u preżentement Gordon Baldacchino. Tul is-snin, dil-banda kellha sehem distint f'diversi festi Maltin, avvenimenti governattivi u attivitajiet nazzjonali. Sal-lum iċċelebrat sitt anniversarji li mmarkaw mixja li llum tgħodd b'aktar minn 150 sena ta' storja. Baqgħet timxi fit-triq tal-progress, bi Presidenti u Kumitati ħabrieka li mexxewha, flimkien mal-fergħat li twieldu fi ħdanha maż-żmien u bin-numru kbir ta' membri attivi u segwaċi. Illum tgawdi min numru sostanzjali ta' bandisti, grazzi wkoll għall-iskola tal-mużika mwaqqfa riċentement għat-tagħlim bla ħlas lill-bandisti futuri tagħha.

Fost il-ħafna episodji storiċi tagħna, nsemmu ż-żjarat tal-Banda Beland f'pajjiżi barranin; fil-Ġermanja fl-1994 għall-ftuħ mill-ġdid tal-Kastell Rheydt, eks-propjetà ta' omm il-GranMastru Hompesh, fir-Russja fl-1995 fejn din kellha tkun l-ewwel banda Maltija li sa dakinhar żaret dan il-pajjiż, f'Como l-Italja fl-1998, u f'Ruma u l-Belt tal-Vatikan fl-2019, b'kunċert fit-teatru rinomat mal-mużiċisti fid-dinja - Conservatorio Santa Cecilia, u wkoll bil-privileġġ li ddoqq fi Pjazza San Pietru waqt udjenza tal-Papa Franġisku. Insemmu wkoll b'unur l-eżekuzzjoni tal-Banda Beland tal-Oratorio - "Dawl fuq is-Sinaj" għal darbtejn fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun; fl-2005 bħala parti mill-festi Ċentinarji tal-1700 sena mill-Martirju ta' Sta. Katarina V.M., u fl-2015 f'egħluq l-10 snin mit-tnedija tal-istess xogħol mużikali. Dan kollu jgħodd ma' tant episodji sbieħ oħra li huma mnaqqxa b'unur fi storja li qed tkompli tinkiteb.

Is-sit eżistenti ta' dis-Soċjetà jinsab f'post prominenti fil-pjazza ewlenija taż-Żejtun, faċċata eżatt tal-Knisja Parrokkjali; bi swali kbar u rinovati li fihom jinżammu bi preġju tant oġġetti li huma wirt kbir għalina, kuljum jiltaqgħu niesna u dawk li jżuruna, jitħarrġu l-istudenti u l-bandisti tal-Banda Beland b'mod regolari, isiru l-laqgħat tal-istrutturi u tinħema ħidmietna, u norganizzaw l-attivitajiet għal kulħadd tul is-sena kollha.

L-iskop prinċipali ta' dis-Soċjetà jibqa' wieħed sostnut, dak tat-tagħlim u t-tixrid tal-mużika; f'organizzazzjoni li timraħ ukoll fl-oqsma soċjali, kulturali u solidali bħala waħda volontarja, u bil-qofol tas-sena kalendarja tagħna tibqa' tkun il-festa titulari ta' Santa Katarina fiż-Żejtun, fit-tielet Ħadd ta' Ġunju.

Nilqgħuk fil-pjattaformi soċjali ta' din l-ewwel Banda Żejtunija, u fi ħdan il-familja kbira Belandista.


Deskrizzjoni aġġornata: 2022