4′33″
4′33″ (pronunzjata 'four thirty-three' bl-Ingliż[1], jew 'erba' u tlieta u tletin bil-Malti) hija kompożizzjoni mużikali[2][3] fi tliet movimenti mill-kompożitur esperimentali Amerikan John Cage. Inkitbet fl-1952 għal kwalunkwe strument (jew taħlita ta' strumenti), u l-partitura tidderieġi lill-mużiċist biex tul it-tliet movimenti ma jdoqq xejn. Il-kompożizzjoni tikkonsisti mill-ħsejjes ambjentali li s-semmiegħ jisma' waqt l-eżekuzzjoni[4], għalkemm ta' spiss tiġi meqjusa bħala "erba' minuti u tlieta u tletin sekonda ta' silenzju".[5][6] It-titlu 4'33" jirreferi għat-tul tal-kompożizzjoni f'minuti u sekondi – erba' minuti u tlieta u tletin sekonda.[7]
Kienet konċepita madwar l-1947 jew l-1948, waqt li Cage kien qed jaħdem fuq Sonatas and Interludes[2]. Hija riflessjoni fuq l-influwenza tal-Buddiżmu Żen, li huwa kien studja mill-erbgħinijiet tas-seklu għoxrin.[8] F'intervista fl-1982, u f'diversi okkażżjonijiet oħra, Cage stqarr li 4'33" kienet l-aktar xogħol importanti tiegħu.[9] In-New Grove Dictionary of Music and Musicians tiddeskrivi l-kompożizzjoni bħala "l-aktar biċċa xogħol magħrufa u kontroversjali ta' Cage".[2]
Minħabba li hija magħmula biss minn silenzju, 4'33" tisfida l-idea ta' kompożizzjoni, li tipikament tirreferi għal xogħol mużikali. Filwaqt li wħud isostnu li l-assenza ta' ħoss hija anatema għall-kunċett ta' mużika, Cage xtaq iwassal il-messaġġ li kwalunkwe esperjenza udittiva tista' tintqies bħala mużika[10] u li s-silenzju assolut ma jeżistix, peress li l-ħsejjes ambjentali jistgħu jħallu impatt fuq din l-esperjenza.
Sfond
immodifikaL-irwol tas-silenzju fix-xogħol ta' Cage
immodifikaIs-silenzju kellu sehem konsiderevoli fix-xogħlijiet passati ta' Cage. Id-Duet for Two Flutes (1934), komposta meta kellu 22 sena, tiftaħ b'silenzju; barra minn hekk, is-silenzju kien element strutturali importanti fi wħud mis-Sonatas and Interludes (1946-48), Music of Changes (1951) u Two Past Pastorales (1951). Il-Concerto for prepared piano and orchestra (1951) tagħlaq b'silenzju estiż, u Waiting (1952), kompożizzjoni tal-pjanu maħruġa ftit xhur qabel 4'33", tikkonsisti minn perjodi ta' silenzju twal li jiffurmaw frażi waħda t'ostinato. Fid-diski tiegħu The Wonderful Widow of Eighteen Springs (1942) u A Flower (1950), il-pjanist għandu jdoqq 'istrument magħluq', li tinferixxi silenzju.[11]
L-ewwel darba li Cage semma' l-idea ta' kompożizzjoni li tikkonsisti biss minn silenzju kienet waqt lekċer fl-1947 (jew fl-1948) fil-Kulleġġ ta' Vassar, fejn qal lill-udjenza li kellu "bosta ħajriet ġodda"; waħda minnhom kienet:[12]
biex nikkomponi xogħol ta' silenzju assolut u nbigħu lil Muzak Co. Se jkun twil tliet u erba' minuti u nofs – it-tul standard tal- mużika "canned" – u se jkun imsemmi 'Silent Prayer'. Se jiftaħ b'idea waħda u se nipprova nagħmilha seduttiva bħall-kulur, il-forma u l-fwieħa ta' fjura. It-tmiem kważi kważi mhux se jkun jista' jingħaraf.
