Brian Schembri

mużiċist Malti

Il-Maestro Brian Schembri hu mużiċista Malti.

Brian Schembri
Ħajja
Twelid Tas-Sliema, 21 Settembru 1961 (63 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Akkademja Rjali tal-Mużika
Petro Tchaikovsky National Music Academy of Ukraine (en) Translate
Konservatorju ta' Moska
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni surmast tal-orkestra
pjanist
Strument/i tal-mużika pjanu

Karriera

immodifika

Schembri beda jistudja l-mużika taħt il-gwida ta’ missieru, Carmelo Schembri, u kien l-iżgħar mużiċist li kiseb il-Liċenzja tar-Royal Schools of Music ta’ Londra. Wara li kompla l-istudji tiegħu fil-Konservatorju “Tchaikowsky” ta' Kiev u Moska, fejn tgħallem taħt mużiċisti kbar bħal Snegiriov, Dorensky u Kofman, kien maħtur Assistent Direttur f’orkestri tal-Orchestre Philarmonique de France u tal-Orquestra Metropolitana de Lisbao fil-Portugall. Serva wkoll bħala direttur mistieden fl-Ukrajna, il-Maċedonja, l-Italja, Spanja, l-Iżvizzera, l-Iskozja, il-Litwanja, l-Ingilterra, il-Bulgarija u Hong Kong. Schembri ta wkoll kunċerti fuq il-pjanu f’Malta, l-Italja, Franza, l-Ukrajna, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, ir-Russja u r-Renju Unit.

Schembri dderieġa wkoll il-London Mozart Players, l-orkestra Sinfonika ta’ San Remo, l-Orchestra Ciutat de Barcelona, l’Orchestre National du Capitole de Toulouse, il-Lithuanian State Symphony Orchestra, il-Filarmonika ta’ Novosibirsk, l-Orchestre National de Lyon kif ukoll il-London Philharmonic Orchestra.

Kien protagonista mużikali f’okkażjonijiet kbar bħall-kunċert tal-G7 f’Lyon. Mexxa wkoll produzzjonijiet operistiċi mal-Ensemble Justiniana, l-Atelier Lyrique du Centre, Opera Nomade (Paris), ir-Rennes and Nancy Opera Theatres, National Opera and Ballet Theatre ta’ Lvov, l-Opera Hong Kong u il-Lübeck Opera Theatre.

Kien direttur mużikali u konsulent mat-Teatru Manoel qabel ma fl-2014 inħatar id-Direttur Artistiku u Direttur Mużikali Prinċipali tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Maestro Schem­bri kien onorat bil-Malta Cultural Award kif ukoll bil-Midalja tar-Repubblika.

Direttur tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta' Malta

immodifika

Fl-24 ta' Jannar 2014, il-Gvern ħatru Direttur Artistiku tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Għal Schembri, din il-kariga l-ġdida tiegħu kienet “mument ta’ ċerta emozzjoni”. Viżibilment emozzjonat, Schembri qal li dan huwa mument importanti fil-ħajja tiegħu, kemm mil-lat professjonali kif ukoll minn dak personali. “Għandi relazzjoni twila mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali għax mis­sieri kien idoqq il-klarinett mal-Orkestra tal-Ammirall, li maż-żmien inbidlet u saret l-Orkestra Nazzjonali,” huwa qal meta kien qed jitkellem fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu. Maestro Schembri kien ippreżentat lill-mezzi tax-xandir fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, Josè Herrera kif ukoll dik taċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Sigmund Mifsud.

Dwar x’biħsiebu jagħmel fil-kariga l-ġdida tiegħu, Schembri qal li huwa jrid li l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tkompli tiżviluppa u sostna li għalkemm jirrikonoxxi li jeżistu l-problemi, saħaq li dawn qatt ma qatgħulu qalbu. Huwa qal li f’pajjiżna għandna l-potenzjal u t-talent li naslu fuq affarijiet li qatt ma immaġinajna li naslu għalihom, u rrimarka li l-ewwel ħidma tiegħu se tkun li janalizza r-repertorju li jindaqq mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ħalli, fost oħrajn, jara li din tagħti l-importanza meħtieġa lill-mużika sinfonika.

Minbarra unuri internazzjonali, Schembri ngħata wkoll il-Malta Cultural Award kif ukoll il-Midalja għal-Qadi tar-Repubblika.