'Uruq Bani Mu'arid

żona protetta u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Arabja Sawdija

'Uruq Bani Ma'arid (bl-Għarbi: عروق بني معارض) hija żona protetta fin-Nofsinhar tal-Arabja Sawdija li tinsab fit-tarf tal-Punent ta' Rub' al Khali (il-Kwartier Vojt), l-ikbar deżert bir-ramel fid-dinja. Iż-żona protetta hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet: riżerva naturali ewlenija; żona fejn hija permessa r-ragħa kkontrollata; u żona tal-kaċċa.

Vachellia (eks Acacia) tortilis.

'Uruq Bani Ma'arid hija żona li fiha kienu jgħixu l-għażżiela tal-Arabja qabel ma saru estinti fin-natura selvaġġa. Ir-riżerva ntgħażlet għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-għażżiela tal-Arabja li tnisslu permezz ta' programm tat-tnissil fil-kaptività. Is-sit intgħażel bħala adattat għall-istabbiliment mill-ġdid tal-merħliet tal-gazzelli tar-ramel tal-Arabja (Gazella subgutturosa marica), tal-gazzelli tal-muntanji (Gazella gazella) u tan-nagħma (Struthio camelus), li storikament kollha kemm huma kienu jgħixu fl-inħawi.

Ġeografija immodifika

Is-sit ta' din iż-żona protetta huwa estiża minn latitudni ta' 19°30'N u lonġitudni ta' 45°30'E, sa latitudni ta' 19°10'N u lonġitudni ta' 45°15'E, b'erja totali ta' 12,658 km2 (4,887 mil kwadru). Flimkien mal-promontorju frammentat tal-ġebla tal-ġir taħt l-għaram lineari, ir-riżerva tinkludi parti mix-Xaqliba ta' Tuwaiq, widien u pjanuri taż-żrar. Ir-rimi ta' ramel aħmar jinsabu b'mod parallel ma' xulxin u jaf ilaħħqu għoli saħansitra ta' 150 metru (492 pied). Dawn huma sseparati minn kurituri b'bażijiet tar-ramel jew taż-żrar. Il-klima hija waħda sħuna u arida. Qajla tinżel ix-xita u l-medja tkun ta' madwar 30 millimetru (1.2 pulzier) fis-sena. Madankollu, meta tagħmel ix-xita, tinżel qliel fuq ix-xaqliba, u b'hekk jinħoloq fluss tal-ilma fil-widien u l-ilma jiskula u jinġabar fis-sottoswol.

Flora u fawna immodifika

'Uruq Bani Ma'arid ġiet iddeżinjata bħala Żona Importanti għall-Pjanti minħabba r-rikkezza tal-pjanti li jgħixu fiha meta mqabbel ma' nħawi oħra bħall-Kwartier il-Vojt, u l-preżenza ta' bosta speċijiet ta' pjanti endemiċi għall-Peniżola tal-Arabja.[1] Ix-xaqliba tal-ġebla tal-ġir fiha ftit veġetazzjoni iżda l-widien fit-tinjiet tax-xaqliba jappoġġaw varjetà ta' arbuxxelli, inkluż speċijiet ta' Acacia, ħaxix u legumi perenni. Fuq l-għaram tikber ftit veġetazzjoni tal-wiċċ ukoll, b'mod partikolari l-Calligonum crinitum ssp. arabicum flimkien mal-ħaxix perenni u s-sogħda. Fil-kurituri bejn l-għaram jikbru speċijiet nani tal-Haloxylon persicum, il-Moringa peregrina u l-Commiphora myrrha. Hawnhekk jikbru ftit pjanti annwali, iżda wara li tinżel ix-xita jikbru rimjiet ġodda fuq il-pjanti perenni. B'kollox fir-riżerva ġew irreġistrati 106 speċijiet ta' pjanti.

Bejn l-1995 u l-2013 ġew irrilaxxati fir-riżerva xi 149 għażżiel tal-Arabja, u fl-2013 ġie stmat li kienu preżenti madwar 500 individwu. Ma hemmx ċnut fir-riżerva, għaldaqstant din il-popolazzjoni hija l-unika waħda li tgħix fin-natura selvaġġa. Il-gazzelli tar-ramel tal-Arabja u l-gazzelli tal-muntanji ġew introdotti mill-ġdid kemm-il darba mill-1995 iżda mingħajr suċċess.[2]

Fost l-annimali l-oħra preżenti fir-riżerva hemm il-volpi ta' Rüppell, il-qattus tad-deżert, il-volpi l-aħmar, il-fenek selvaġġ tal-Kap, il-qanfud tad-deżert, il-gerbil ta' Cheesman, il-jerboa Eġizzjan sekond, il-varan tad-deżert, gremxul u sriep oħra, u klieb selvaġġi. Fir-riżerva ġew irreġistrati 104 speċijiet ta' għasafar iżda hemm madwar 16-il speċi biss li huma residenti. Il-pitarra ta' Houbara xi kultant tintlemaħ hawnhekk, x'aktarx waqt il-passa, iżda l-avvultun Torgos tracheliotos u l-ajkla bajda jitnisslu hawnhekk.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Iż-Żona Protetta ta' 'Uruq Bani Ma'arid ġiet iddeżinjata bħala l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO fl-Arabja Sawdija fl-20 ta' Settembru 2023.[3][4][5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[3]

Referenzi immodifika

  1. ^ Hall, M.; Miller, A.G.; Llewellyn, O.A.; Al-Abbasi, T.M.; Al-Harbi, R.J.; Al-Shammari, K.F. (2011). "Important Plant Areas in the Arabian Peninsula: 3. 'Uruq Bani Ma'arid". Edinburgh Journal of Botany. 68 (2): 183–197.
  2. ^ Jenny Walker; Stuart Butler; Anthony Ham; Andrea Schulte-Peevers (2013). Lonely Planet Oman, UAE & Arabian Peninsula. Lonely Planet Publications. p. 626. ISBN 978-1-74321-783-2.
  3. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "‘Uruq Bani Ma’arid". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-28.
  4. ^ "UNESCO adds Saudi Arabia's Uruq Bani Ma'arid Reserve to World Heritage List". Arab News (bl-Ingliż). 2023-09-20. Miġbur 2023-11-27.
  5. ^ "وكالة الأنباء السعودية". spa.gov.sa (bl-Għarbi). Miġbur 2023-11-27.