Madankollu, dak iż-żmien, Cage ħass li idea bħal din ma tinftiehemx f' "kuntest Oċċidentali" u ma riedx jiktibha: "Ma xtaqtx nagħmilha tidher, anke għalija nnifsi, bħala biċċa xogħol faċli jew ċajta. Xtaqt nagħmilha mill-qalb u nħossni komdu biha".[13] Il-pittur Alfred Leslie innota li, darba, Cage kien ippreżenta "diskors ta' minuta ta' silenzju" quddiem tieqa lejn l-aħħar tal-erbgħinijiet tas-seklu għoxrin waqt li żar Studjo 35 tal-Università ta' New York.[14]
Filwaqt li kien pijunier tal-mużika silenzjuża, Cage ma kienx l-ewwel biex jikkomponiha. Oħrajn, speċjalment fl-ewwel parti tas-seklu għoxrin, kienu diġà ħarġu xogħol simili, li possibilment influwenza 'l Cage. Eżempju huwa il-Funeral March for the Obsequies of a Deaf Man (1897) t'Alphonse Allais, li tikkonsisti minn 24 unitajiet vojta.[15] Allais kien ħabib tal-kompożitur Erik Satie[16], u, peress li Cage kien jammira lil Satie, il-Funeral March jaf ħajritu biex jikkomponi 4'33", imma Cage qal li ma kienx konxju t'Allais dak iż-żmien.[17] Kompożizzjonijiet silenzjużi tas-seklu għoxrin – qabel dik ta' Cage – jinkludu l-moviment 'In futurum' mill-Fünf Pittoresken (1919) t'Erwin Schulhoff, magħmula biss minn waqfiet[18] u l-Monotone-Silence Symphony (1949) t'Yves Klein, fejn it-tieni u r-raba' movimenti huma perjodu t'għoxrin minuta ta' skiet.[16]
Influwenzi-motivazzjoni
immodifikaFl-1951, Cage żar il-kamra anekojka tal-Università ta' Harvard. Huwa stenna li se jisma' skiet perfett; minflok, sema' "żewġ ħsejjes: wieħed għoli u l-ieħor baxx. Meta ddeskrivejthom lill-inġinier li kien qed jieħu ħsieb il-post, informani li l-ħoss għoli kien ġej mis-sistema nervuża tiegħi, u dak baxx mid-demm tiegħi jiċċirkola".[19] Cage innota li żar post fejn stenna s-silenzju, imma xorta waħda sema' xi ħaġa: "Sakemm immut se jkun hemm il-ħsejjes. U se jkomplu għaddejjin wara li mmut. Wieħed m'għandux jinkwieta dwar il-futur tal-mużika".[20] Ir-realizzazzjoni, kif raha hu, tal-impossibilità tas-silenzju waslitu biex jikkomponi 4'33".
Influwenza oħra ċitata[13] kienet dik tal-arti viżwali. Fl-1951, Robert Rauschenberg, ħabib ta' Cage, ipproduċa serje ta' tpinġijiet bojod (White Painting). Minkejja li dehru qishom kanvasi vojta (fil-fatt, dawn kienu miżbugħin b'żebgħa bajda), il-kulur tagħhom kien jinbidel skont il-kundizzjonijiet tad-dawl tal-inħawi, id-dellijiet tan-nies, et cetera. Dan ispira lil Cage biex jimplimenta kunċett simili: "Dak li verament ħajjarni [biex nikkomponi 4'33"...] kien l-eżempju ta' Robert Rauschenberg. It-tpinġijiet bojod tiegħu... meta rajthom, għidt 'Iva, għandi bżonn. Inkella naqa' lura, inkella l-mużika taqa' lura'".[21] F'introduzzjoni t'artiklu jismu 'On Robert Rauschenberg, Artist, and His Works', Cage jikteb: "Lil min hu kkonċernat: It-tpinġijiet bojod ġew l-ewwel; ix-xogħol silenzjuż tiegħi ġie wara".[22]
Il-kompożizzjoni
