Cheirolophus crassifolius
Cheirolophus crassifolius jew Widnet il-Baħar (magħrufa ukoll bħala Maltese Rock Centaury jew Malta knapweed), hija speċi ta' pjanta endemika għal Malta mill-familja Asteraceae.[1][2] Il-Widnet il-Baħar saret u għadha l-pjanta nazzjonali ta' Malta mill-1971.[3][4] L-ambjent naturali tagħha huwa fil-wiċċ u fix-xquq tal-irdum, kif ukoll fil-widien kostali li jkunu magħmulin mill-franka.[5] Din il-pjanta hija mhedda bit-telf tal-ambjent naturali ikkawżat mill-bniedem. Kif ukoll minn pjanti aljeni invazivi li jistabilixxu ruħhom fuq l-irdum u jikkompetu ma' din l-ispeċi għall-istess riżorsi.[6]
Cheirolophus crassifolius | |
---|---|
Stat ta' konservazzjoni | |
F'Periklu Kritiku ta' Estinzjoni (IUCN 3.1) | |
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Renju | Plantae |
Ordni | Asterales |
Familja | Asteraceae |
Tribù | Cynareae (en) |
Ġeneru | Cheirolophus (en) |
speċi | Cheirolophus crassifolius Susanna,
|
Din il-pjanta perenni tagħmel fjuri ta' lewn vjola bejn Mejju u Lulju, il-fjuri jifformaw fuq zkuk ħodor, fjura waħda fuq kull zokk li huwa ta' tul ta' bejn 50 u 60 ċentimetru. Dawn iz-zkuk flimkien jifformaw arbuxxell b'weraq lixxi, sukkulenti, ovali u tawwalin f'forma ta' kuċċarina.[3][4][7] Iż-żerriegħa jkollha struttura bħall- ġwienaħ li jgħinu sabiex iż-żerriegħa ittir mar-riħ 'il bogħod mill-pjanta omm fejn tistabilixxi ruħha ġo qasma fil-blat fuq l-irdum f'post ieħor. [2] Il-weraq sukkulenti ta' din l-ispeċi huma mekkaniżmu ta' ħażna tal-ilma matul iż-żmien tan-nixfa fl-ambjent aridu tal-irdum.[8]
Il-varjeta' serratifolia hija rari ħafna bis-snien max-xifer tal-weraq u kienet deskritta li tinstab biss fuq l-irdumijiet t'Għawdex. Din il-varjeta' kienet deskritta għall-ewwel darba minn Fiori u Paoletti fl-1907.[9] [10] Filwaqt li l-botanist Malti John Borg kiteb fl-1927, li pjanti b'weraq normali tal-Widnet il-Baħar kienu jipproduċu weraq bis-snien fit-truf taz-zkuk bħal tal-varjeta' serratifolia.[10] Għalkemm din il-varjeta' ma nstabitx meta sar l-istudju fl-1994.[9]
Cheirolophus crassifolius kienet deskritta għall-ewwel darba mill-naturalist Malti Stefano Zerafa, madwar is-sena 1827, bħala l-unika speċi fil-ġeneru monotipiku Centaurea u ingħatat l-isem ta' Centaurea spathulatha.[2] Dan l-isem ġie mbiddel għal Centaurea crassifolia fl-1828. Imbagħad kienet trasferita fil-ġeneru Palaeocyanus u ingħatat l-isem ta' Paleocyanus crassifolius fl-1975 mill-botanist Josef Dostál.[11] Madankollu, fis-sena 1999, din il-pjanta ġiet trasferita għal ġeneru Cheirolophus, fid-dawl ta' studji ġenetiċi li saru f'dik is-sena u l-isem inbidel mill-botanist Alfonso Susanna għal Cheirolophus crassifolius.[12][2][11] Għalkemm għad hemm dibattitu dwar f'liema ġeneru minn Palaeocyanus u Cheirolophus l-aktar jirrifletti l-filoġenija ta' din l-ispeċi minħabba li hija pjanta Paleoendemika.[3][5][8] Din l-ispeċi hija regolarment ikkultivata f'Malta, minħabba li tikber biss fil-Gżejjer Maltin u l-popolazzjonijiet ta' din il-pjanta huma mhedda bl-estinzjoni. Fil-fatt, Cheirolophus crassifolius hija kkunsidrata bħala serjament mhedda fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN u hija imnizzla f'Appendiċi I ta' Flora protetta strettament tal-Konvenzjoni Bern u Anness II u IV tad-Direttiva 92/43/EEC tal-prijorita` tal-ispeċi. [13][6] Kif ukoll fil-ġżejjer Maltin, hija strettament protetta nkluż l-inħawi fejn din il-pjanta tinstab fis-selvaġġ minħabba l-importanza nazzjonali tagħha.[6][4][1]
