Venera 7

sonda spazjali tal-Unjoni Sovjetika li niżlet fuq il-pjaneta Venere

Venera 7 (bir-Russu: Венера-7, litteralment"Venere 7") kien inġenju spazjali Sovjetiku, li kien parti mill-programm Venera ta' sondi lejn Venere. Meta l-inġenju niżel fuq wiċċ il-pjaneta Venere fil-15 ta' Diċembru 1970, sar l-ewwel inġenju spazjali li niżel bil-galbu fuq pjaneta oħra u l-ewwel wieħed li ttrażmetta data minn hemmhekk għad-Dinja.[1][2]

Replika tal-Venera 7 fil-Mużew tal-Kożmonawtika ta' Sergei Pavlovich Korolyov

L-inġenju spazjali ġie ddisinjat biex ikun jiflaħ għal pressjoni sa' 180 bar (18,000 kPa; 2,610 psi) u għal temperaturi sa 580 °C (1,076 °F).[3] Dan kien ferm iktar minn dak li kien mistenni jopera fih iżda minħabba inċertezzi sinifikanti dwar it-temperaturi fil-wiċċ u l-pressjoni ta' Venere d-disinjaturi allokaw għal marġni kbir ta' żball. Il-livell ta' ebusija żied il-massa mas-sonda li llimitat l-ammont ta' massa disponibbli għal strumenti xjentifiċi kemm fuq is-sonda stess kif ukoll fuq il-bus interplanetarja.[4] Il-bus interplanetarja kellha individwatur tal-partiċelli ċċarġjat bir-riħ tax-xemx kif ukoll individwatur tar-raġġi kożmiċi. Fuq il-Venera 7 kien hemm sensuri tat-temperatura u tal-pressjoni, kif ukoll aċċellerometru biex ikejjel id-densità atmosferika. Is-sonda kellha wkoll altimetru bir-radar.[5]

Is-sonda ġiet varata mid-Dinja fis-17 ta' Awwissu 1970, fil-5:38 ta' filgħodu UTC. Kienet tikkonsisti minn bus interplanetarja, ibbażata fuq sistema 3MV, u inġenju tal-inżul. Matul it-titjira lejn Venere, saru żewġ korrezzjonijiet fit-traġitt permezz tal-magna KDU-414 abbord il-bus.[6]

Is-sonda Venera 7 daħlet fl-atmosfera ta' Venere fil-15 ta' Diċembru 1970. L-inġenju tal-inżul baqa' mqabbad mal-bus interplanetarja matul l-istadji inizjali tad-dħul atmosferiku, sabiex il-bus tkun tista' tberred l-inġenju tal-inżul għal temperatura ta' −8 °C (17 °F) għal żmien twil kemm jista' jkun. L-inġenju tal-inżul ġie żganċat ladarba l-impatt atmosferiku kisser il-makkinarju tal-igganċjar mad-Dinja. Il-paraxutt infetaħ f'għoli ta' 60 km, u minnufih beda l-ittestjar atmosferiku b'riżultati li wrew li l-atmosfera ta' Venere kienet 97 % diossidu tal-karbonju. Inizjalment il-paraxutt iċċekken għal 1.8 metru kwadru, u iktar 'il quddiem infetaħ iktar sa 2.5 metri kwadri, eżattament 13-il minuta wara, skont kif ippjanat. Sitt minuti wara dan, il-paraxutt beda jfalli, u b'hekk l-inżul kien iktar rapidu milli kien ippjanat. Eventwalment il-paraxutt falla għalkollox, u s-sonda għal perjodu kienet nieżla waħedha. B'riżultat ta' dan, l-inġenju tal-inżul mess mal-wiċċ ta' Venere b'veloċità ta' madwar 16.5 m/s (59 km/h; 37 mph) fil-5:37:10 ta' filgħodu UTC. Il-koordinati tal-inżul kienu 5°S 351°E.[7]

 
Il-pożizzjoni tas-siti tal-inżul ta' Venera. Il-punti bl-aħmar huma siti fejn intbagħtu immaġnijiet mill-wiċċ, it-tikek ċentrali suwed huma siti minn fejn saret analiżi ta' kampjun mill-wiċċ. Il-mappa hija bbażata fuq immappjar minn Pioneer Venus Orbiter u Magellan.