immodifika[Il-membri tal-udjenza] ma fehmux il-punt. M'hemmx ħaġa li tissejjaħ 'silenzju'. Dak li ħasbu li kien silenzju, għax ma kinux jafu kif għandhom jisimgħu, kien mimli b'ħsejjes inċidentali. Stajt tisma' r-riħ ivenven waqt l-ewwel moviment, waqt it-tieni, qtar tax-xita iteptpu mas-saqaf, u waqt it-tielet, in-nies stess għamlu kull tip ta' ħoss interessanti għax tkellmu jew telqu 'l barra. (referenza nru. 9)
L-ewwel wirja
immodifikaL-ewwel wirja tat-tliet movimenti ta' 4'33" saret minn David Tudor fid-29 t'Awwissu 1952 fil-Maverick Concert Hall f'Woodstock, New York bħala parti minn esibizzjoni tal-mużika tal-pjanu kontemporanja. L-udjenza ratu jpoġġi mal-pjanu u, biex jindika l-bidu tal-kompożizzjoni, jagħlaq il-latu tal-pjanu. Wara ftit, fetħu biex itemm l-ewwel moviment. Dan seħħ ukoll għat-tieni u t-tielet movimenti. Il-mużiċist esperimentali Paul Hegarty stqarr li 4'33" kellha sehem sħiħ fl-iżvilupp tal-mużika 'noise'[23], u jinnota li s-silenzju stess iħalli impatt: "Is-silenzju tal-pjanist ta' 4'33" jista' jinftiehem bħala s-skiet tradizzjonali tal-udjenza sabiex tapprezza aktar il-mużika li qiegħda tindaqq. Il-mużika nnifisha hija sagrifikata, sagrifikata għall-mużikalità tad-dinja".[24]
Analiżi mużikali
immodifikaIl-mużikologu Richard Taruskin sostna li 4′33″ hija eżempju t'awtomatiżmu surreali. Minn żmien l-Era Romantika, kompożituri ppruvaw jipproduċu mużika li tista' tinfired minn rabtiet soċjali, li tittraxxendi l-limiti tal-ħin u l-ispazju. Fl-awtomatiżmu, kompożituri u artisti jixtiequ jeliminaw l-irwol tagħhom fil-kreazzjoni tax-xogħol, motivat mill-ħsieb li l-awtoespressjoni tinvolvi l-infiltrazzjoni tal-influwenza tal-istandards soċjali – li l-bniedem (inkluż l-artist) ssuġġettat lejhom minn twelidu – fil-verità artistika (il-messaġġ li jixtieq iwassal l-artist). B'hekk, l-uniku mod li s-semmiegħ jista' jikseb il-verità artistika huwa billi l-artist ikun separat mill-kreazzjoni tax-xogħol. F'4′33″, il-kompożitur m'għandux impatt fix-xogħol, għax Cage ma jkunx jista' jikkontrolla l-ħsejjes tal-ambjent li tisma' l-udjenza. Għalhekk, il-kompożizzjoni hija awtomatika peress li l-artist m'għandux sehem fuq kif is-semmiegħ jinterpretaha.[25][26]
4'33" tisfida – anzi, tutilizza għall-estrem – ir-reġimenti soċjali tal-etikett moderna; tesperimenta fuq dawk li jattendu l-kunċert biex twassal punt importanti bla ma jkunu jafu. L-ewwelnett, l-għażla ta' post prestiġġjuż u l-istatus soċjali tal-kompożitur u l-mużiċisti oħra awtomatikament ittella' l-istennija tal-udjenza għal kunċert ta' kwalità. B'hekk, dak li jattendi jkun aktar iffukat, li tagħti l-kompożizzjoni ta' Cage l-istess ammont t'attenzjoni daqs id-Disa' Sinfonija ta' Beethoven.[27] Anke qabel ma jibda l-kunċert, ir-riċeviment tiegħu jkun determinat minn qabel minħabba l-'qagħda' soċjali tiegħu. Barra minn hekk, l-aġir tal-udjenza huwa limitat mir-regoli tal-post u l-etikett; huwa ċert li se tibqa' bilqiegħda u tisma' l-kompożizzjoni, anke jekk din tkun biss ħames minuti ta' skiet totali.
