Ġnus Magħquda

(Rindirizzat minn ĠS)

Il-Ġnus Magħquda jew l-Organizzazjoni tan-Nazzjonijiet Uniti hija organizzazzjoni internazzjonali li l-għanijiet tagħha huma li tiffaċilita ko-operazzjoni fejn jidħlu liġijiet internazzjonali, sigurtà internazzjonali, żvilupp ekonomiku, progress soċjali, u drittijiet umani. Din l-organizzazzjoni twaqqfet fl-1945 minflok il-Lega tan-Nazzjonijiet, biex tevita gwerer bejn in-nazzjonijiet u tipprovdi lok għal djalogu.

Bħalissa hemm 193[1] stat membru, li jinkludu kważi kull stat independenti magħruf. Mill-kwartieri ġenerali tagħha, li jinsabu fit-territorju internazzjonali, fl-inħawi tal-Belt ta' New York, il-Ġnus Magħquda u l-aġenziji speċjalizzati tagħha jiddeċiedu rigward temi u kwistjonijiet sostantivi u amministrattivi, f'laqgħat regolari li jsiru matul is-sena. L-organizzazzjoni hi maqsuma f'fergħat amministrivvi, li huma:

  • L-Assemblea Ġenerali (L-assemblea pinċipali);
  • Il-Kunsill għas-Sigurtà (jiddeċiedi dwar riżoluzzjonijiet għall-paċi u sigurtà; fil-Kunsill tas-Sigurta’ hemm 15-il pajjizi, 10 jinbidlu kull sentejn, waqt li l-5 oħra l-aktar b’saħħithom USA-Russja-Franza-l-Ingilterra –c-Ċina huma dejjem hemm. Dawn jiddeciedu x’għandu jsir meta jkun hemm zmien difficli bħal Gwerra. Malta kienet membru fl-1983-84.);
  • Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (jippromwovi żvilupp ekonomiku u ko-operazzjoni soċjali);
  • Is-Segratarjat (jagħmel studji, riċerka, u jipprovdi faċilitajiet li l-ĠM tista' tiġi bżonn);
  • Il-Qorti Internazzjonali għall-Ġustizzja (L-organu ġudizzjarju ewlieni).

Fergħat oħrajn jieħdu ħsieb il-governanza tal-aġenziji tas-Sistemi tal-Ġnus Magħquda, bħall-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (World Health Organization (WHO)), il-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (United Nations Children's Fund (UNICEF)), u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization (UNESCO)).

Is-Segretarju Ġenerali preżenti tal-Ġnus Magħquda huwa António Guterres mill-Portugall.

L-organizzazzjoni Ġnus Magħquda hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet volontarji meqjusa, mill-istati membri. Il-lingwi uffiċjali tal-Ġnus Magħquda huma sitta: L-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż, ir-Russu, u l-Ispanjol.

Malta saret membru tal-Ġnus Magħquda fl-1964 meta ħadet l-Independenza u saret stat bil-Gvern tagħha.

Fis-snin erbgħin id-dinja kienet mifnija bil-problemi meta ħafna pajjiżi kienu mkissrin bit-Tieni Gwerra Dinjija. Kienet għad ma ntemmitx u xorta waħda ħafna pajjiżi ħassew li għandhom jingħaqdu biex jiġġieldu front wieħed biex isalvaw id-dinja minn aktar traġedji.

L-ewwel persuna li kien nissel il-kelma “Ġnus Magħquda” kien il-President tal-Istati Uniti Franklin D. Roosevelt. Hu kien uża din il-kelma fl-1 ta’ Jannar ta’ l-1942 meta rappreżentanti ta’ 26 pajjiż kienu ltaqgħu u ftehmu li l-gvernijiet tagħhom għandhom ikomplu jiġġieldu flimkien kontra l-‘Axis Powers’ (il-Ġermanja Nażista, l-Italja Faxxista u l-Ġappun).

Il-Lega tan-Nazzjonijiet

immodifika

Qabel ma twaqqfet il-Ġnus Magħquda, fid-dinja kien hemm ftit organizzazzjonijiet internazzjonali apparti l-Lega tan-Nazzjonijiet. Dawn l-organizzazzjonijiet kienu l-unjin tal-komunikazzjoni, l-Unjin Telegraph, kif ukoll l-Unjin Universali tal-Posta. Illum dawn l-organizzazzjonijiet huma aġenziji speċjali tal-Ġnus Magħquda.