L-isem "Cheirolophus" ifisser nofs tond bil-latin, simili għall-forma tad-daħla tal-id li kienet tirreferi għaliha l-kelma oriġinali bil-latin,[14] u għal forma tat-truf tal-bract li hija karatterristika ta' bosta speċi f'dan il-ġeneru.[4] Filwaqt li "crassifolius" tfisser weraq ħoxnin bil-Latin.[14] L-isem bil-Malti Widnet il-Baħar ġej mill-kelma "widna" li huwa isem li jingħata għall-weraq ta' pjanti oħrajn komuni li jintużaw bħala għalf. Filwaqt li l-kelma "baħar" tirreferi għall-ambjent naturali tal-pjanta li tikber fit-truf tal-irdum li jagħtu għall-baħar.[9]
Il-popolazzjnoijiet u l-individwi ta' C. crassifolius huma skarsi, iżda mifruxin u komuni fis-selvaġġ fuq l-irdumijiet tal-Punent u fix-Xlokk ta’ Malta. Filwaqt li huma rari fl-irdumijiet tan-nofsinhar ta’ Għawdex.[5] F'dawn l-aħħar snin, il-Widnet il-Baħar (C. crassifolius) saret frekwenti bħala speċi kkultivata fir-roundabouts u fil-ġonna pubbliċi.[3][4]
Bħala firxa globali, C. crassifolius tikber biss fil-gżejjer Maltin u speċi relatati jinstabu f'pajjiżi Mediterranji, fosthom Spanja, l-Portugal u Franza fin-naħa tan-nofsinhar tal-Ewropa u I-Alġerija u l-Marokk fit-tramuntana tal-Afrika. Kif ukoll fil-gzejjer Kanarji.[15][7]
Referenzi
immodifika- ^ a b Mifsud, S. (2022). Cheirolophus crassifolius - maħluq f'Lulju 2006. MaltaWildPlants.com. Data ta' Aċċess 2023-08-16
- ^ a b ċ d Casha, A. (2018). Flora of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Alex Casha. ISBN 9780244605889.
- ^ a b ċ d Lanfranco, E.; Bonett, G. (2018). Nature Guide Series Wild Flowers of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Print It, Paola, Malta: BDL Publishing. ISBN 978-99957-46-59-9.
- ^ a b ċ d e "BioSnippett Issue 22 Maltese Rock Centaury" (PDF). era.org.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-20.
- ^ a b ċ Mifsud, S. (2013) Distribution of some rare or endemic chasmophytic and rupestral species growing along the coastal cliffs of the Maltese Islands, Webbia, 68:1, 35-50, DOI: 10.1080/00837792.2013.807451
- ^ a b ċ Stevens, D. & Lanfranco, E. 2006. Cheirolophus crassifolius. The IUCN Red List of Threatened Species 2006: e.T61621A12524967. doi: https://dx.doi.org/10.2305/IUCN.UK.2006.RLTS.T61621A12524967.en. Data ta' Aċċess 2023-08-18
- ^ a b Garnatje, T.; Garcia, S.; Canela, M. Á. (2007-03-01). "Genome size variation from a phylogenetic perspective in the genus Cheirolophus Cass. (Asteraceae): biogeographic implications". Plant Systematics and Evolution (bl-Ingliż). 264 (1): 117–134.
- ^ a b Zammit, F. (2012) "Investigating the compatibility between Natura 2000 site protection and geomorphological landscapes". Masters Theses, 2010-2019. 374. URL:https://commons.lib.jmu.edu/master201019/374
- ^ a b ċ Zammit MaempeI, G. (1999). "Malta's National Plant, Palaeocyanus crassifolius (Bertoloni) Dostal (Asteraceae) and some arthropod visitors". The Central Mediterranean Naturalist (bl-Ingliż). The Central Mediterranean Naturalist. 3 (1): 35–42 – via OAR@UM.Manutenzjoni CS1: data u sena (link)
- ^ a b Borg, J. (1927). Descriptive Flora of the Maltese Islands: Including the Ferns and Flowering Plants (bl-Ingliż). U.S. Government Printing Office.
- ^ a b Susanna, A., Garnatje, T., & Garcia-Jacas, N. (1999). Molecular phylogeny of Cheirolophus (Asteraceae: Cardueae—Centaureinae) based on ITS sequences of nuclear ribosomal DNA. Plant Systematics and Evolution, 214(1/4), 147-160.
- ^ "Cheirolophus crassifolius | International Plant Names Index". www.ipni.org. Miġbur 2023-08-18.
- ^ "IUCN Top 50 - Cheirolophus crassifolius". top50.iucn-mpsg.org. Miġbur 2024-09-12.
- ^ a b Quattrocchi, U. (2017). CRC world dictionary of plant names: common names, scientific names, eponyms, synonyms, and etymology. Routledge. ISBN 9780849326752
- ^ "Maltese rock centaury". Times of Malta (bl-Ingliż). 2015-06-11. Miġbur 2023-08-18.