It-tieni punt imwassal minn 4'33" jikkonċerna d-dewmien, li – skont Cage – huwa l-bażi tal-mużika. Dan jissaħħaħ mill-fatt li d-dewmien huwa l-uniku element komuni bejn il-ħoss u s-silenzju. B'hekk, l-istruttura ta' kull xogħol mużikali hija biss sekwenza ta' perjodi ("bramel") tal-ħin.[28] Dawn jistgħu jikkonsistu minn silenzju jew ħoss, u l-għażla bejn liem wieħed minnhom biex jimlew il-bramel tal-ħin ma tagħmilx differenza sabiex ix-xogħol ikun komplut. 4'33" tesibixxi dan il-kunċett b'mod radikali għall-aħħar; Cage isaqsi lill-udjenza: jekk il-bramel tal-ħin huma l-uniċi partijiet tal-kompożizzjoni, xi jżomm lill-kompożitur biex jimlihom kollha b'silenzju?[26]
It-tielet punt huwa li x-xogħol mużikali huwa assessjat u definit mhux biss mill-kontenut, imma wkoll mir-reazzjoni tal-udjenza.[27] Pereżempju, ir-Rit tar-Rebbiegħa t'Igor' Stravinskij tikkonsisti minn skuntentizza kbira li waslet għal irvell.[29] Fil-każ ta' 4'33", l-udjenza ħassitha mqarrqa peress li ma semgħatx ħsejjes komposti minn Cage. Xorta waħda, hija kkontribwiet biex tifforma l-maġġor' parti tal-materjal; peress li l-kompożizzjoni hija bażikament il-ħoss tal-ambjent, l-aġir tal-udjenza – minn ċaqliq għal tpespis – timla l-bramel tal-ħin msemmija qabel.[30]
F' 'TED Talk' tal-2013, il-psikologu Paul Bloom semma' 'l 4'33" bħala eżempju tal-influwenza tal-għarfien fuq l-oriġini ta' xi ħaġa fuq kif nibnu opinjoni fuqha. F'dan il-każ, wieħed jista' jqis il-ħames minuti ta' silenzju fil-kompożizzjoni ta' Cage bħala differenti mill-ħames minuti ta' silenzju f'librerija għax jaf minn fejn ġej dan is-silenzju, u għalhekk jista' jitħajjar iħallas biex jisma' 4'33", minkejja li verament mhijiex differenti minn ħames minuti ta' skiet.[31] Fl-istess sena, Dale Eisinger, editur tas-sit Complex, qies il-kompożizzjoni bħala t-tmien aqwa xogħol tal-arti 'performance' fl-elenku tiegħu.[32]
Verżjonijiet oħra
immodifikaTal-partitura
immodifika
|
||||||
Problemi fis-smigħ ta' dan il-fajl? Ara l-għajnuna fuq il-medja. |
Bosta verżjonijiet tal-partitura jeżistu;[33] dawn l-erbgħa huma l-uniċi kampjuni li ġew identifikati:
- Il-manuskritt oriġinali Woodstock (maħruġ f'Awwissu 1952): notazzjoni konvenzjonali, imfassla minn David Tudor. Attwalment, dan huwa mitluf, imma Tudor ipprova jikkrea l-partitura oriġinali mill-ġdid, li tidher fil-ktieb John Cage's Theatre Pieces: Notations and Performances ta' William Fetterman.[34]
- Il-manuskritt Kremen (maħruġ fl-1953): notazzjoni grafika u proporzjonali, imfassla minn Irwin Kremen. Il-movimenti tal-kompożizzjoni huma rrapreżentati minn spazju bejn linji vertikali twal; indikazzjoni tat-tempo tingħata (60), u fit-tmiem ta' kull moviment, il-ħin huma indikat f'minuti u sekondi.[35]
- Il-verżjoni msejħa l-Ewwel Edizzjoni Tacet: partitura tajpjata, li telenka t-tliet movimenti bl-użu tan-numerali Rumani, bil-kelma 'TACET' taħt kull wieħed. Nota miktuba minn Cage tiddeskrivi l-ewwel eżekuzzjoni tagħha u ssemmi li "x-xogħol jista' jiġi preżentat minn kwalunkwe istrumentalist, jew kumbinazzjoni t'istrumentalisti, u jdum għal kwalunkwe tul ta' ħin".[36]
