Traduzzjoni teknika
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
It-traduzzjoni teknika hija tip ta’ traduzzjoni speċjalizzata li tinvolvi t-traduzzjoni ta’ dokumenti miktuba minn kittieba tekniċi, bħal testi relatati mat-teknoloġija, li jittrattaw l-applikazzjoni prattika ta’ informazzjoni xjentifika u teknoloġika.
Għalkemm it-terminoloġija speċjalizzata hija karatterisitka ewlenija tat-testi tekniċi, waħedha mhijiex biżżejjed sabiex test jiġi klassifikat bħala “tekniku”. Dan għaliex diversi dixxiplini u suġġetti li mhumiex ‘’tekniċi’’ għandhom ukoll xi forma ta’ terminoloġija speċjalizzata. It-traduzzjoni teknika tkopri ħafna tipi ta’ kitbiet speċjalizzati, u teħtieġ livell għoli ta’ għarfien fuq is-suġġett, familjarizzazzjoni, u ħakma tajba tat-terminoloġija relevanti u l-konvenzjonijiet tal-kitba.
L-importanza ta' terminoloġija konsistenti fit-traduzzjoni teknika tgħin lit-traduzzjoni assistita mill-kompjuter (bl-użu ta' memorji tat-traduzzjoni u databases tat-terminoloġija), tkun aktar applikabbli. Fil-ktieb tiegħu Technical Translation, Jody Byrne jargumenta li t-traduzzjoni teknika hi simili ħafna tal-komunikazzjoni teknika. Huwa jżid li t-traduzzjoni teknika tista’ tibbenifika minn riċerka f’dan il-qasam u anke f’oqsma oħra, bħall-użabilità u l-psikoloġija konjittiva.
Minbarra li tagħmel testi b’lingwaġġ tekniku aktar aċċessibbli għal udjenza aktar usa’, it-traduzzjoni teknika tinvolvi wkoll fatturi lingwistiċi ta’ traduzzjoni minn lingwa għall-oħra ta’ kitbiet teknoloġiċi.
Fiha nfisha, it-traduzzjoni hija bilanċ bejn arti u xjenza, influwenzata kemm mit-teorija kif ukoll mill-prattika. L-għarfien ta’ aspetti lingwistiċi u estetiċi tat-traduzzjoni huwa relevanti għall-qasam tat-traduzzjoni teknika.
Sfond
immodifikaMill-1967, il-fergħa tat-traduzzjoni teknika ġiet rikonuxxuta, studjata, u żviluppata. Tradizzjonalment kienet tagħmel enfasi fuq l-importanza tal-lingwa sors, il-lingwa li biha t-test ikun oriġinarjament miktub. Madankollu, matul iż-żmien, il-moviment Funzjonalista tbiegħed minn din il-perspettiva tradizzjonali, u tqarreb lejn l-idea li traduzzjoni għandha tiffoka fuq il-funzjoni tat-traduzzjoni u l-udjenza intenzjonata. Dan jista’ jkun minħabba l-fatt bejn 5% u 10% biss ta’ dokument tekniku huwa magħmul minn terminoloġija speċifika, filwaqt li bejn 90% u 95% mit-test huwa lingwaġġ naturali tal-lingwa sors. Għalkemm it-traduzzjoni teknika hija tip wieħed ta’ traduzzjoni professjonali, hija l-akbar tip ta’ traduzzjoni fil-kuntest ta’ produzzjoni. Bħalissa, aktar minn 90% ta’ kull xogħol professjonalment tradott huwa magħmul minn tradutturi tekniċi. Dan il-fatt jixhed l-importanza ta’ dan il-qasam.
Metodi u prattika
immodifikaTraduttur tekniku
immodifikaL-irwol tat-traduttur tekniku mhuwiex biss li jittrasmetti l-informazzjoni, imma għandu wkoll l-irwol li jibni t-tagħrif permezz tat-tifsir, partikolarment għaliex ħafna mid-drabi, it-traduttur tekniku jista’ wkoll jieħu l-irwol ta’ kittieb tekniku. Ir-riċerka wriet li l-komunikaturi tekniċi joħolqu tifsiriet ġodda aktar milli sempliċiment jittrasmettu informazzjoni antika. Din ir-riċerka tenfasizza l-irwol importanti li tradutturi tekniċi għandhom fil-kuntest tat-tifsir tat-test, kemm jekk qegħdin jittraduċu teknikament f’lingwa waħda, kif ukoll jekk qegħdin jittraduċu f’iktar minn lingwa waħda.
Bħall-professjonist fil-qasam tal-komunikazzjoni teknika, it-traduttur tekniku jrid ikollu sfond interkulturali u multidimensjonali. Minbarra l-għarfien ta’ aspetti teoretiċi u lingwistiċi għall-proċess tat-traduzzjoni nnifsu, traduttur tekniku jrid jifhem suġġetti oħra bħall-psikoloġija konjittiva, l-inġinerija tal-użabilità, u l-komunikazzjoni teknika, sabiex ikun traduttur tekniku ta’ suċċess. Ħafna tradutturi tekniċi jaħdmu f’oqsma speċjalizzati, ngħidu aħna fit-traduzzjoni teknika, medika jew legali. Din tenfasizza l-importanza ta’ sfond interdixxiplinari. Permezz ta’ taħriġ, it-tradutturi tekniċi għandhom ukoll jiffamiljarizzaw ruħhom mat-traduzzjoni professjonali.
It-traduzzjoni teknika tirrikjedi għarfien tajjeb ta’ ħiliet teknoloġiċi, partikolarment jekk it-traduttur jutilizza t-traduzzjoni assistita mill-kompjuter (CAT) jew traduzzjoni awtomatika (MT). Għalkemm xi tradutturi tekniċi jittraduċu mingħajr l-għajnuna ta’ din it-teknoloġija, dan normalment iseħħ meta x-xogħol li qiegħed jiġi tradott ikun ta’ natura kreattiva. Dokumenti li jittrattaw is-sengħa mekkanika jew l-inġinerija, ta’ spiss jinkorporaw fihom frażijiet u kunċetti tradotti, u għaldaqstant ġeneralment jiġu tradotti permezz ta’ CAT u MT.