Mal-impatt is-sonda qisha kienet se tintefa, iżda baqgħet tirreġistra kollox normali. Ftit ġimgħat wara, wara li sar rieżami tar-reġistrazzjonijiet mill-astronomu tar-radju Oleg Rzhiga, instabu wkoll 23 minuta ta' sinjali batuti ħafna.[8][9] L-inġenju spazjali kien niżel fuq Venere, u x'aktarx li tmejjel fuq ġenbu, għalhekk l-antenna tat-trażmissjoni medja ma kinitx immirata kif suppost għat-trażmissjoni tas-sinjal lejn id-Dinja.

Is-sonda ttrażmettiet l-informazzjoni lejn id-Dinja għal 53 minuta, li kienet tinkludi madwar 20 minuta mill-wiċċ.[10] Instab li t-temperatura fil-wiċċ ta' Venere kienet 475 °C (887 °F) ± 20 °C. Permezz tat-temperatura, u mudelli tal-atmosfera, ġiet ikkalkulata pressjoni ta' 9.0 MPa (1,300 psi) ± 1.5 MPa. Mill-waqfien rapidu tal-inġenju spazjali (mill-inżul għall-waqfien f'0.2 sekondi), wieħed seta' jikkonkludi li l-inġenju kien niżel fuq wiċċ b'livell baxx ta' trab.[11]

Is-sonda pprovdiet informazzjoni dwar wiċċ Venere, li ma kienx viżibbli minħabba saff oħxon tal-atmosfera. L-inġenju spazjali kkonferma b'mod definittiv li l-bniedem ma jistax jgħix fuq wiċċ Venere, u eskluda l-possibbiltà li hemm xi ilma likwidu fuq il-pjaneta.

Biblijografija

immodifika
  • Harvey, Brian (2007). Russian Planetary Exploration History, Development, Legacy and Prospects. Springer-Praxis. ISBN 9780387463438.
  • Huntress Jr, Wesley T.; Marov, Mikhail Ya (2011). Soviet Robots in the Solar System Mission Technologies and Discoveries. Springer-Praxis. ISBN 9781441978974.
  • Ulivi, Paolo; Harland, David M (2007). Robotic Exploration of the Solar System Part I: The Golden Age 1957–1982. Springer. ISBN 9780387493268.
  • Reeves, Robert (1994). The Superpower Space Race: An Explosive Rivalry through the Solar System. Plenum Press. ISBN 0-306-44768-1.
  • Siddiqi, Asif A. (2018). Beyond Earth: A Chronicle of Deep Space Exploration, 1958–2016. The NASA history series (second ed.). Washington, DC: NASA History Program Office. ISBN 9781626830424. LCCN 2017059404. SP2018-4041.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Onward from Venus - TIME". web.archive.org. 2008-12-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-21. Miġbur 2022-08-17.
  2. ^ Siddiqi 2018, pp. 1, 3.
  3. ^ Huntress Jr & Marov 2011, p. 235.
  4. ^ "NASA - NSSDCA - Spacecraft - Details". nssdc.gsfc.nasa.gov. Miġbur 2022-08-17.
  5. ^ Huntress Jr & Marov 2011, pp. 236–240.
  6. ^ Reeves 1994, pp. 211–215.
  7. ^ Patrick Moore, The data book of astronomy. CRC Press, 2000, p. 92.
  8. ^ "Larry Klaes, The Soviets and Venus, Part 1, 1993". web.archive.org. 2015-09-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-29. Miġbur 2022-08-17.
  9. ^ Harvey 2007, p. 114.
  10. ^ "Межпланетные стации "Венера-7" и "Венера-8" - СССР". galspace.spb.ru. Miġbur 2022-08-17.
  11. ^ Ulivi & Harland 2007, pp. 97–99.