- Il-verżjoni msejħa t-Tieni Edizzjoni Tacet: l-istess bħall-ewwel edizzjoni, ħlief li hija printjata fil-kaligrafija ta' Cage stess, u n-nota ta' spjegazzjoni issemmi l-manuskritt Kremen. Barra minn hekk, faksimile mnaqqsa fid-daqs tal-manuskritt Kremen dehret f'Lulju tal-1967 fl-Ewwel Sors, nru. 2:46-54; l-Ewwel Edizzjoni Tacet hija deskritta fil-ktieb Experimental Music: Cage and Beyond ta' Michael Nyman, imma ma jinkludix kopja tal-oriġinali.[36]
Hemm xi diskrepanza fit-tul ta' mumenti individwali tal-ewwel wirja tal-kompożizzjoni, speċifikat f'verżjonijiet differenti tal-partitura; xi kkaġuna din id-differenza għadu ma nftiehemx. Il-manuskritti Woodstock u Kremen jindikaw it-tul: 30″, 2′23″ u 1′40″; però, l-Ewwel Edizzjoni Tacet isemmi t-tul: 33″, 2′40″ and 1′20″. It-Tieni Edizzjoni Tacet tgħid li wara l-ewwel wirja, kopja kienet magħula għal Irwin Kremen, li tindika t-tul: 30″, 2′23″ and 1′40″ għall-movimenti.[1]
Tal-kompożizzjoni stess
immodifikaFl-1962, Cage ħareġ 0'00" – magħrufa wkoll bħala 4'33" nru. 2. Id-direzzjonijiet għall-mużiċisti oriġinarjament nġabru f'sentenza waħda biss: "F'xenarju b'amplifikazzjoni massima, għamel azzjoni dixxiplinata". Fit-tieni wirja tal-kompożizzjoni, erba' kwalifikazzjonijiet inżdiedu għad-direzzjonijiet: "l-istrumentalist għandu jippermetti kull interuzzjoni tal-azzjoni [id-'daqq t'istrumenti' (jew in-nuqqas ta' dan)], l-azzjoni għandha tissodisfa obligazzjoni lill-oħrajn, l-istess azzjoni ma' tistax tintuża f'aktar minn eżekuzzjoni waħda, u din ma' tistax tkun l-eżekuzzjoni stess tal-kompożizzjoni.[12]
Lejn l-aħħar tal-1989, Cage reġa' mar lura għall-idea tal-kompożizzjoni oriġinali u kkompona One3 = 4′33″ (0′00″) + [G Clef] – magħrufa sempliċiment bħala One3. Il-partitura tgħid lill-istrumentalist biex jibni 'sound system' fis-sit tal-kunċert, sabiex "l-awla sħiħa tkun qed toqrob il-feedback tal-awdjo, mingħajr dan ma verament iseħħ". Il-kontenut tax-xogħol huwa l-ħoss elettroniku amplifikat tal-awla u l-udjenza.[37]
Eżekuzzjonijiet sinifikanti
immodifikaMinħabba l-istil avant-garde u uniku tagħha, bosta mużiċisti u gruppi mużikali eżegwew 4'33"; din tidher ukoll f'diversi xogħlijiet mużikali – fosthom f'albums.
- Frank Zappa rrekordja verżjoni tal-kompożizzjoni bħala parti mill-album kollaborattiv A Chance Operation: The John Cage Tribute, maħruġ minn Koch Entertainment fl-1993.[38]
- Bosta eżekuzzjonijiet ta' 4′33″, influż 'remix tekno' tal-proġett New Waver, inxandru fuq l-istazzjon tar-radju Awstraljan ABC Classic FM, bħala parti minn programm li esplora "risposti soniċi" lix-xogħol ta' Cage.[39] Oħra minn dawn kienet interpretazzjoni tal-kompożizzjoni bl-isem 'You Can Make Your Own Music', maħruġa mill-grupp Żvediż Covenant fl-album United States of Mind (2000).[40]
- Fis-16 ta' Jannar 2004, fiċ-Ċentru Barbican f'Londra, il-BBC Symphony Orchestra għamlet l-ewwel eżekuzzjoni orkestrali ta' 4'33" fir-Renju Unit, kondotta minn Lawrence Foster. Inxandret dirett fuq BBC Radio 3, u l-ħaddiema ffaċċjaw problema unika; is-sistemi t'emerġenza tas-stazzjon – li awtomatikament jixegħlu u jdoqqu mużika separata f'perjodu ta' silenzju assolut 'dead air' – kellhom jintfew peress li bdew itellfu x-xandira. Siegħa wara, BBC Four ħarġu l-verżjoni proprja mingħajr interuzzjonijiet.[41]