Qabel ma twaqqfet il-Ġnus Magħquda d-dinja kellha wkoll organizzazzjoni oħra li suppost kienet tikkontrolla l-pajjiżi kollha tad-dinja. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija kienet twaqqfet il-Lega tan-Nazzjonijiet. Dik kienet ġiet imwaqqfa fis-Sena 1919 bil-famuż Trattat ta’ Versailles. L-għan tal-Lega kien li “tippromwovi koperazzjoni internazzjonali kif ukoll biex takkwista l-paċi u s-sigurtà fid-dinja kollha.”

Taħt l-istess Trattat kienet ġiet imwaqqfa wkoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. Din kienet waħda mill-akbar organizzazzjonijiet li kienu affiljati mal-Lega.

Iżda minħabba ċ-ċirkostanzi li nqalgħu wara li Hitler ħa l-poter fil-Ġermanja, din il-Lega sparixxiet. Diversi mexxejja dinjin kienu jaħsbu li Hitler qatt ma kien se jasal biex jibda gwerra daqshekk devastanti.

1944-1945

immodifika

Kien qiegħed jinħass li fid-dinja kien hemm kaos sħiħ. Kien hemm pajjiżi kollha mfarrkin u tilfu l-indipdenza tagħhom. Għalhekk bejn Awissu u Ottubru ta’ l-1944 delegazzjonijiet minn erba’ pajjiżi ltaqgħu f’Dumbarton Oaks, fl-Istati Uniti, biex flimkien jipprovaw isibu soluzzjoni dejjiema għad-dinja u qabel kollox kif jistgħu jwaqqfu l-gwerra dinjija.

Kważi sena wara li dawn id-delegazzjonijiet iltaqgħu f’Oaks, reġgħu ltaqgħu biex ifasslu u janalizzaw dak li jista’ jiġi mitfihem. Il-pajjiżi li ħadu sehem fid-diskussjoni kienu ċ-Ċina, l-Unjoni Sovjetika, l-Ingilterra kif ukoll l-Istati Uniti.

L-erba’ pajjiżi fil-ġimgħat ta’ wara bdew jiltaqgħu ma’ mexxejja ta’ pajjiżi oħrajn biex ifhemu dak li kien ġie miftihem bejn dawn l-erba’ pajjiż. Kien fis-26 ta’ Ġunju ta’ l-1945 meta f’konferenza speċjali li saret f’San Francisco, fl-Istati Uniti, ġie ffirmat it-trattat tal-Ġnus Magħquda li fuqu kellha timxi ’l quddiem din l-organizzazzjoni dinjija l-ġdida.

Għall-iffirmar kien hemm preżenti rappreżentanti ta’ 50 pajjiż iżda b’mod uffiċjali l-ewwel membri tal-Ġnus Magħquda kienu 51 pajjiż. Il-pajjiż nieqes fl-iffirmar kien il-Polonja li minħabba raġunjijiet ta’ gwerra, il-mexxejja tiegħu ma setgħux jattendu. Kien għalhekk li l-Polonja ffirmat dan it-Trattat aktar tard.

Għalkemm kien hemm l-iffirmar, xorta waħda dan it-Trattat ma setax jidħol fis-seħħ minħabba li ried jiġi ratifikat minn diversi pajjiżi fosthom iċ-Ċina, Franza, l-Unjoni Sovjetika, l-Ingilterra, l-Istati Uniti kif ukoll pajjiżi oħrajn li ffirmaw it-Trattat.

B’mod uffiċċjali dan it-Trattat daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ottubru tal-istess sena u għalhekk minn dik il-ġurnata l-pajjiżi firmatarji kkommettew ruħhom li jaħdmu għall-għanijiet li hemm imniżżlin fl-ewwel faċċata ta’ dan it-Trattat. Għalhekk kull anniversarju tat-twaqqif ta’ l-akbar organizzazzjoni dinjija jiġi ċċelebrat f’Ottubru u mhux f’Ġunju.

Madankollu xorta waħda din il-ġurnata tibqa’ mfakkra bħala l-ġurnata meta t-52 pajjiż resqu lejn xulxin biex b’hekk jaħdmu għal għan wieħed li jkun hawn il-paċi fid-dinja.

