Anġlu Portelli
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
L-Isqof Anġlu Portelli, Franġisku Saverju Portelli, (Valletta, 24 ta' April, 1852 - Valletta, 19 ta Ġunju 1927) kien Vigarju Ġenerali ta' Malta.
Anġlu Portelli | |||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|
31 Marzu 1911 - Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta
31 Marzu 1911 - Dioceses: dioċesi ta' Selinonte
| |||||||
Ħajja | |||||||
Twelid | Valletta, 24 April 1852 | ||||||
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta | ||||||
Mewt | Valletta, 19 Ġunju 1927 | ||||||
Edukazzjoni | |||||||
Lingwi |
Malti Taljan Latin | ||||||
Okkupazzjoni | |||||||
Okkupazzjoni |
saċerdot Kattoliku għalliem Isqof Kattoliku |
Patri Dumnikan
immodifikaBin Franġisk u Marija Antonja Vella, Franġisku Saverju ħaddan l-Ordni Dumnikan fil-knisja tad-dumnikani fir-Rabat fit-3 ta Frar tal-1868, semmewh Anġlu u ġie affiljat mal-kunvent tal-Madonna tal-Għar. Sena wara li għamel in-novizzjat fir-Rabat, ipprofessa fit-3 ta Frar tal-1869. Temm l-istudju kollu tal-filosofija u tat-teoloġija fil-Kulleġġ ta S.Tumas ta Akwinu fir-Rabat; fis-sena 1874 laħaq saċerdot u, sentejn wara, ħa l-grad ta Lettur fit-Teoloġija.
Il-Patri lettur ġdid, Portelli, beda minnufih il-karriera akkademika tat-tagħlim fil-Kulleġġ ta S.Tumas, ir-Rabat, matul is-snin 1876-1882 u 1885-1892 għallem diversi suġġetti, fosthom il-filosofija, it-teoloġija u l-Iskrittura Mqaddsa; fis-snin 1887-1892 kien Reġġent tal-Istudji kif ukoll surmast tan-novizzi u l-istudenti li kien hemm fir-Rabat. Fis-sena 1891 ġie lawrjat Majjistru fit-Teoloġija. Waqt li kien jgħallem, il-patrijiet tal-Birgu, fl-1883, għażluh pijol tagħhom; hu aċċetta dan l-uffiċċju kontra qalbu tant li rriżenja qabel ma għalaqlu ż-żmien. Wara, reġa tela jgħallem fil-Kulleġġ ta San Tumas, ir-Rabat.
Patri Portelli kien reliġjużi mill-aktar osservanti li jħobb il-ħajja fil-kunvent, l-istudju u l-appostolat; kien għalhekk li kif temm il-karriera ta tagħlim, fl-1893, ġie assenjat fil-kunvent tal-Portu Salvu, tad-dumnikani fil-Belt. Matul is-snin 1896-1902, hu kien kappillan tal-parroċċa tal-Portu Salvu. Mill-kunvent tal-Belt, p.Portelli seta jilħaq aħjar il-bliet u l-irħula u jaċċetta aktar talbiet li kienu jagħmlulu biex jippriedka; kien jinqala ħafna għal kull xorta ta priedki: paneġierki,kwareżimali, fervorini, konferenzi u priedki oħra ta xi okkażjoni. Ippriedka mhux biss f'Malta u Għawdex, iżda ukoll f'bosta bliet Taljani: Ruma,Torin, Vercelli, Trani u postijiet oħra.
Isqof
immodifikaIl-majjistru Portelli għen ħafna lid-Djoċesi ta Malta; kien eżaminatur u mħallef prosinodali, eżaminatur tal-filosofija fis-Seminarju Arċiveskovili, eżaminatur tal-ordinandi u Membru tal-Kummisjoni Djoċesana kontra l-Moderniżmu. Fis-sena 1910 inħatar Viżitatur Appostoliku għall-Kongregazzjonijiet kollha tas-Sorijiet f'Malta u Għawdex; hu wettaq din il-missjoni sa tmiem is-sena. Id-dehen, il-prudenza u l-ħila li wea ssoktar isaħħu l-fiduċja li tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi kellhom fih; jista jkun li għalhekk, fl-1911, inħatar Isqof Titulari ta Selinonte u Awżiljarju tal-Arċisqof ta Malta.
P.Anġlu Portelli ġie kkonsagrat isqof fl-14 ta Mejju tas-sena 1911; bħala Isqof Awżljarju hu għen ħafna lill-Arċisqof P. Pace, li kien imdaħħal sew fiż-żmien. Meta dan miet fl-1914, l-isqof Portelli ġie nominat Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta Malta sakemm, fl-1915, Dom Mawru Caruana laħaq Arċisqof ta Malta; u, fl-istess sena, Portelli sar Vigarju Ġenerali Delegat għad-Djoċesi ta Malta. Matul il-karriera tiegħu, l-Isqsof Portelli fittex li jindiehes u jgħin lil kull klassi ta fidli; kien għalhekk li ġibed is-simpatija tal- Maltin u kien maħbub minnhom ilkoll.
Mewt
immodifikaMons. Anġlu Portelli miet fid-19 ta Ġunju 1927, fid-dar li fiha kien joqgħod, qrib il-kunvent tal-Belt. L-għada li miet, tqiegħed fl-Oratorju tad-Duttrina, qrib sew tad-dar tiegħu, fejn il-fidili setgħu jagħtuh l-aħħar tislima. Fil-għodwa tal-21 ta Ġunju ġie trasportat fil-knisja ta Portu Salvu fejn sarlu funeral solenni li għalih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet ekkleżjastiċi u ċivili; wara nofs inhar, korteo magħmul minn personalitajiet distinti wassal il-katavr tiegħu mill-Knisja tal-Portu Salvu sa Bieb Irjali. Il-funeral tiegħu ntemm fil-knisja tal-Madonna tal-Għar, tad-Dumnikani fir-Rabat, fejn ġie midfun fqabar għalih.