- Fil-5 ta' Diċembru 2010, eżekuzzjoni internazzjonali ta' 4′33″ seħħet fost 200 mużiċist u artist fl-istess ħin. L-orkestra, kondotta minn Bob Dickinson, 'daqqet' il-kompożizzjoni biex jappoġġjaw il-kampanja 'Cage Against The Machine', li ppruvat itella' l-kompożizzjoni sal-ewwel post fl-elenku tad-diski Brirttaniku fil-Milied tal-2010. Eżekuzzjoni oħra seħħet fit-12 ta' Diċembru 2010.[42]
- Fis-17 ta' Settembru 2015, il-programm tat-televixin The Late Show with Stephen Colbert tella' filmat tal-kompożizzjoni eżegwita minn qattus, li juri li l-mużiċist m'għandux għalfejn ikun bniedem.[43]
- F'Mejju tal-2019, Mute Records ħarġu kumpilazzjoni bl-isem STUMM433, li tinkludi diversi interpretazzjonijiet ta' 4′33″ minn fuq 50 artisti li kienu kkollaboraw mal-Mute Records, fosthom: Laibach, Depeche Mode, Cabaret Voltaire, Einstürzende Neubauten, Goldfrapp, Moby, Erasure.[44]
- Fl-31 t'Ottubru 2020, il-Filarmoniku Berlin temm l-aħħar kunċert tiegħu qabel lockdown kontra l-pandemija COVID-19 b'eżekuzzjoni tax-xogħol, kondotta minn Kirill Petrenko, bl-iskop li "jattiraw attenzjoni lill-gażiba tal-artisti wara l-lockdown t'istituzzjonijiet kulturali".[45]
Referenzi
immodifika- ^ a b Solomon 2002
- ^ a b ċ Pritchett, Kuhn & Garrett 2012
- ^ Kostelanetz 2003, pġ. 69-71, 86, 105, 198, 218, 231.
- ^ Kostelanetz 2003, pġ. 69-70
- ^ Fetterman 1996, pġ. 69.
- ^ Lienhard 2003, pġ. 254.
- ^ Published score, Edition Peters 6777.
- ^ Burgan 2003, pġ.52
- ^ Kostelanetz 2003, pġ. 70
- ^ Gutmann, Peter (1999). "John Cage and the Avant-Garde: The Sounds of Silence". Miġbur fl-4 t'April 2007
- ^ Revill 1993, pġ. 162
- ^ a b Pritchett 1993, pġ. 59, 138
- ^ a b Revill 1993, pġ. 164
- ^ Stein, Judith (2009). "Interview: Alfred Leslie". Art in America. Jannar 2009. pġ. 92. Arkivjat mis-sors oriġinali fl-4 ta' Diċembru 2010. Miġbur fit-8 t'Ottubru 2010.
- ^ Allais, Alphonse. 1897. Album primo-avrilesque, pġ. 23-26. Disponibbli fuq l-internet.
- ^ a b Liu 2017, pġ. 54
- ^ Dickinson 1991, pġ. 406.
- ^ Bek 2001
- ^ "A few notes about silence and John Cage". cbc.ca. L-24 ta' Novembru 2004. Arkivjat mis-sors oriġinali fit-12 ta' Frar 2006.
- ^ Cage 1961, pġ. 8
- ^ Kostelanetz 2003, pġ. 71
- ^ Cage 1961
- ^ Hegarty 2007, pġ. 11-12
- ^ Hegarty 2007, pġ. 17
- ^ Taruskin 2009, pġ. 55
- ^ a b Fiero 1995, pġ. 97-99
- ^ a b Taruskin 2009, pġ. 71
- ^ Taruskin 2009, pġ. 56
- ^ "This is what REALLY happened at The Rite of Spring riot in 1913". Classic FM. Il-15 t'Ottubru 2018. Miġbur fid-9 ta' Frar 2024.
- ^ Harding 2013, pġ. 78-79
- ^ Paul Bloom. "The origins of pleasure". ted.com. Is-27 ta' Lulju 2011.
- ^ Eisinger, Dale. "The 25 Best Performance Art Pieces of All Time". Complex. Id-9 t'April 2013. Miġbur fl-28 ta' Frar 2021.
- ^ Solomon 2002 (dan il-paragrafu jaħti sommarju ta' wħud mit-tisjibiet tar-rapport)
- ^ Fetterman 1996, pġ. 74
- ^ Fetterman 1996, pġ. 76-78
- ^ a b Nyman 1974, pġ. 3
- ^ One3 = 4′33″ (0′0″) + [G clef]. John Cage. Miġbur fid-9 ta' Frar 2024.
