Żona ta' Interess Xeniku u Storiku ta' Wulingyuan
Iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku ta' Wulingyuan jew fil-qosor Wulingyuan (pronunzja: [ù.lǐŋ.ɥɛ̌n]; biċ-Ċiniż: 武陵源) hija sit xeniku u storiku fid-distrett ta' Wulingyuan tal-Provinċja ta' Hunan fin-Nofsinhar taċ-Ċina Ċentrali. Tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1] Hija magħrufa għall-iktar minn 3,000 pilastru u quċċata tal-ġebel ramli tal-kwarzit fil-biċċa l-kbira tas-sit, ħafna minnhom għoljin iktar minn 200 metru (660 pied), flimkien mal-bosta rdumijiet u fniedaq b'nixxigħat, vaski, lagi, xmajjar u kaskati pittoreski. Hemm 40 għar, ħafna minnhom b'depożiti kbar tal-kalċit u pont naturali magħruf bħala Tianqiashengkong (jiġifieri "pont fis-sema"), li huwa wieħed mill-ogħla pontijiet naturali fid-dinja. Is-sit jipprovdi ħabitat ukoll lil bosta speċijiet vulnerabbli, inkluż id-dhole, l-ors iswed Asjatiku, u ċ-ċerva Ċiniża tal-ilma.
Is-sit jinsab fil-Belt ta' Zhangjiajie madwar 270 kilometru (170 mil) lejn il-Majjistral ta' Changsha, il-belt kapitali tal-Provinċja ta' Hunan. Il-park ikopri erja ta' 690 kilometru kwadru (266 mil kwadru). Wulingyuan tifforma parti mill-Katina Muntanjuża ta' Wuling. Iż-żona xenika tikkonsisti minn erba' parks nazzjonali, li huma l-Park Forestali Nazzjonali ta' Zhangjiajie, ir-Riżerva Naturali tal-Wied ta' Suoxi, ir-Riżerva Naturali tal-Muntanja Tianzi, u ż-Żona Xenika ta' Yangjiajie li żdiedet reċentement. B'kollox hemm iktar minn 560 attrazzjoni fi ħdan is-sit.[2]
Il-pilastri tal-ġebel ramli tal-kwarzit u l-inħawi tal-madwar ġew iffurmati matul il-perjodu Devonjan (bejn 350 u 400 miljun sena ilu) minn kombinament ta' olzar tettoniku u erożjoni bl-ilma. L-ogħla żona fi ħdan il-park hija dik ta' Huang Shi Zhai (biċ-Ċiniż: 黃石寨), b'għoli ta' 3,450 pied (1,050 metru), u hija aċċessibbli bil-cable car jew bit-taraġ. Irdum ieħor għoli 326 metru (1,070 pied) huwa aċċessibbli permezz tal-Lift ta' Bailong.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku ta' Wulingyuan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ "Wulingyuan Scenic and Historic Interest Area". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-21.
- ^ "Wulingyuan Scenic and Historic Interest Area, Zhangjiajie". www.travelchinaguide.com. Miġbur 2024-08-21.
- ^ Huadong, Guo (2013). Atlas of Remote Sensing for World Heritage: China. Springer. p. 269. ISBN 978-3-642-32823-7.