It-Trattat tal-Ġnus Magħquda

immodifika

Bħal kull trattat ieħor, il-Ġnus Magħquda ħasbet biex permezz tat-Trattat tagħha tirregola lil kull pajjiż membru. Għalhekk kapitlu tnejn hu kollu ddedikat għar-regolamenti tal-membri.

Iżda l-aktar punti importanti li joħorġu minn dan it-Trattat jinsabu eżatt fl-ewwel paġna hekk imsejħa “Preambolu”. L-għanijiet huma li fid-dinja jkun hawn il-paċi u l-popli kollha jkollhom dinjità.

Fil-fatt fil-preambolu hemm imniżżel “biex insalvaw il-ġenerazzjonijiet kollha tad-dinja mill-gwerer li s’issa kien hawn tnejn kbar li kważi qerdu kollox".

Li kulħadd ikollu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dinjità għal kull persuna. L-irġiel u nisa għandhom ikollhom l-istess drittijiet.

Li tiġi osservata l-liġi internazzjonali u kull pajjiż fid-dinja jobliga ruħu li jirrispetta trattati li jsiru mill-Ġnus Magħquda u aġenziji tagħha.

Li kull pajjiż fid-dinja jagħti l-libertà liċ-ċittadini kollha u jippromwovi l-progress soċjali.”

Fil-preambolu hemm ukoll li l-għan ta’ dan it-Trattat hu “li l-pajjiżi kollha tad-dinja jgħixu fil-paċi u flimkien jikkontribixxu għall-paċi u s-sigurtà.

Ħadd m’għandu juża l-forzi militari tiegħu kontra pajjiż ieħor mingħajr l-approvazzjoni tal-Ġnus Magħquda.

Kull pajjiż għandu jagħti ċans liċ-ċittadini jagħmlu avvanzi ekonomiċi u soċjali biex id-dinja timxi aktar ’il quddiem.”

L-għan ewlieni tal-Ġnus Magħquda hu li jkun hawn stabbilità u żvilupp dejjiemi fid-dinja.

Prijoritajiet sal-2015

immodifika

Għalkemm matul is-snin li ilha mwaqqfa l-Ġnus Magħquda għamlet kisbiet kbar għall-popli kollha tad-dinja, il-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll kull membru ta’ din l-għaqda Internazzjonali għandhom prioritajiet li kollha jitkellmu biex il-popli tad-dinja jgħixu ħafna aħjar.

Il-Ġnus Magħquda tixtieq li sa l-2015 tonqos bin-nofs il-popolazzjoni li bħalissa qiegħda tgħix b’inqas minn dollaru kuljum. Irid ikun hawn xogħol diċenti għall-maġġoranza tal-popli kollha tad-dinja, kif ukoll trid tonqos bin-nofs il-popolazzjoni tan-nies li bħalissa qegħdin jgħixu fil-faqar.

Fil-qasam edukattiv, il-Ġnus Magħquda tixtieq li kull tifel u tifla fid-dinja jtemmu l-iskola primarja u tispiċċa d-diskriminazzjoni b’min għandu dritt jidħol fl-iskola. Il-programm sa l-2015 jgħid li sa dik is-sena l-imwiet fost it-tfal ta’ inqas minn ħames snin iridu jonqsu b’terz.

Biex isiru dawn irid jkun hemm servizzi tas-saħħa għal kull persuna fid-dinja. Irid ikun hemm kontroll strett fuq il-marda ta’ AIDS kif ukoll dawk kollha morda bil-malarja u mard ieħor ikollhom il-kura għalih.

Dwar l-ambjent, sa l-2015 il-Ġnus Magħquda tixtieq li ma jkunx hemm aktar ħela ta’ riżorsi naturali u fl-istess waqt tinstab enerġija alternattiva.

Fil-qasam tan-negozju l-Ġnus Magħquda trid li jkun hemm aktar negozju miftuħ u sistemi finanzjari aktar ġusti. Trid li jkun hemm tmexxija nadifa u bla korruzzjoni f’kull gvern tad-dinja.

Il-Ġnus Magħquda tixtieq li sa l-2015 id-dinja kollha tingħaqad b’teknoloġija ta’ l-informazzjoni kif ukoll itejjeb f’kull rokna tad-dinja l-komunikazzjoni. Dawn huma wħud mill-prioritajiet tal-Ġnus Magħquda sa l-2015.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "United Nations - Member States (inkluż is-Sudan t'Isfel, l-iktar Stat Membru reċenti)". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)