- ^ "A Chance Operation - The John Cage Tribute". Discogs. Miġbur fl-10 ta' Frar 2024
- ^ Kouvaras 2013
- ^ S. Alexander (2013), pġ. 43
- ^ "BBC Press Office, Cage Uncaged". BBC. L-21 ta' Frar 2007
- ^ Lebrecht, Norman. "We're pitching the silence of John Cage against the noise of Simon Cowell". The Daily Telegraph. Il-11 ta' Diċembru 2010. Miġbura fis-17 ta' Diċembru 2010.
- ^ The Late Show with Stephen Colbert; "NOLA The Cat Performs John Cage's 4'33"" fuq YouTube. Is-17 ta' Novembru 2015. Miġbur fl-10 ta' Frar 2024.
- ^ "STUMM433". Mute Records. Miġbur fis-16 ta' Jannar 2019.
- ^ "Video: Kirill Petrenko conducts 4′33″ by John Cage". Berliner Philharmoniker. It-2 ta' November 2020. Arkivjat mis-sors oriġinali fit-2 ta' Novembru 2020. Miġbur fl-10 ta' Frar 2021.
Biblijografija
immodifika- Bek, Joseph (2001). "Erwin Schulhoff". In Sadie, Stanley; Tyrrell, John (eds.). The New Grove Dictionary of Music and Musicians (2nd ed.). London: Macmillan Publishers. ISBN 978-1-56159-239-5
- Burgan, Michael (2003). Buddhist Faith in America. New York City: Facts on File, Inc. ISBN 0-8160-4988-2
- Cage, John (1961). Silence: Lectures and Writings. Middletown, Connecticut: Wesleyan University Press. ISBN 0-8195-6028-6
- Dickinson, Peter (1991). "Reviews of Three Books on Satie". The Musical Quarterly. 75 (3): 404–409. doi:10.1093/mq/75.3.404.
- Fetterman, William (1996). John Cage's Theatre Pieces: Notations and Performances. Amsterdam: Harwood Academic Publishers. ISBN 3-7186-5642-6
- Fiero, Gloria Konig (1995). The Humanistic Tradition, Book 6: The Global Village of the Twentieth Century. Brown & Benchmark Pub. It-Tieni Edizzjoni. ISBN 0-6972-4222-6
- Harding, James Martin (2013). The Ghosts of the Avant-Garde(s): Exercising Experimental Theater and Performance. Ann Arbor, Michigan: University of Michigan Press. ISBN 0-4720-3610-6
- Hegarty, Paul (2007). Noise/Music: A History. New York City: Continuum International Publishing Group. ISBN 0-8264-1726-8
- Kostelanetz, Richard (2003). Conversing with John Cage. New York: Routledge. ISBN 0-415-93792-2
- Kouvaras, Linda Ioanna (2013). Loading the Silence: Australian Sound Art in the Post-Digital Age. Melbourne, l-Awstralja: Ashgate Publishing. ISBN 9781315592831
- Lienhard, John H. (2003). Inventing Modern: Growing Up with X-Rays, Skyscrapers, and Tailfins. New York: Oxford University Press. ISBN 0-1951-8951-5
- Liu, Gerard C. (2017). Music and the Generosity of God. Princeton, New Jersey: Palgrave Macmillan. ISBN 978-3-319-69492-4
- Nyman, Michael (1974). Experimental Music: Cage and Beyond. London: Studio Vista. ISBN 0-289-70182-1. New York: Schirmer. ISBN 0-02-871200-5
- Pritchett, James (1993). The Music of John Cage. Cambridge and New York: Cambridge University Press. ISBN 0-521-56544-8
- Pritchett, James; Kuhn, Laura & Garrett, Charles Hiroshi (2012). "John Cage". Grove Music Online (8th ed.). Oxford University Press. doi:10.1093/gmo/9781561592630.article.A2223954. ISBN 978-1-56159-263-0
- Reed, S. Alexander. (2013). Assimilate: A Critical History of Industrial Music. New York City: Oxford University Press. ISBN 9780199832606
- Revill, David (1993). The Roaring Silence: John Cage – A Life. New York: Arcade Publishing. ISBN 978-1-55970-220-1
- Solomon, Larry J. (2002) [1998]. The Sounds of Silence: John Cage and 4′33″ (revised ed.). Arkivjat mill-oriġinali fid-9 ta' Jannar, 2018.
- Taruskin, Richard (2009). Oxford History of Western Music: Volume 5. New York: Oxford University Press. ISBN 978-0-19-538630-1